LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w22 Lulju pp. 26-30
  • Għażilt Karriera maʼ Ġeħova

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għażilt Karriera maʼ Ġeħova
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • MILL-​INGILTERRA GĦALL-​AFRIKA
  • NAQDU MATUL ŻMIEN DIFFIĊLI FIL-​MALAWI
  • INKARIGU ĠDID—NAQDU LILL-​MALAWI MIŻ-​ŻIMBABWE
  • LURA L-​MALAWI
  • ĠEĦOVA HU DAK LI JKABBAR
  • KUNTENT BID-​DEĊIŻJONIJIET LI ĦADT
  • Jehovah Dejjem Jieħu Ħsiebna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Ġrajja Storika fil-Malawi—1,000 Sala tas-Saltna!
    Stenbaħ!—2012
  • Barkiet “fi żmien favorevoli u fi żmien taʼ inkwiet”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
w22 Lulju pp. 26-30

BIJOGRAFIJA

Għażilt Karriera maʼ Ġeħova

KIF RAKKONTATA MINN KEITH EATON

Keith Eaton meta kien żagħżugħ.

META kelli 16-​il sena għażilt il-​karriera li dejjem xtaqt. Imma Ġeħova offrieli karriera oħra. Kien qisu qed jgħidli: “Se nagħtik id-​dehen u nistruwik dwar it-​triq li għandek taqbad.” (Salm 32:8) Peress li għażilt il-​karriera li offrieli Ġeħova gawdejt ħafna opportunitajiet sbieħ u barkiet, inkluż 52 sena naqdi fl-​Afrika.

MILL-​INGILTERRA GĦALL-​AFRIKA

Twelidt fl-​1935 f’Darlaston, parti mill-​Ingilterra li tissejjaħ Black Country. Din tissejjaħ hekk minħabba d-​duħħan iswed li kien joħroġ minn ħafna fabbriki li kien hemm. Meta kelli madwar erbaʼ snin, il-​ġenituri tiegħi bdew jistudjaw il-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova. Imbagħad meta kelli xi 15-​il sena kont ċert li din kienet il-​verità, u għalhekk tgħammidt fl-​1952 meta kelli 16-​il sena.

Matul dak iż-​żmien kont qed nistudja għall-​segretarju u naħdem bħala apprentist għall-​kumpanija kbira li kienet tagħmel għodda u parts għall-​karozzi, u t-​trejning li kont qed nieħu vera kien jogħġobni.

Indokratur li jivvjaġġa stidinni biex nibda nikkonduċi l-​Istudju tal-​Ktieb tal-​Kongregazzjoni fil-​laqgħa taʼ fost il-​ġimgħa fil-​kongregazzjoni tiegħi taʼ Willenhall. Għalhekk, kelli nieħu deċiżjoni importanti, imma kont bejn ħaltejn x’se nagħmel. Dak ż-​żmien kont nattendi l-​laqgħat maʼ żewġ kongregazzjonijiet. Matul il-​ġimgħa kont nattendi mal-​kongregazzjoni li kienet qrib ix-​xogħol tiegħi fi Bromsgrove, li kienet madwar 32 kilometru ’l bogħod mid-​dar. U fil-​weekends kont immur mal-​kongregazzjoni tal-​ġenituri tiegħi f’Willenhall.

Minħabba li ridt ngħin l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova aċċettajt li nagħmel dak li qalli l-​indokratur li jivvjaġġa, minkejja li dan kien ifisser li kelli nitlaq ix-​xogħol li kont inħobb. Imma qatt ma ddispjaċieni li ħallejt lil Ġeħova jiggwidani fil-​ħajja tiegħi għax b’hekk gawdejt ħajja mill-​isbaħ.

Fil-​kongregazzjoni taʼ Bromsgrove ltqajt maʼ oħt gustuża jisimha Anne, li kienet tħobb ħafna lil Ġeħova. Iżżewwiġna fl-​1957, u flimkien kellna ħafna inkarigi differenti fis-​servizz taʼ Ġeħova. Pereżempju, qdejna bħala pijunieri regulari, pijunieri speċjali, ix-​xogħol tal-​ivvjaġġar, u f’Betel. Fil-​ħajja tiegħi, Anne ġabitli ħafna ferħ.

Fl-​1966 konna ferħanin ħafna li ġejna mistidnin biex nattendu t-​42 klassi taʼ Gilegħad. Wara l-​iskola ngħatajna l-​inkarigu li mmorru naqdu fil-​Malawi, fejn in-​nies t’hemmhekk huma magħrufin għall-​ospitalità u l-​qalb tajba tagħhom. Imma sfortunatament ma tantx domna hemmhekk.

NAQDU MATUL ŻMIEN DIFFIĊLI FIL-​MALAWI

Il-​Kaiser Jeep li użajna biex nagħmlu x-​xogħol tal-​ivvjaġġar fil-​Malawi

Aħna wasalna l-​Malawi fl-​1 taʼ Frar tal-​1967. Matul l-​ewwel xahar qattajna ħafna ħin nistudjaw il-​lingwa, imbagħad bdejna x-​xogħol tal-​ivvjaġġar biex inżuru s-​circuits. Biex nivvjaġġaw kellna Kaiser Jeep li xi wħud kienu jaħsbu li bih tistaʼ tibqaʼ għaddej mix-​xmajjar. Imma dan ma kienx minnu għax stajna ngħaddu biss meta l-​ilma jkun baxx. Ġieli konna noqogħdu fi djar magħmulin mit-​tajn bis-​saqaf tal-​qasab, u meta kienet tkun ix-​xita konna nużaw il-​plastik biex ma jqattarx l-​ilma mis-​saqaf. Għall-​ewwel, l-​inkarigu tagħna bħala missjunarji ma kienx faċli, imma x-​xogħol konna nħobbuh!

F’April indunajt li l-​gvern kien se jaqlgħalna l-​problemi. Jien smajt lill-​president tal-​Malawi, Dr. Hastings Banda, jitkellem fuq ir-​radju. Hu qal li x-​Xhieda taʼ Ġeħova ma kinux qed iħallsu t-​taxxa u li kienu qed jaqilgħu l-​inkwiet lill-​gvern. Bla dubju, dan ma kienx veru. Ilkoll kemm aħna konna nafu li r-​raġuni kienet għax ma niħdux sehem fil-​politika, speċjalment meta ma xtrajniex il-​kards biex nuru li nappoġġaw partit politiku.

Sa Settembru, fil-​gazzetta qrajna li l-​president akkuża lill-​aħwa li kienu qed jaqilgħu l-​problemi maʼ kullimkien. Matul laqgħa politika, hu qal li l-​gvern tiegħu kien se jwaqqaf l-​attivitajiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Dan ġara fl-​20 t’Ottubru tal-​1967. Ftit wara, uffiċjali tal-​pulizija u uffiċjali tal-​immigrazzjoni ġew l-​uffiċċju tal-​fergħa biex jagħlquh u keċċew lill-​missjunarji mill-​pajjiż.

Fl-​1967, mal-​missjunarji Jack u Linda Johansson, meta ġejna arrestati u mkeċċijin mill-​Malawi

Wara tlett ijiem il-​ħabs bagħtuna Mauritius, pajjiż taħt il-​Brittanja. Però, l-​awtoritajiet taʼ Mauritius ma ħallewniex nibqgħu hemm bħala missjunarji. Għalhekk, l-​organizzazzjoni bagħtitna Rhodesia (illum iż-​Żimbabwe). Meta wasalna hemm sibna uffiċjal tal-​immigrazzjoni li kien pezza kustjoni u ma ħalliniex nidħlu fil-​pajjiż. Hu qalilna: “Mela keċċewkom mill-​Malawi, ma ħallewkomx toqogħdu f’Mauritius, u issa għax jaqblilkom ġejtu hawn.” Anne bdiet tibki. Kien bħallikieku ħadd ma ried jaċċettana! Dak il-​ħin xtaqt nitlaq kollox u mmur lura l-​Ingilterra. Fl-​aħħar, l-​awtoritajiet tal-​immigrazzjoni ħallewna nagħmlu lejl l-​uffiċċju tal-​fergħa, bil-​patt li l-​għada nerġgħu mmorru lura fil-​kwartieri ġenerali tagħhom. Aħna konna għajjenin ħafna, imma bqajna nafdaw f’Ġeħova. L-​għada waranofsinhar ġrat xi ħaġa li ma konniex qed nistennew. Qalulna li nistgħu nibqgħu fiż-​Żimbabwe. Ma ninsa qatt kif ħassejtni dakinhar—kont konvint li Ġeħova kien qed jiggwidana.

INKARIGU ĠDID—NAQDU LILL-​MALAWI MIŻ-​ŻIMBABWE

Keith u Anne jaħdmu flimkien f’uffiċċju.

Fl-​1968, maʼ Anne fil-​Betel taż-​Żimbabwe

Fl-​uffiċċju tal-​fergħa taż-​Żimbabwe, xogħli kien fid-​Dipartiment tas-​Servizz għall-​Malawi u l-​Mozambique. L-​aħwa fil-​Malawi kienu qed jiġu ppersegwitati bl-​aħrax. Parti mix-​xogħol tiegħi kien li nagħmel it-​traduzzjoni tar-​rapporti li kienu jibagħtu l-​indokraturi li jżuru l-​kongregazzjonijiet fil-​Malawi. Darba waħda bqajt naħdem sa tard filgħaxija, u meta bdejt naqra dwar il-​vjolenza li l-​aħwa kienu qed jgħaddu minnha bdejt nibki.a Imma fl-​istess ħin kont inkuraġġit ħafna bil-​lealtà, il-​fidi, u s-​sabar tagħhom.—2 Kor. 6:4, 5.

Aħna għamilna dak kollu li stajna biex inkunu ċerti li l-​aħwa li kienu baqgħu fil-​Malawi u dawk li ħarbu lejn il-​Mozambique jkollhom il-​letteratura. It-​tim tat-​traduzzjoni tal-​lingwa Chichewa, l-​iktar lingwa li jitkellmu n-​nies fil-​Malawi, intbagħat f’razzett kbir taʼ ħu fiż-​Żimbabwe. Dan il-​ħu b’qalb tajba bena djar u uffiċċju għalihom. Hemmhekk huma komplew jagħmlu x-​xogħol importanti tat-​traduzzjoni.

Għamilna arranġament biex l-​indokraturi li jżuru l-​kongregazzjonijiet fil-​Malawi jattendu l-​konvenzjoni tad-​distrett bil-​lingwa Chichewa li kienet issir kull sena fiż-​Żimbabwe. Hemmhekk kienu jingħataw l-​outlines tat-​taħditiet, imbagħad huma kienu jużaw dawn l-​outlines biex jagħtu taħditiet inkuraġġanti lill-​aħwa fil-​kongregazzjonijiet tal-​Malawi. Sena minnhom, meta kienu qegħdin fiż-​Żimbabwe, irnexxielna norganizzaw Skola tal-​Ministeru tas-​Saltna biex ninkuraġġuhom.

Nagħti taħdita biċ-​Chichewa fil-​konvenzjoni tal-​lingwa Chichewa/Shona fiż-​Żimbabwe

Fi Frar tal-​1975, mort il-​Mozambique biex niltaqaʼ max-​Xhieda li kienu fil-​kampijiet u li ħarbu mill-​Malawi. Dawn l-​aħwa kienu qed isegwu l-​aħħar direzzjonijiet tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova, inkluż l-​arranġament ġdid biex ikun hemm ġemgħa tal-​anzjani. Dawn l-​anzjani ġodda għamlu ħafna attivitajiet spiritwali, bħal pereżempju bdew jagħtu taħditiet pubbliċi, jiddiskutu l-​iskrittura tal-​jum u It-​Torri tal-​Għassa, u anki jagħmlu assembleat. Huma organizzaw il-​kampijiet bħal meta ssir konvenzjoni. Kien hemm dipartimenti tat-​tindif, tal-​ikel, u tal-​attendants. Dawk l-​aħwa leali għamlu ħafna affarijiet bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, u wara li mort inżurhom, jien ħassejtni inkuraġġit ħafna.

Lejn l-​aħħar tal-​1970, l-​uffiċċju tal-​fergħa fiż-​Żambja beda jieħu ħsieb l-​aħwa fil-​Malawi. Imma jien u ħafna oħrajn xorta bqajna naħsbu fl-​aħwa tal-​Malawi u nitolbu għalihom. Bħala membru tal-​Kumitat tal-​Fergħa fiż-​Żimbabwe, kemm-​il darba ltqajt mar-​rappreżentanti tal-​kwartieri ġenerali, flimkien maʼ aħwa responsabbli mill-​Malawi, l-​Afrika t’Isfel, u ż-​Żambja. Kull darba li konna niltaqgħu konna niddiskutu l-​istess mistoqsija, “X’nistgħu nagħmlu iktar għall-​aħwa fil-​Malawi?”

Maż-​żmien, il-​persekuzzjoni naqset. Aħwa li kienu ħarbu bdew imorru lura l-​Malawi, u dawk li kienu baqgħu hemm beda jkollhom inqas persekuzzjoni. Pajjiżi li kienu fil-​viċin bdew iħallu lix-​Xhieda taʼ Ġeħova jippritkaw u jiltaqgħu flimkien, u neħħew ir-​restrizzjonijiet li kienu għamlulhom. Fl-​1991 fil-​Mozambique ġara l-​istess. Imma konna nistaqsu, ‘L-​aħwa fil-​Malawi meta kienu se jkunu jistgħu jaqdu lil Ġeħova bil-​libertà?’

LURA L-​MALAWI

Maż-​żmien, is-​sitwazzjoni politika fil-​Malawi nbidlet, u fl-​1993 il-​gvern neħħa r-​restrizzjonijiet li kellhom ix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Ftit wara dan kont qed nitkellem maʼ missjunarju, u staqsieni, “Se terġaʼ tmur lura l-​Malawi?” Jien kelli 59 sena, u għalhekk għedtlu, “Le, issa kbirt!” Imma dakinhar stess irċivejna mingħand il-​Ġemgħa li Tiggverna, u stidnuna biex nerġgħu mmorru lura l-​Malawi.

Aħna konna nħobbuh l-​inkarigu li kellna fiż-​Żimbabwe, għalhekk din kienet deċiżjoni diffiċli ħafna għalina. Konna kuntenti ħafna hemmhekk u kellna ħbieb tal-​qalb. Il-​Ġemgħa li Tiggverna b’qalb tajba qaltilna li jekk nixtiequ nibqgħu fiż-​Żimbabwe, stajna nagħmlu hekk. Kien iktar faċli għalina nagħżlu li nibqgħu hemm, imma ftakarna kif Abraham u Sara telqu d-​dar komda li kellhom meta kienu kbar fl-​età biex jobdu d-​direzzjoni taʼ Ġeħova.—Ġen. 12:1-​5.

Iddeċidejna li nsegwu d-​direzzjoni li ngħatajna mill-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova, u fl-​1 taʼ Frar 1995 morna lura l-​Malawi, 28 sena wara li konna hemm għall-​ewwel darba. Jien u żewġ aħwa oħra ntgħażilna biex inkunu fl-​ewwel Kumitat tal-​Fergħa u kellna ħafna x’nagħmlu biex norganizzaw l-​attivitajiet spiritwali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova.

ĠEĦOVA HU DAK LI JKABBAR

X’barka li tara lil Ġeħova jkabbar ix-​xogħol b’ritmu mgħaġġel! In-​numru taʼ pubblikaturi malajr żdied. Fl-​1993 kien hemm madwar 30,000, u sal-​1998 żdiedu għal iktar minn 42,000.b Il-​Ġemgħa li Tiggverna approvat pjanijiet biex ikun hemm uffiċċju tal-​fergħa ġdid biex jieħu ħsieb l-​ammont taʼ xogħol li kien qed jiżdied. Aħna xtrajna art taʼ 107 tomniet f’Lilongwe, u jien ġejt inkarigat biex naħdem fil-​kumitat tal-​kostruzzjoni.

Ħuna Guy Pierce, li kien membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna, għamel it-​taħdita tad-​dedikazzjoni għall-​fergħa l-​ġdida f’Mejju tal-​2001. Iktar minn 2,000 Xhud attendew, li ħafna minnhom kienu ilhom mgħammdin għal iktar minn 40 sena. Dawn l-​aħwa leali ssaportew persekuzzjoni ħarxa għal ħafna snin. Huma kienu foqra imma mhux spiritwalment, għax kellhom fidi soda u ħbiberija b’saħħitha maʼ Ġeħova. Dawn l-​aħwa kienu ferħanin ħafna li issa setgħu jmorru jżuru l-​Betel il-​ġdida. Meta kienu qed iduru l-​Betel bdew ikantaw l-​għanjiet tas-​Saltna bi stil Afrikan. Din kienet esperjenza tal-​għaġeb u li ma se ninsieha qatt. Dan jurina li Ġeħova jbierek bil-​kbir lil dawk li jibqgħu jissaportu l-​provi.

Wara li tlesta x-​xogħol taʼ kostruzzjoni tal-​uffiċċju tal-​fergħa, kont kuntent ħafna li bdejt nagħti taħditiet tad-​dedikazzjoni għas-​Swali tas-​Saltna. Il-​kongregazzjonijiet fil-​Malawi bdew jibbenefikaw mill-​arranġament tal-​organizzazzjoni biex jibnu Swali tas-​Saltna malajr f’postijiet fejn l-​aħwa ma kellhomx flus. Qabel, xi kongregazzjonijiet kienu jiltaqgħu taħt tined magħmulin mis-​siġar tal-​ewkaliptu. L-​aħwa kienu jużaw il-​qasab biex jagħmlu s-​soqfa, u t-​tajn biex jagħmlu l-​bankijiet ħalli jpoġġu fuqhom. Imma mbagħad, l-​aħwa ħadmu iebes biex jagħmlu l-​briks fil-​fran li bnew huma stess u li bih bdew jibnu Swali tas-​Saltna sbieħ. Però, huma xorta kienu jippreferu l-​bankijiet mis-​siġġijiet għax kien ikun hemm post għal persuna oħra!

Jien kont kuntent ħafna meta rajt kif Ġeħova għen lill-​aħwa jsiru Kristjani maturi. Bqajt impressjonat bl-​aħwa żgħażagħ Afrikani. Huma offrew biex jgħinu u tgħallmu malajr ħafna mit-​trejning li ngħataw mill-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova u permezz tax-​xogħol li għamlu. Dan għenhom biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb iktar responsabbiltajiet fil-​Betel u fil-​kongregazzjonijiet. Il-​kongregazzjonijiet issaħħew ukoll permezz tal-​indokraturi lokali ġodda li kienu jżuruhom. Ħafna minnhom kienu miżżewġin. Dawn il-​koppji ddeċidew li f’din is-​sistema ma jkollhomx tfal ħalli jkunu jistgħu jagħmlu iktar għal Ġeħova, minkejja li fil-​kultura tagħhom dan mhuwiex normali.

KUNTENT BID-​DEĊIŻJONIJIET LI ĦADT

Maʼ Anne fil-​Betel tal-​Ingilterra

Wara 52 sena l-​Afrika, beda jkolli problemi taʼ saħħa. Il-​Ġemgħa li Tiggverna aċċettat is-​suġġeriment tal-​Kumitat tal-​Fergħa biex nerġgħu mmorru l-​Ingilterra. Ma xtaqniex nitilqu l-​inkarigu li tant konna nħobbu, imma issa li kbirna fl-​età l-​familja taʼ Betel fl-​Ingilterra qed tieħu ħsiebna sew.

Jien konvint li l-​fatt li għażilt karriera maʼ Ġeħova kienet l-​aħjar deċiżjoni li qatt ħadt. Kieku għamilt dak li ridt jien, il-​ħajja tiegħi kienet se tkun differenti ħafna. Ġeħova dejjem kien jaf x’għandi bżonn u ‘ddrittali triqati.’ (Prov. 3:5, 6) Bħala żagħżugħ kont nieħu pjaċir ħafna nitgħallem kif taħdem kumpanija kbira. Imma li llum tgħallimt kif taħdem l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova nħossni iktar sodisfatt. Għalija li naqdi lil Ġeħova kien u se jibqaʼ l-​isbaħ ħaġa f’ħajti!

a L-​istorja tax-​Xhieda taʼ Ġeħova fil-​Malawi ġiet ippubblikata fin-​1999 Yearbook of Jehovah’s Witnesses, pp. 148-​223.

b Fil-​Malawi issa hemm iktar minn 100,000 pubblikatur.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja