Bijografija
Jehovah Dejjem Jieħu Ħsiebna
KIF RAKKONTATA MINN ENELESI MZANGA
Kienet is-sena 1972. Għaxart irġiel żgħażagħ, membri tal-Malawi Youth League, daħlu fid-dar tagħna, qabduni, u kaxkruni ġo għalqa tal-kannamiela li kienet viċin. Hemmhekk, sawtuni u ħallewni għax ħasbuni mejta.
Numru kbir taʼ Xhieda taʼ Jehovah fil-Malawi sofrew attakki vjolenti bħal dan. Għala ġew persegwitati? X’għenhom jissaportu? Jekk jogħġbok ħallini ngħidlek l-istorja tal-familja tiegħi.
JIEN twilidt fil-31 taʼ Diċembru, fl-1921, ġo familja reliġjuża. Missieri kien kappillan tal-Knisja Presbiterjana taʼ l-Afrika Ċentrali. Jien trabbejt ġewwa Nkhoma, belt żgħira ħdejn Lilongwe, il-kapitali tal-Malawi. Meta kelli 15-il sena, iżżewwiġt lil Emmas Mzanga.
Darba minnhom ġie jżurna ħabib taʼ missieri li kien ukoll kappillan. Hu kien innota li ħdejn id-dar tagħna kienu jgħixu xi Xhieda taʼ Jehovah u avżana biex ma jkollniex kuntatti magħhom. Hu qalilna li x-Xhieda taʼ Jehovah kienu maħkumin mid-demonji u jekk ma noqogħdux attenti, aħna wkoll stajna niġu maħkumin mid-demonji. Din it-twissija tant ħasditna li morna noqogħdu f’raħal ieħor, fejn Emmas sab impjieg jaħdem f’ħanut. Imma malajr sirna nafu li d-dar il-ġdida tagħna kienet qiegħda viċin ix-Xhieda taʼ Jehovah ukoll!
Madankollu, wara ftit taż-żmien, l-imħabba li Emmas kellu għall-Bibbja qanqlitu jitkellem maʼ wieħed mix-Xhieda. Wara li tawh tweġibiet konvinċenti għal ħafna mill-mistoqsijiet li kellu, Emmas aċċetta l-offerta tax-Xhieda biex jistudjaw il-Bibbja miegħu. Għall-ewwel, l-istudju tal-Bibbja kien isir fil-ħanut fejn kien jaħdem, imma iktar tard l-istudju taʼ kull ġimgħa nżamm id-dar tagħna. Kull darba li kienu jiġu x-Xhieda taʼ Jehovah, jien kont noħroġ mid-dar għax kont nibżaʼ minnhom. Minkejja dan, Emmas kompla jistudja l-Bibbja. Hu tgħammed madwar sitt xhur wara li beda, f’April taʼ l-1951. Madankollu, ma qallix x’għamel, għax beżaʼ li l-aħbar kienet se tkisser iż-żwieġ tagħna.
Ġimgħat Diffiċli
Però, darba minnhom ħabiba tiegħi, Ellen Kadzalero, qaltli li r-raġel tiegħi kien mgħammed bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah. Demmi beda jbaqbaq bir-rabja! Minn dakinhar ’il quddiem, ma kellimtux u ma lestejtlux l-ikel. Barra minn hekk, ma bqajtx immur inġib u nsaħħan l-ilma biex jieħu banju—biċċa xogħol li skond id-drawwiet tagħna hija kunsidrata bħala dmir tal-mara.
Wara li ssaporta din l-imġiba għal tliet ġimgħat, Emmas bil-ħlewwa staqsini biex noqogħdu bil-qiegħda flimkien, u mbagħad qalli għala hu kien ħa d-deċiżjoni li jsir Xhud. Hu qara u spjega diversi skritturi, bħalma hi l-1 Korintin 9:16. Jien ġejt imqanqla ħafna u ħassejt li jien ukoll kelli nieħu sehem fl-ippridkar taʼ l-aħbar tajba. Għalhekk, iddeċidejt li nibda nistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah. Dak il-lejl stess ippreparajt ikla tajba għar-raġel tiegħi li verament jaf iħobb, u tgħidx kemm feraħ.
Naqsmu l-Verità mal-Familja u l-Ħbieb
Meta l-ġenituri tagħna semgħu li aħna konna qed nassoċjaw max-Xhieda taʼ Jehovah, huma opponew bl-aħrax. Il-familja tiegħi kitbitilna ittra li fiha qalulna biex ma nibqgħux inżuruhom iktar. Ir-reazzjoni tagħhom sewditilna qalbna, imma aħna fdajna fil-wegħda taʼ Ġesù li kien se jkollna ħafna aħwa rġiel u nisa u missirijiet u ommijiet spiritwali.—Mattew 19:29.
Jien malajr għamilt progress fl-istudju tal-Bibbja tiegħi u tgħammidt f’Awissu taʼ l-1951, tliet xhur u nofs biss wara r-raġel tiegħi. Ħassejtni obbligata naqsam il-verità mal-ħabiba tiegħi Ellen. Bil-ferħ, hi aċċettat l-offerta tiegħi għal studju tal-Bibbja. F’Mejju taʼ l-1952, Ellen tgħammdet u saret oħti spiritwali, u dan kompla jsaħħaħ il-ħbiberija tagħna. Illum il-ġurnata, għadna l-aqwa ħbieb.
Fl-1954, Emmas ġie maħtur biex iżur il-kongregazzjonijiet bħala indokratur tas-circuit. Dak iż-żmien diġà kellna sitt itfal, u indokratur li jivvjaġġa li kellu familja kien iqattaʼ ġimgħa waħda jżur kongregazzjoni u mbagħad il-ġimgħa taʼ wara jqattagħha d-dar mal-mara u t-tfal. Madankollu, meta Emmas kien ikun qiegħed jivvjaġġa, hu dejjem kien jieħu ħsieb li jien nikkonduċi l-istudju tal-Bibbja tal-familja tagħna. Aħna pprovajna nagħmlu l-istudju mat-tfal tagħna pjaċevoli. Konna nitkellmu wkoll b’konvinzjoni mill-qalb dwar l-imħabba tagħna għal Jehovah u għall-verità mill-Kelma tiegħu, u konna nieħdu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar bħala familja. Dan il-programm taʼ taħriġ spiritwali saħħaħ il-fidi tat-tfal tagħna u serva biex jippreparahom għall-persekuzzjoni li konna se niffaċċjaw.
Tibda l-Persekuzzjoni Reliġjuża
Fl-1964, il-Malawi sar nazzjon indipendenti. Meta uffiċjali tal-partit li kien qed imexxi saru jafu bil-waqfa newtrali tagħna fejn tidħol il-politika, huma pprovaw jisforzawna nixtru l-biljetti taʼ sħubija mal-partit.a Minħabba li jien u Emmas irrifjutajna li nixtruhom, xi membri tal-Youth League qerdulna l-għalqa tal-qamħirrum li kellna—l-ikel prinċipali tagħna għas-sena taʼ wara. Waqt li xi membri tal-Youth League kienu qed jaqtgħu l-qamħirrum, kienu qed ikantaw: “Għal dawk kollha li jirrifjutaw li jixtru l-biljett taʼ Kamuzu [il-President Banda], l-insetti se jieklu l-qamħirrum aħdar tagħhom u dawn in-nies se jibku għalih.” Madankollu, minkejja dan it-telf taʼ ikel, ma qtajniex qalbna. Ħassejna l-għajnuna taʼ Jehovah. Bl-imħabba kollha, hu tana s-saħħa li kellna bżonn.—Filippin 4:12, 13.
Darba minnhom, f’Awissu taʼ l-1964, kien tard bil-lejl u jien kont id-dar waħdi bit-tfal. Konna reqdin, imma l-ħoss taʼ kant fil-bogħod qajjimni. Kienet il-Gulewamkulu, soċjetà sigrieta tal-biżaʼ li kienu żeffiena tribwali li jattakkaw lin-nies u jagħmluha taʼ bir-ruħhom li huma l-ispirti t’antenati mejtin. Il-Youth League kienet bagħtet lill-Gulewamkulu biex jattakkawna. Malajr malajr qajjimt lit-tfal, u qabel ma waslu d-dar tagħna, ġrejna għal ġol-foresta.
Minn fejn konna qed nistaħbew, rajna dawl jixgħel. Il-Gulewamkulu kienu taw in-nar lid-dar tagħna li kellha s-saqaf magħmul mit-tiben. Inħarqet kompletament, flimkien maʼ dak kollu li kellna. X’ħin telqu mid-dar tagħna li issa ma kienet xejn ħlief terrapien jaqbad, smajniehom jgħidu, “Għamilna nar tajjeb sabiex dak ix-Xhud ikun jistaʼ jisħon.” Kemm irringrazzjajna lil Jehovah li kien irnexxielna naħarbu għall-kenn! Veru, qerdu dak kollu li kellna, imma ma qerdux id-determinazzjoni tagħna li nafdaw f’Jehovah minflok fil-bnedmin.—Salm 118:8.
Sirna nafu li l-Gulewamkulu kienu għamlu l-istess ħaġa tant terribbli lil ħames familji oħra tax-Xhieda taʼ Jehovah fil-lokalità tagħna. Kemm fraħna u konna grati meta l-aħwa minn kongregazzjonijiet fil-viċin ġew biex jgħinuna! Huma reġgħu bnew id-djar tagħna u tawna biżżejjed ikel għal diversi ġimgħat.
Il-Persekuzzjoni Tiħrax
F’Settembru taʼ l-1967 kien hemm kampanja madwar il-pajjiż kollu biex jiġbru lix-Xhieda taʼ Jehovah. Sabiex isibuna, irġiel żgħażagħ verament ħorox u bla ħniena—membri tal-Youth League u tal-Malawi Young Pioneers, armati bi skieken tal-ħsad—fittxew lix-Xhieda minn bieb għal bieb. Meta sabuhom, iż-żgħażagħ offrewlhom biljetti taʼ partit politiku sabiex jixtruhom.
Meta waslu d-dar tagħna, huma staqsewna jekk kellniex biljett. Jien għedtilhom: “Le, ma xtrajtx wieħed. M’iniex se nixtri wieħed issa, u lanqas se nixtri wieħed fil-futur.” Għalhekk, huma qabdu lili u lir-raġel tiegħi u ħaduna l-istazzjon tal-pulizija lokali, mingħajr ma tawna ebda ħin biex nieħdu xi ħaġa magħna. Meta t-tfal iż-żgħar tagħna ġew mill-iskola, ma sabu lil ħadd id-dar, u tgħidx kemm inkwetaw. Fortunatament, it-tifel il-kbir tagħna, Daniel, wasal id-dar ftit tal-ħin wara u sar jaf b’dak li kien ġara mingħand wieħed mill-ġirien. Mill-ewwel, qabad lil ħutu ż-żgħar u mar l-istazzjon tal-pulizija. Waslu eżatt x’ħin il-pulizija kienu qed jitfgħuna ġo trakkijiet biex jiħduna Lilongwe. It-tfal ġew magħna.
F’Lilongwe, inżamm qorti finta fil-kwartieri ġenerali tal-pulizija. L-uffiċjali staqsewna, “Se tibqgħu Xhieda taʼ Jehovah?” Aħna weġibna, “Iva!” għalkemm din it-tweġiba kienet tfisser awtomatikament sentenza taʼ sebaʼ snin ħabs. Għal dawk li kienu “jmexxu” l-organizzazzjoni, is-sentenza kienet taʼ 14-il sena.
Wara li qattajna lejl mingħajr ikel u mistrieħ, il-pulizija ħaduna l-Ħabs taʼ Maula. Hemmhekk, iċ-ċelel tant kienu ppakkjati li lanqas biss stajna nsibu post maʼ l-art fejn norqdu! Il-faċilità tat-tojlit kienet barmil wieħed f’kull ċella ppakkjata. Il-proviżjonijiet taʼ l-ikel kienu żgħar ħafna u ħżiena. Wara ħmistax, l-uffiċjali tal-ħabs raw li konna nies paċifiċi u ħallewna nużaw il-bitħa taʼ barra fejn kienu jagħmlu l-eżerċizzji. Minħabba li konna ħafna nies miġburin flimkien, kuljum kellna opportunitajiet biex ninkuraġġixxu lil xulxin u biex nagħtu xiehda mill-aqwa lill-ħabsin l-oħra. Mingħajr ma konna qed nistennew, tliet xhur biss wara s-sentenza tagħna, ġejna meħlusin minħabba pressjoni internazzjonali li kien hemm fuq il-gvern tal-Malawi.
L-uffiċjali tal-pulizija ħeġġewna biex immorru lura d-dar tagħna, imma qalulna wkoll li x-Xhieda taʼ Jehovah kienu ġew projbiti fil-Malawi. Din il-projbizzjoni damet mill-20 t’Ottubru taʼ l-1967, sat-12 t’Awissu taʼ l-1993—kważi 26 sena. Dawn kienu snin diffiċli, u madankollu bl-għajnuna taʼ Jehovah stajna nżommu n-newtralità stretta tagħna.
Ikkaċċjati bħall-Annimali
F’Ottubru taʼ l-1972, digriet mill-gvern ta bidu għal perijodu ieħor taʼ persekuzzjoni vjolenti. Id-digriet stqarr li x-Xhieda taʼ Jehovah kollha kellhom jitkeċċew minn fuq ix-xogħol u li x-Xhieda kollha li jgħixu fl-irħula kellhom jitkeċċew minn djarhom. Ix-Xhieda ġew ikkaċċjati bħall-annimali.
Dak il-ħin, ħu Kristjan żagħżugħ ġie d-dar tagħna b’messaġġ urġenti għal Emmas, ‘Il-Youth League qed jippjanaw biex jaqtgħulek rasek, idendluha fuq zokk, u jiħduha għand il-kapijiet lokali.’ Emmas malajr ħarab mid-dar, imma mhux qabel m’għamel arranġamenti għalina biex immorru warajh malajr kemm jistaʼ jkun. Bl-għaġla, jien bgħatt lit-tfal ’il bogħod. Imbagħad, eżatt x’ħin kont se nitlaq, ġew għaxar membri tal-Youth League jfittxu lil Emmas. Daħlu fid-dar tagħna imma sabu li Emmas kien telaq. Bir-rabja, l-irġiel kaxkruni f’għalqa tal-kannamiela fil-viċin, hemmhekk bdew jagħtuni bis-sieq u jsawtuni biz-zkuk tal-kannamiela. Ħallewni hemm għax ħasbuni mejta. Wara li erġajt ġejt f’tiegħi, tkaxkart lura sad-dar.
Dak il-lejl, fis-satra tal-lejl, Emmas irriskja ħajtu billi ġie lura d-dar ifittixni. Meta sabni msawta bl-ikrah, Emmas u wieħed ħabib tagħna li kellu karozza daħħluni ġo fiha bil-galbu. Imbagħad soqna lejn id-dar taʼ wieħed ħu f’Lilongwe, fejn bil-mod il-mod irkuprajt mill-attakk u Emmas beda jippjana biex naħarbu mill-pajjiż.
Refuġjati bla Ebda Post taʼ Kenn
It-tifla tagħna Dinesi u r-raġel tagħha kellhom trakk taʼ ħames tunnellati. Magħhom ħaddmu lil wieħed li darba kien membru tal-Malawi Young Pioneers, imma li maż-żmien tħassarna minħabba s-sitwazzjoni tagħna. Hu offra li jgħin lilna u lil Xhieda oħra. Għal diversi ljieli dan is-sewwieq mar għax-Xhieda minn postijiet taʼ kenn li konna nkunu ftehemna minn qabel. Imbagħad kien jilbes l-uniformi tiegħu tal-Malawi Young Pioneers u jsuq it-trakk mimli minn ġo diversi barrikati. Hu tgħidx kemm kien jirriskja biex jgħin mijiet taʼ Xhieda jaqsmu l-fruntiera għaz-Zambja.
Wara ftit tax-xhur, l-awtoritajiet taz-Zambja reġgħu bagħtuna l-Malawi; madankollu, ma stajniex immorru lura fir-raħal fejn konna ngħixu. L-affarijiet kollha li ħallejna warajna kienu nsterqu. Anki l-pjanċi tal-ħadid tas-saqaf ittieħdu mid-dar tagħna. Mingħajr ebda post fejn nistkennu, ħrabna lejn il-Możambik u qgħadna fil-kamp tar-refuġjati taʼ Mlangeni għal sentejn u nofs. Madankollu, f’Ġunju taʼ l-1975, gvern ġdid fil-Możambik għalaq il-kamp u ġagħalna nerġgħu lura lejn il-Malawi, fejn il-kundizzjonijiet ma kinux inbidlu għan-nies taʼ Jehovah. Ma kellna l-ebda għażla ħlief li nerġgħu naħarbu lejn iz-Zambja għat-tieni darba. Hemmhekk wasalna fil-kamp tar-refuġjati taʼ Chigumukire.
Xahrejn wara, filliera taʼ karozzi tal-linja u trakkijiet militari waqfu mat-triq, u mijiet taʼ suldati miz-Zambja armati sa snienhom invadew il-kamp. Qalulna li kienu nbnew djar sbieħ għalina u li huma kienu se jipprovdu t-trasport biex jgħinuna naslu hemmhekk. Konna nafu li dan ma kienx veru. Is-suldati bdew jimbottaw lin-nies fuq it-trakkijiet u l-karozzi tal-linja, u nqalaʼ ħafna paniku. Is-suldati bdew jisparaw fl-arja bl-ixkubetti awtomatiċi tagħhom, u eluf minn ħutna telqu jiġru bil-biżaʼ u tferrxu.
Fil-konfużjoni, lil Emmas waqqgħuh bi żball u rifsuh, imma wieħed mill-aħwa għenu jerġaʼ jqum. Aħna ħsibna li dan kien il-bidu tat-tribulazzjoni l-kbira. Ir-refuġjati kollha telqu jiġru lura lejn il-Malawi. Waqt li konna għadna z-Zambja, wasalna ħdejn xmara, u l-aħwa fformaw diversi katini billi qabdu idejn xulxin sabiex jgħinu lil kulħadd jaqsam mingħajr periklu. Imma, fin-naħa l-oħra tax-xmara dawruna s-suldati taz-Zambja u ġagħluna nerġgħu mmorru lura l-Malawi.
Meta għal darba oħra erġajna lura l-Malawi, ma konniex nafu fejn se naqbdu mmorru. Qalulna li f’xi laqgħat politiċi u fil-gazzetti, in-nies kienu ġew avżati biex joqogħdu għassa għal “uċuħ ġodda,” li jirreferu għax-Xhieda taʼ Jehovah, li forsi jaslu fl-irħula tagħhom. Għalhekk, iddeċidejna li mmorru fil-belt kapitali, fejn ma konniex se nispikkaw daqskemm kieku morna ġo raħal. Hemmhekk, irnexxielna nikru dar żgħira, u Emmas reġaʼ beda ż-żjajjar tiegħu fil-kongregazzjonijiet bħala indokratur li jivvjaġġa.
Nattendu l-Laqgħat tal-Kongregazzjoni
X’għenna nibqgħu leali? Il-laqgħat tal-kongregazzjoni! Fil-kampijiet tar-refuġjati kemm tal-Możambik kif ukoll taz-Zambja, aħna bil-libertà konna nattendu l-laqgħat li kienu jinżammu fi Swali tas-Saltna sempliċi, b’soqfa magħmulin mit-tiben. Kien perikoluż u diffiċli biex ninġabru għal-laqgħat fil-Malawi—madankollu qatt ma ddispjaċiena. Sabiex ħadd ma jinduna bina, is-soltu konna nżommu l-laqgħat tard bil-lejl u f’postijiet imwarrbin. Sabiex ma niġbdux attenzjoni lejn il-laqgħat tagħna, ma konniex inċapċpu biex nesprimu l-apprezzament tagħna għall-kelliemi imma konna sempliċement nogħrku idejna flimkien.
Il-magħmudija kienet issir tard bil-lejl. It-tifel tagħna Abiyudi tgħammed f’okkażjoni bħal din. Wara t-taħdita tal-magħmudija, flimkien maʼ kandidati oħra, hu ttieħed fid-dlam f’post kollu tajn fejn kienet tħaffret ħofra żgħira fejn tgħammdu.
Id-Dar Żgħira Tagħna Post ’il Bogħod mill-Periklu
Matul l-aħħar snin tal-projbizzjoni tal-gvern, id-dar tagħna f’Lilongwe ntużat bħala dar ’il bogħod mill-periklu. Il-posta u l-letteratura mill-uffiċċju tal-fergħa taz-Zambja kienu jaslu d-dar tagħna bis-sigriet. Xi aħwa li kienu jaqdu bħala messaġġiera permezz tar-roti kienu jiġu d-dar tagħna biex jieħdu dak li jkun wasal miz-Zambja u jqassmu l-posta u l-letteratura f’kull parti tal-Malawi. Ir-rivisti tat-Torri taʼ l-Għassa li kienu jitqassmu kienu rqaq għax kienu stampati fuq karti li kienu jużaw għall-Bibbja. Dan ħalla lill-messaġġiera jġorru d-doppju tar-rivisti li kieku jkun possibbli kieku kienu stampati fuq karti regulari. Il-messaġġiera kienu jqassmu t-Torri taʼ l-Għassa bħala rivisti żgħar ħafna li kien ikun fihom l-artikli taʼ studji biss. Ir-rivista kienet żgħira biżżejjed biex idaħħluha fil-but tal-qmis għax kien ikun fiha karta waħda biss.
Dawn il-messaġġiera rriskjaw il-libertà u l-ħajja tagħhom meta kienu jgħaddu mill-foresta fuq ir-rota, kultant fid-dlam tal-lejl, b’kaxxi taʼ letteratura projbita ppakkjati fuq ir-roti tagħhom. Minkejja l-barrikati tal-pulizija u perikli oħra, huma vvjaġġaw mijiet taʼ kilometri f’kull tip taʼ temp biex iwasslu ikel spiritwali lil ħuthom. Kemm kienu kuraġġużi dawk il-messaġġiera!
Jehovah Jieħu Ħsieb ir-Romol
F’Diċembru taʼ l-1992, waqt li kien qed jagħti taħdita fiż-żjara tas-circuit, Emmas tatu puplesija. Wara, ma setax jitkellem iżjed. Ftit taż-żmien wara, tagħtu puplesija oħra, li ħallietlu nofs ġismu paralizzat. Għalkemm kien diffiċli għalih li jkampa man-nuqqas taʼ saħħa tiegħu, l-għajnuna kollha mħabba li rċivejna mill-kongregazzjoni taffietli mis-sitwazzjoni kerha li kont ninsab fiha. Jien bqajt nieħu ħsieb ir-raġel tiegħi d-dar sakemm miet f’Novembru taʼ l-1994, fl-età taʼ 76 sena. Konna ilna miżżewġin 57 sena, u Emmas ra tmiem il-projbizzjoni qabel ma miet. Imma għadni mnikkta s’issa bil-mewt tar-raġel leali tiegħi.
Wara li sfajt armla, ir-raġel tat-tifla tiegħi ħa r-responsabbiltà f’idu biex jipprovdi mhux biss għal martu u l-ħamest itfal tagħhom imma għalija wkoll. B’dispjaċir, wara marda li ma ħaditx fit-tul, hu miet f’Awissu tas-sena 2000. It-tifla tiegħi kif kienet se ġġibilna l-ikel u post fejn noqogħdu? Għal darba oħra, sibt li Jehovah jieħu ħsiebna u verament huwa “missier l-iltiema u difensur tar-romol.” (Salm 68:6 [68:5, NW]) Jehovah, permezz tal-qaddejja tiegħu fuq l-art, ipprovdielna dar ġdida mill-isbaħ. Dan kif? Meta l-aħwa fil-kongregazzjoni tagħna raw is-sitwazzjoni diffiċli tagħna, huma bnewlna dar f’ħames ġimgħat biss! Aħwa minn kongregazzjonijiet oħra li kienu bennejja tal-brikks ġew biex jgħinu. L-imħabba u l-qalb tajba li wrew dawn ix-Xhieda ħallewna mistagħġbin għaliex id-dar li bnewlna hija aħjar mid-djar fejn jgħixu ħafna minnhom. Din it-turija taʼ mħabba mill-kongregazzjoni tat xiehda mill-aħjar lil dawk li jgħixu fl-inħawi tagħna. X’ħin immur norqod bil-lejl, inħossni qisni fil-Ġenna taʼ l-art! Iva, id-dar sabiħa ġdida tagħna hija magħmula mill-brikks u taħlita taʼ ramel u ilma, imma bħalma osservaw ħafna, hija dar li verament inbniet bl-imħabba.—Galatin 6:10.
Jehovah Jieħu Ħsiebna Kontinwament
Għalkemm xi drabi kont għoddni se niddispra totalment, Jehovah kien ħanin miegħi. Sebgħa mid-disat itfal tiegħi għadhom ħajjin, u l-familja tiegħi issa għandha 123 membru. Kemm jien grata li l-maġġuranza minnhom jaqdu lil Jehovah lealment!
Illum, fl-età taʼ 82 sena, nimtela bil-ferħ meta nara dak li wettaq l-ispirtu t’Alla fil-Malawi. Fl-aħħar erbaʼ snin biss, jien rajt in-numru taʼ Swali tas-Saltna jitilgħu minn wieħed sa iktar minn 600. Issa għandna wkoll uffiċċju tal-fergħa ġdid f’Lilongwe, u ngawdu abbundanza taʼ ikel spiritwali mingħajr projbizzjonijiet. Verament inħoss li esperjenzajt it-twettiq tal-wegħda t’Alla li nsibu f’Isaija 54:17, fejn niġu assigurati: “Ebda arma magħmula kontrik ma tiswa.” Wara li ili naqdi lil Jehovah għal iktar minn 50 sena, jien konvinta li jkunu xi jkunu l-provi li niffaċċjaw, Jehovah dejjem jieħu ħsiebna.
[Nota taʼ taħt]
a Għal iktar informazzjoni dwar l-istorja tax-Xhieda taʼ Jehovah fil-Malawi, ara n-1999 Yearbook of Jehovah’s Witnesses, paġni 149-223, pubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah.
[Stampa f’paġna 24]
Ir-raġel tiegħi, Emmas, tgħammed f’April taʼ l-1951
[Stampa f’paġna 26]
Grupp taʼ messaġġiera kuraġġużi
[Stampa f’paġna 28]
Dar mibnija bl-imħabba