LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 2/1 pp. 18-23
  • In-Nagħaġ Oħra u l-Patt il-Ġdid

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • In-Nagħaġ Oħra u l-Patt il-Ġdid
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​‘Frustieri’ u l-​“Iżrael taʼ Alla”
  • Jum Akbar taʼ Espjazzjoni
  • Biżlin fis-​Servizz Sagru
  • Il-​“Patt taʼ Dejjem”
  • Barkiet Akbar Permezz tal-Patt il-Ġdid
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Int Tistaʼ Tibbenefika mill-​Patt il-​Ġdid
    Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
  • Issiru “saltna ta’ qassisin”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Merħla Waħda, Ragħaj Wieħed
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 2/1 pp. 18-23

In-​Nagħaġ Oħra u l-​Patt il-​Ġdid

“Ulied il-​frustier . . . , kull min iħares is-​Sibt u ma jiksrux u jżomm sħiħ fil-​patt tiegħi, lil dawn inwassalhom sal-​muntanja mqaddsa tiegħi.”—ISAIJA 56:6, 7.

1. (a) Skond il-​viżjoni taʼ Ġwanni, x’jiġi mwettaq waqt li l-​irjieħ tal-​ġudizzju taʼ Jehovah jkunu qed jiġu miżmumin? (b) Ġwanni liema kotra rimarkevoli ra?

FIR-​RABAʼ viżjoni fil-​ktieb t’Apokalissi, l-​appostlu Ġwanni ra l-​irjieħ distruttivi tal-​ġudizzju taʼ Jehovah jiġu miżmumin waqt li l-​issiġillar tal-​membri kollha taʼ l-​“Iżrael taʼ Alla” kien qed jintgħamel komplet. Dawn huma l-​ewwel uħud li jiġu mberkin permezz taʼ Ġesù, il-​parti prinċipali tan-​nisel t’Abraham. (Galatin 6:16; Ġenesi 22:18; Apokalissi 7:1-4) F’dik l-​istess viżjoni, Ġwanni ra “kotra kbira li ħadd ma jistaʼ jgħoddha, minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien . . . U għollew leħenhom u bdew jgħidu: ‘Is-​salvazzjoni nafuha lil Alla tagħna li qiegħed fuq it-​tron, u lill-​Ħaruf.’” (Apokalissi 7:9, 10) Il-​fatt li jgħidu, “Is-​salvazzjoni nafuha . . . lill-​Ħaruf,” juri li dawk tal-​kotra kbira wkoll huma mberkin permezz tan-​Nisel t’Abraham.

2. Il-​kotra kbira meta bdiet tidher, u kif inhi identifikata?

2 Din il-​kotra kbira ġiet rikonoxxuta lura fl-​1935, u llum tgħodd iktar minn ħames miljuni. Billi jiġu mmarkati biex jibqgħu ħajjin wara t-​tribulazzjoni l-​kbira, il-​membri tagħha se jiġu sseparati għall-​ħajja taʼ dejjem meta Ġesù jifred “in-​nagħaġ” mill-​“mogħoż.” Il-​Kristjani tal-​kotra kbira huma fost in-​“nagħaġ oħra” fit-​tixbieha taʼ Ġesù dwar l-​imqawel. Huma jittamaw li jgħixu għal dejjem fuq art magħmula ġenna.—Mattew 25:31-46; Ġwann 10:16; Apokalissi 21:3, 4.

3. Kristjani midlukin u nagħaġ oħra kif inhuma differenti f’konnessjoni mal-​patt il-​ġdid?

3 Fil-​każ tal-​144,000, it-​tberik tal-​patt t’Abraham jiġi amministrat permezz tal-​patt il-​ġdid. Bħala parteċipanti f’dan il-​patt, huma jiġu “taħt il-​qalb tajba mhix mistħoqqa” u ‘taħt il-​liġi taʼ Kristu.’ (Rumani 6:15, NW; 1 Korintin 9:21) Għalhekk, il-​144,000 membru taʼ l-​Iżrael t’Alla biss ħadu b’mod xieraq mill-​emblemi matul il-​Mafkar tal-​mewt taʼ Ġesù, u kien magħhom biss li Ġesù għamel il-​patt tiegħu għal Saltna. (Luqa 22:19, 20, 29) Il-​membri tal-​kotra kbira m’humiex parteċipanti fil-​patt il-​ġdid. Madankollu, huma jassoċjaw maʼ l-​Iżrael t’Alla u jgħixu magħhom fil-​“pajjiż” tagħhom. (Isaija 66:8) Mela huwa raġonevoli li tgħid li huma wkoll jiġu taħt il-​qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Jehovah u taħt il-​liġi taʼ Kristu. Għalkemm m’humiex parteċipanti fil-​patt il-​ġdid, huma benefiċjarji tiegħu.

Il-​‘Frustieri’ u l-​“Iżrael taʼ Alla”

4, 5. (a) Skond Isaija, liema grupp kellu jimministra lil Jehovah? (b) Isaija 56:6, 7 kif inhu mwettaq fuq il-​kotra kbira?

4 Il-​profeta Isaija kiteb: “Ulied il-​frustier li ntrabtu mal-​Mulej biex jaqduh, u biex iħobbu isem il-​Mulej, u jkunu qaddejja tiegħu, kull min iħares is-​Sibt u ma jiksrux u jżomm sħiħ fil-​patt tiegħi, lil dawn inwassalhom sal-​muntanja mqaddsa tiegħi, u nferraħhom f’dar it-​talb tiegħi; il-​vittmi maħruqa u s-​sagrifiċċji tagħhom ikunu jogħġbuni telgħin minn fuq l-​artal tiegħi.” (Isaija 56:6, 7) F’Iżrael, dan kien ifisser li l-​‘frustieri,’ dawk li ma kinux Iżraeliti, kellhom iqimu lil Jehovah​—iħobbu lil ismu, jobdu l-​kundizzjonijiet tal-​patt tal-​Liġi, iħarsu s-​Sibt, u joffru sagrifiċċji fit-​tempju, “dar it-​talb” t’Alla.—Mattew 21:13.

5 Fi żmienna, ‘il-​frustieri li ntrabtu mal-​Mulej’ huma l-​kotra kbira. Dawn jimministraw lil Jehovah fi sħubija maʼ l-​Iżrael t’Alla. (Żakkarija 8:23) Huma joffru l-​istess sagrifiċċji aċċettabbli bħalma jagħmlu l-​Iżrael t’Alla. (Lhud 13:15, 16) Huma jqimu fit-​tempju spiritwali t’Alla, “dar it-​talb” tiegħu. (Qabbel Apokalissi 7:15.) Iħarsuh dawn is-​Sibt taʼ kull ġimgħa? La l-​midlukin u lanqas in-​nagħaġ oħra m’huma kkmandati li jagħmlu dan. (Kolossin 2:16, 17) Madankollu, Pawlu qal lil Kristjani midlukin Lhud: “Għad baqaʼ mistrieħ tas-​Sibt għall-​poplu taʼ Alla. Għax min jidħol fil-​mistrieħ taʼ Alla jistrieħ hu wkoll mix-​xogħol kif Alla strieħ minn tiegħu.” (Lhud 4:9, 10) Dawk l-​Ebrej daħlu fil-​“mistrieħ tas-​Sibt” meta ssottomettew ruħhom għall-​“ġustizzja [“it-​tjieba,” NW] taʼ Alla” u straħu milli jipprovaw jiġġustifikaw lilhom infushom b’xogħlijiet tal-​Liġi. (Rumani 10:3, 4) Kristjani midlukin Ġentili jgawdu l-​istess mistrieħ billi jissottomettu ruħhom għat-​tjieba taʼ Jehovah. Il-​kotra kbira jingħaqdu magħhom f’dak il-​mistrieħ.

6. Nagħaġ oħra llum kif ipoġġu lilhom infushom taħt il-​patt il-​ġdid?

6 Iżjed minn hekk, nagħaġ oħra jpoġġu lilhom infushom taħt il-​patt il-​ġdid sewwa sew bħalma frustieri taʼ żmien l-​antik poġġew lilhom infushom taħt il-​patt tal-​Liġi. B’liema mod? Mhux billi saru parteċipanti fih imma billi ssottomettew ruħhom għal-​liġijiet assoċjati miegħu u bbenefikaw mill-​arranġamenti tiegħu. (Qabbel Ġeremija 31:33, 34.) Bħall-​imseħbin midlukin tagħhom, in-​nagħaġ oħra għandhom il-​liġi taʼ Jehovah miktuba ‘f’qalbhom.’ Huma jħobbu profondament u jobdu l-​kmandamenti u l-​prinċipji taʼ Jehovah. (Salm 37:31; 119:97) Bħall-​Kristjani midlukin, huma jafuh lil Jehovah. (Ġwann 17:3) Xi ngħidu għaċ-​ċirkonċiżjoni? Xi 1,500 sena qabel ma sar il-​patt il-​ġdid, Mosè ħeġġeġ lill-​Iżraeliti: “Aħtnu mela qlubkom.” (Dewteronomju 10:16; Ġeremija 4:4) Għalkemm iċ-​ċirkonċiżjoni obbligatorja fil-​ġisem spiċċat mal-​Liġi, kemm il-​midlukin u kemm in-​nagħaġ oħra jridu ‘jiġu ċirkonċiżi’ f’qalbhom. (Kolossin 2:11) Fl-​aħħarnett, Jehovah jaħfer l-​iżball tan-​nagħaġ oħra fuq il-​bażi tad-​“demm tal-​Patt” imxerred taʼ Ġesù. (Mattew 26:28; 1 Ġwann 1:9; 2:2) Alla ma jadottahomx bħala wlied spiritwali, bħalma jadotta lill-​144,000. Imma hu fil-​fatt jiddikjara twajbin lin-​nagħaġ oħra, fis-​sens li Abraham ġie ddikjarat twajjeb bħala l-​ħabib t’Alla.—Mattew 25:46; Rumani 4:2, 3; Ġakbu 2:23.

7. Illum liema prospett jinfetaħ għal nagħaġ oħra li huma ddikjarati twajbin bħalma kien Abraham?

7 Fil-​każ tal-​144,000, li jiġu ddikjarati twajbin jiftaħ it-​triq biex huma jkollhom it-​tama li jaħkmu maʼ Ġesù fis-​Saltna tas-​sema. (Rumani 8:16, 17; Galatin 2:16) Fil-​każ tan-​nagħaġ oħra, li jiġu ddikjarati twajbin bħala l-​ħbieb t’Alla jippermettilhom li jħaddnu t-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem f’art magħmula ġenna​—jew billi jibqgħu ħajjin wara Armageddon bħala parti mill-​kotra kbira jew permezz tal-​‘qawmien mill-​imwiet tat-​tajbin.’ (Atti 24:15) Xi privileġġ li jkollna tama bħal din u li nkunu ħbieb tas-​Sovran taʼ l-​univers, u li ‘ngħammru fit-​tinda [tiegħu]’! (Salm 15:1, 2) Iva, kemm il-​midlukin u kemm in-​nagħaġ oħra huma mberkin b’mod meraviljuż permezz taʼ Ġesù, in-​Nisel t’Abraham.

Jum Akbar taʼ Espjazzjoni

8. X’kien iffigurat bil-​quddiem bis-​sagrifiċċji taʼ Jum l-​Espjazzjoni taħt il-​Liġi?

8 Meta kien qiegħed jiddiskuti l-​patt il-​ġdid, Pawlu fakkar lill-​qarrejja tiegħu dwar Jum l-​Espjazzjoni annwali taħt il-​patt tal-​Liġi. F’dak il-​jum, ġew offruti sagrifiċċji separati​—wieħed għat-​tribù saċerdotali taʼ Levi u ieħor għat-​12-il tribù li ma kinux qassisin. Dan ilu jiġi spjegat bħala li jagħti stampa bil-​quddiem tas-​sagrifiċċju l-​kbir taʼ Ġesù li kellu jibbenefika kemm lill-​144,000 bit-​tama għas-​sema u kemm lill-​miljuni li għandhom tama għall-​art.a Pawlu wera li f’dan it-​twettiq jiġu amministrati l-​benefiċċji tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù permezz taʼ Jum l-​Espjazzjoni akbar taħt il-​patt il-​ġdid. Bħala l-​Qassis il-​Kbir taʼ dan il-​jum akbar, Ġesù ta l-​ħajja perfetta tiegħu bħala sagrifiċċju taʼ espjazzjoni sabiex jikseb “fidwa għal dejjem” għall-​bnedmin.—Lhud 9:11-24.

9. Peress li l-​Kristjani Ebrej midlukin kienu fil-​patt il-​ġdid, huma x’setgħu jħaddnu?

9 Ħafna Kristjani Ebrej taʼ l-​ewwel seklu kienu għadhom “imħeġġa għal-​Liġi [Mosajka].” (Atti 21:20) Allura, b’mod xieraq, Pawlu fakkarhom: “[Ġesù] hu medjatur taʼ patt ġdid, testment ġdid, biex, wara li seħħet il-​mewt għall-​fidwa tal-​ħtijiet li saru fi żmien il-​patt taʼ qabel, dawk li huma msejjħa minn Alla jiksbu l-​wirt taʼ dejjem li hu wegħedhom.” (Lhud 9:15) Il-​patt il-​ġdid ħeles lill-​Kristjani Ebrej mill-​patt il-​qadim, li kien jikxef kemm kienu midinbin. Grazzi għall-​patt il-​ġdid, huma setgħu jħaddnu “l-​wirt taʼ dejjem [tas-sema] li hu wegħedhom.”

10. Dawk midlukin u nagħaġ oħra għal xiex jirringrazzjawh lil Alla?

10 “Kull min . . . jemmen fl-​Iben” se jibbenefika mis-​sagrifiċċju bħala rahan. (Ġwann 3:16, 36) Pawlu qal: “Kristu . . . offra lilu nnifsu darba biss biex jitgħabba bid-​dnubiet taʼ kulħadd, għad jerġaʼ jidher darb’oħra, mhux biex ineħħi d-​dnubiet, imma biex isalva lil dawk li qegħdin jistennewh bil-​ħerqa “[ifittxuh bis-​serjetà,” NW].” (Lhud 9:28) Illum, dawk li qegħdin ifittxu lil Ġesù bis-​serjetà jinkludu lill-​Kristjani midlukin mill-​Iżrael t’Alla li għadhom ħajjin u lill-​miljuni li jifformaw il-​kotra kbira, li wkoll għandhom wirt taʼ dejjem. Iż-​żewġ klassijiet jirringrazzjaw lil Alla għall-​patt il-​ġdid u għall-​barkiet li jagħtu l-​ħajja assoċjati miegħu, inkluż Jum l-​Espjazzjoni akbar u l-​ministeru tal-​Qassis il-​Kbir, Ġesù, fl-​Iktar Qaddis tas-​sema.

Biżlin fis-​Servizz Sagru

11. B’kuxjenzi mnaddfin permezz tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù, kemm dawk midlukin u kemm nagħaġ oħra x’jagħmlu bil-​ferħ?

11 Fl-​ittra tiegħu lil-​Lhud, Pawlu enfasizza l-​valur superjuri tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù fl-​arranġament tal-​patt il-​ġdid hekk kif jitqabbel maʼ l-​offerti għad-​dnub taħt il-​patt il-​qadim. (Lhud 9:13-15) Is-​sagrifiċċju aqwa taʼ Ġesù kapaċi “jnaddaf il-​kuxjenza tagħkom mill-​għemil mejjet biex taqdu [‘tagħtu servizz sagru,’ NW] lil Alla ħaj!” Għall-​Kristjani Ebrej, l-​‘għemejjel mejtin’ inkludew il-​“ħtijiet li saru fi żmien il-​patt taʼ qabel.” Għall-​Kristjani llum, dawn jinkludu dnubiet li saru fil-​passat li għalihom intweriet l-​indiema vera, u li Alla ħafer. (1 Korintin 6:9-11) B’kuxjenza mnaddfa, il-​Kristjani midlukin qegħdin ‘jaqdu [‘jagħtu servizz sagru,’ NW] lil Alla ħaj.’ Hekk ukoll il-​kotra kbira. Billi naddfu l-​kuxjenzi tagħhom “fid-​demm tal-​Ħaruf,” huma jinsabu fit-​tempju spiritwali kbir t’Alla, “lejl u nhar jaqduh [“jagħtuh servizz sagru,” NW].”—Apokalissi 7:14, 15.

12. Kif nuru li għandna “fidi sħiħa”?

12 Barra minn dan, Pawlu qal: “Ejjew nersqu b’qalb sinċiera u b’fidi sħiħa, bi qlubna mnaddfin minn kuxjenza ħażina u l-​ġisem tagħna maħsul b’ilma safi.” (Lhud 10:22) Kif nistgħu nuru li aħna għandna “fidi sħiħa”? Pawlu ħeġġeġ lill-​Kristjani Lhud: “Inżommu sħiħ fl-​istqarrija qawwija tat-​tama tagħna, għax taʼ kelmtu huwa dak li għamlilna l-​wegħda. Naraw kif nistgħu nħajjru lil xulxin għall-​imħabba u għall-​għemil tajjeb. Ma ninqatgħux mill-​laqgħat tagħna flimkien, kif ħadu d-​drawwa jagħmlu xi wħud; agħmlu l-​qalb lil xulxin; u dan wisq aktar għandkom tagħmluh, aktar ma taraw li qiegħed joqrob il-​Jum.” (Lhud 10:23-25) Jekk il-​fidi tagħna hija ħajja, aħna wkoll m’aħniex se ‘ninqatgħu mil-​laqgħat tagħna flimkien.’ Se nsibu għaxqa f’li nħajru lil ħutna u f’li huma jħajru lilna għall-​imħabba u l-​għemejjel tajbin u f’li nkunu msaħħin għax-​xogħol vitali li niddikjaraw it-​tama tagħna, kemm jekk hija għall-​art u kemm jekk għas-​sema.—Ġwann 13:35.

Il-​“Patt taʼ Dejjem”

13, 14. Il-​patt il-​ġdid b’liema modi huwa għal dejjem?

13 X’jiġri meta t-​tama taʼ dawk taʼ l-​aħħar mill-​144,000 tiġi mwettqa? Il-​patt il-​ġdid m’huwiex se jibqaʼ japplika? F’dak iż-​żmien, fl-​art ma se jkun baqaʼ ebda membru mill-​Iżrael t’Alla. Il-​parteċipanti kollha fil-​patt se jkunu maʼ Ġesù ‘fis-​Saltna taʼ Missieru.’ (Mattew 26:29) Imma aħna niftakru l-​kliem taʼ Pawlu fl-​ittra tiegħu lil-​Lhud: ‘Alla tas-​sliem, li bis-​saħħa tad-​demm tal-​patt taʼ dejjem qajjem mill-​imwiet lir-​Ragħaj il-​kbir tan-​nagħaġ.’ (Korsiv tagħna.) (Lhud 13:20; Isaija 55:3) Il-​patt il-​ġdid f’liema sens huwa għal dejjem?

14 L-​ewwelnett, kuntrarju għall-​patt tal-​Liġi, dan qatt ma se jiġi ssostitwit. It-​tieni, ir-​riżultati tax-​xogħol li wettaq huma permanenti, saħansitra bħalma hu d-​dritt taʼ Ġesù li jsaltan. (Qabbel Luqa 1:33 maʼ l-1 Korintin 15:27, 28, KŻ.) Is-​Saltna tas-​sema għandha post etern fl-​iskopijiet taʼ Jehovah. (Apokalissi 22:5) U t-​tielet, nagħaġ oħra se jkomplu jibbenefikaw mill-​arranġament tal-​patt il-​ġdid. Matul ir-​Renju t’Elf Sena taʼ Kristu, bnedmin leali se jkomplu “lejl u nhar jaqduh [“jagħtuh servizz sagru,” NW] fit-​tempju tiegħu;” sewwa sew bħalma qed jagħmlu issa. Jehovah m’huwiex se jfakkarhom id-​dnubiet li għamlu fil-​passat, li kienu ġew maħfurin fuq il-​bażi tad-​“demm tal-​Patt” taʼ Ġesù. Huma se jkomplu jgawdu waqfa taʼ tjieba bħala ħbieb taʼ Jehovah, u l-​liġi tiegħu se tkun għadha miktuba fi qlubhom.

15. Iddeskrivi r-​relazzjoni li Jehovah se jkollu maʼ l-​adoraturi tiegħu fuq l-​art fid-​dinja l-​ġdida.

15 Dwar dawn il-​qaddejja umani, se jkun jistaʼ Jehovah jgħid: ‘Jien Alla tagħhom, u huma l-​poplu tiegħi’? Iva. “Hu jgħammar magħhom, u huma jkunu l-​poplu tiegħu, u Alla nnifsu jkun magħhom.” (Korsiv tagħna.) (Apokalissi 21:3) Huma se jsiru “l-​kamp tal-​qaddisin,” rappreżentanti fuq l-​art tal-​“Belt l-​għażiża,” l-​għarusa tas-​sema taʼ Ġesù Kristu. (Apokalissi 14:1; 20:9; 21:2) Dan kollu se jkun possibbli minħabba l-​fidi tagħhom fid-​“demm [imxerred] tal-​Patt” taʼ Ġesù u s-​sottomissjoni tagħhom lejn is-​slaten u qassisin tas-​sema, li meta kienu fuq l-​art kienu l-​Iżrael t’Alla.—Apokalissi 5:10.

16. (a) Liema possibbiltajiet jistennew lil dawk li se jiġu rxoxtati fuq l-​art? (b) Liema barkiet se jiġu fit-​tmiem taʼ l-​elf sena?

16 Xi ngħidu għall-​mejtin li jiġu rxoxtati fuq l-​art? (Ġwann 5:28, 29) Huma wkoll se jiġu mistednin biex “jitbierku” permezz taʼ Ġesù, Nisel Abraham. (Ġenesi 22:18) Huma wkoll se jkollhom iħobbu l-​isem taʼ Jehovah, jimministrawlu, joffru sagrifiċċji aċċettabbli, u jagħtu servizz sagru fid-​dar tiegħu taʼ talb. Dawk li jagħmlu hekk se jidħlu fil-​mistrieħ t’Alla. (Isaija 56:6, 7) Sa tmiem l-​elf sena, kulmin ikun leali se jkun laħaq il-​perfezzjoni umana permezz taʼ l-​imministrar taʼ Ġesù Kristu u l-​144,000 qassisin sħabu. Huma se jkunu twajbin, mhux sempliċement iddikjarati twajbin bħala ħbieb t’Alla. Se ‘jerġgħu jieħdu l-​ħajja,’ billi jkunu kompletament ħelsin mid-​dnub u l-​mewt li wirtu mingħand Adam. (Apokalissi 20:5; 22:2) X’barka se tkun din! Mill-​perspettiva tagħna llum, donnu li x-​xogħol saċerdotali taʼ Ġesù u l-​144,000 se jkun imbagħad ġie mwettaq. Il-​barkiet taʼ Jum l-​Espjazzjoni akbar se jkunu ġew applikati bis-​sħiħ. Iktar minn hekk, Ġesù se “jerħi s-​saltna f’idejn Alla l-​Missier.” (1 Korintin 15:24) Se jkun hemm test finali għall-​umanità, u mbagħad Satana u d-​demonji tiegħu se jiġu meqrudin għal dejjem.—Apokalissi 20:7, 10.

17. Meta nqisu x’ferħ hemm jistenniena, kull wieħed u waħda minna x’għandna nkunu ddeterminati li nagħmlu?

17 Il-​“patt taʼ dejjem” liema rwol, jekk ikun hemm, se jkollu f’dik l-​era eċċitanti li se tibda f’dak iż-​żmien? Dak Alla biss jafu. Dak li Jehovah rrivela s’issa huwa biżżejjed għall-​preżent. Iħallina b’ħalqna miftuħ. Aħseb ftit​—ħajja taʼ dejjem bħala parti mis-​“smewwiet ġodda u art ġdida”! (2 Pietru 3:13) Jalla xejn ma jdgħajjef ix-​xewqa tagħna li nirtu dik il-​wegħda. Li nieqfu sodi jistaʼ ma jkunx faċli. Pawlu qal: “Teħtieġu s-​sabar biex tagħmlu r-​rieda taʼ Alla, u tiksbu dak li hu wiegħed.” (Lhud 10:36) Ftakar, iżda, li kwalunkwe problema li trid tiġi megħluba, kwalunkwe oppożizzjoni li trid tiġi mirbuħa, ma hija xejn ħdejn il-​ferħ li qed jistenniena. (2 Korintin 4:17) Għaldaqstant, jalla ħadd minna ma jkun “minn dawk li jerġgħu lura, biex nintilfu.” Minflok, jalla nuru li aħna “minn dawk li jemmnu, biex insalvaw.” (Lhud 10:39) Jalla lkoll kemm aħna jkollna fiduċja sħiħa f’Jehovah, dak Alla tal-​pattijiet, għall-​barka eterna taʼ kull wieħed u waħda minna.

[Nota taʼ taħt]

a Ara l-​ktieb Survival Into a New Earth, kapitlu 13, ippubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

Fhimt?

◻ Minbarra Kristjani midlukin, min iżjed qed jiġi mbierek permezz tan-​nisel t’Abraham?

◻ F’li jiġu mberkin permezz tal-​patt il-​ġdid, in-​nagħaġ oħra kif inhuma bħal proseliti taħt il-​patt il-​qadim?

◻ In-​nagħaġ oħra kif inhuma mberkin permezz taʼ l-​arranġament taʼ Jum l-​Espjazzjoni akbar?

◻ Pawlu, lill-​patt il-​ġdid għala sejjaħlu l-​“patt taʼ dejjem”?

[Kaxxa f’paġna 21]

Servizz sagru fit-​tempju

Il-​kotra kbira tqim flimkien mal-​Kristjani midlukin fil-​bitħa taʼ l-​art tat-​tempju spiritwali kbir taʼ Jehovah. (Apokalissi 7:14, 15; 11:2) M’hemm ebda raġuni li nikkonkludu li huma qegħdin f’xi Bitħa separata tal-​Ġentili. Meta Ġesù kien fuq l-​art, kien hemm Bitħa tal-​Ġentili fit-​tempju. Madankollu, fil-​pjanti mnebbħin b’mod divin tat-​tempji taʼ Salamun u taʼ Eżekjel, ma kien hemm ebda provvediment għal Bitħa tal-​Ġentili. Fit-​tempju taʼ Salamun, kien hemm bitħa fuq barra fejn l-​Iżraeliti u l-​proseliti, irġiel u nisa, kienu jqimu flimkien. Dan huwa l-​mudell profetiku tal-​bitħa fuq l-​art tat-​tempju spiritwali, fejn Ġwanni ra l-​kotra kbira tagħti servizz sagru.

Madankollu, il-​qassisin u l-​Leviti biss setgħu jidħlu fil-​bitħa taʼ ġewwa, fejn kien hemm l-​artal il-​kbir; il-​qassisin biss setgħu jidħlu fil-​Qaddis; u l-​qassis il-​kbir biss setaʼ jidħol fl-​Iktar Qaddis. Huwa mifhum li l-​bitħa taʼ ġewwa u l-​Qaddis jagħtu stampa bil-​quddiem tal-​kundizzjoni spiritwali unika tal-​Kristjani midlukin fuq l-​art. U l-​Iktar Qaddis jagħti stampa tas-​sema nnifsu, fejn il-​Kristjani midlukin jirċievu ħajja immortali flimkien mal-​Qassis il-​Kbir tagħhom tas-​sema.—Lhud 10:19, 20.

[Stampa f’paġna 23]

Meta nqisu l-​ferħ li hemm jistenniena, ejjew ‘nemmnu biex insalvaw’

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja