Bidla fl-Inkarigu fl-Età taʼ 80 Sena
KIF IRRAKKONTAT MINN GWENDOLINE MATTHEWS
Meta għalaqt it-80, jien u żewġi ddeċidejna li nippakkjaw dak kollu li nippossiedu ġo trakk li krejna u nħallu l-Ingilterra u mmorru ngħixu Spanja. Ma konniex nafu nitkellmu bl-Ispanjol, u konna sejrin lejn il-Lbiċ taʼ Spanja, ’il bogħod mill-postijiet fejn kienu jmorru t-turisti li jitkellmu bl-Ingliż. Il-biċċa l-kbira tal-ħbieb tagħna ħasbu li qed nibliehu, imma biex ninkuraġġixxi lili nnifsi ftakart li Abraham kellu 75 sena meta telaq minn Ur.
KIF ĠEW l-affarijiet, is-snin li ilna ngħixu ġewwa Spanja, mindu morna hemm f’April taʼ l-1992, huma ftit mill-iktar snin premjanti taʼ ħajjitna. Imma qabel ma nispjega għala morna Spanja, ħalli ngħidilkom kif ħajjitna fis-servizz taʼ Jehovah wasslitna biex nagħmlu deċiżjoni daqshekk kbira.
Il-Verità tal-Bibbja Tbiddlilna Ħajjitna
Jien ġejt imrobbija ġo familja reliġjuża fil-Lbiċ taʼ Londra, fl-Ingilterra. Ommi kienet tieħu lili u lil oħti f’postijiet differenti taʼ qima waqt li kompliet tfittex għal sodisfazzjon spiritwali. Missieri, li kellu l-marda kronika tat-tuberkulosi, ma kienx jiġi magħna. Imma kien iħobb ħafna jaqra l-Bibbja, u kien jimmarka kull silta li kien isib li kienet tgħallmu xi ħaġa. Waħda mill-iktar oġġetti prezzjużi li għandi hi dik il-Bibbja qadima li tant kienet tfisser għalih.
Fl-1925, meta kelli 14-il sena, sibna fuljett taħt il-bieb li kellu stedina għal diskors pubbliku ġewwa s-sala taʼ bini pubbliku f’West Ham. Ommi u l-ġâra ddeċidew li jattendu għal din it-taħdita, u jien u oħti morna magħhom. Dik it-taħdita, “Miljuni li Qegħdin Jgħixu Issa ma Se Jmutu Qatt,” żergħat iż-żrieragħ tal-verità tal-Bibbja f’qalb ommi.
Ftit tax-xhur wara, miet missieri fl-età taʼ 38 sena. Il-mewt tiegħu kienet diżgrazzja terribbli, minħabba li ħallietna b’qalbna maqsuma kif ukoll fil-bżonn. Waqt il-funeral, li sar fiċ-Church of England lokali, ommi xxokkjat ruħha malli semgħet lill-qassis jgħid li ruħ missieri kienet fis-sema. Hi kienet taf mill-Bibbja li l-mejtin jinsabu reqdin fil-qabar, u kienet temmen bis-sħiħ li xi darba missieri kien se jirxoxta għall-ħajja taʼ dejjem fuq l-art. (Salm 37:9-11, 29; 146:3, 4; Koħèlet 9:5; Atti 24:15; Apokalissi 21:3, 4) Konvinta li kellha tassoċja maʼ nies li kienu jgħallmu l-Kelma t’Alla, hi ddeċidiet li tixtieq tkompli tikkun-tattja lill-Istudenti Internazzjonali tal-Bibbja, kif kienu jissejħu x-Xhieda taʼ Jehovah dak iż-żmien.
Ladarba ma kellniex flus għat-trasport, kull ġimgħa konna nimxu sagħtejn mid-dar tagħna għal-laqgħat tax-Xhieda taʼ Jehovah. Wara, konna nqattgħu sagħtejn oħra nimxu bi tbatija lura lejn id-dar. Imma tant konna napprezzawhom dawk il-laqgħat, u qatt ma tlifna waħda, saħansitra lanqas meta ċ-ċpar magħruf taʼ Londra kien jgħatti l-belt. Ommi ma damitx ma ddeċidiet li tiddedika ħajjitha lil Jehovah u titgħammed, u fl-1927, jien ukoll tgħammidt.
Minkejja d-diffikultajiet ekonomiċi tagħna, ommi dejjem għallmitni l-importanza tal-prijoritajiet spiritwali. Mattew 6:33 kien wieħed mit-testi favoriti tagħha, u hi tassew li kienet ‘tfittex l-ewwel is-Saltna.’ Meta mietet b’mod prematur bil-kanċer fl-1935, kienet qed tagħmel pjanijiet biex twieġeb għas-sejħa għal ministri full-time li setgħu jmorru jaqdu ġewwa Franza.
Eżempji li Saħħewna
F’dawk is-snin bikrin, xi wħud li kienu jattendu għal-laqgħat ġewwa Londra riedu jipproklamaw l-ideat tagħhom stess, u dawn in-nies qajmu argumenti u kustjonijiet kbar. Madankollu, ommi dejjem kienet tgħidilna li jkun żleali jekk nabbandunaw l-organizzazzjoni taʼ Jehovah wara dak kollu li konna tgħallimna minnha. Iż-żjajjar taʼ Joseph F. Rutherford, li dak iż-żmien kien il-president tal-Watch Tower Bible and Tract Society, qanqluna biex nibqgħu naqdu lealment.
Jien niftakar lil Ħuna Rutherford bħala raġel twajjeb, li kont tistaʼ tkellmu. Meta kont għadni żagħżugħa, il-Kongregazzjoni taʼ Londra organizzaw ħarġa u hu kien preżenti. Hu rani—żagħżugħa kemxejn mistħija—b’kámera f’idi u staqsieni jekk nixtieqx niħodlu ritratt. Dak ir-ritratt sar rikordju għażiż.
Iktar tard, kien hemm esperjenza li tant impressjonatni dwar il-kuntrast bejn dawk li jieħdu t-tmexxija fil-kongregazzjoni Kristjana u n-nies prominenti tad-dinja. Kont naħdem bħala wejtress ġewwa dar kbira f’Londra fejn Franz von Papen, wieħed mill-emissarji taʼ Hitler, kien ġie mistieden għal ikla. Hu rrifjuta li jneħħi x-xabla li kellu mdendla maċ-ċintorin waqt li kien qed jiekol, u jien tfixkilt fiha u waqqajt is-soppa li kelli f’idejja. Hu b’rabja qalli li fil-Ġermanja kienu jisparawli għal traskuraġni bħal din. Għall-kumplament taʼ l-ikla lanqas biss ersaqt lejh!
Kien hemm konvenzjoni taʼ importanza kbira fl-Alexandra Palace fl-1931, fejn smajt lil Ħuna Rutherford jitkellem. Hemmhekk adottajna b’entużjażmu kbir l-isem ġdid tagħna, Xhieda taʼ Jehovah. (Isaija 43:10, 12) Sentejn wara, fl-1933, bdejt naqdi bħala pijuniera, kif inhu msejjaħ il-ministeru full-time. Barka oħra li niftakar minn dawk is-snin kienet dik li stajt nassoċja maʼ rġiel żgħażagħ mill-aħjar li iktar tard saru missjunarji f’partijiet ’il bogħod ħafna tad-dinja. Dawn kienu jinkludu lil Claude Goodman, Harold King, John Cooke, u Edwin Skinner. Eżempji taʼ lealtà bħal dawn ġagħluni nkun irrid naqdi ġewwa art barranija.
Naqdi Bħala Pijuniera fil-Lvant taʼ l-Anglia
L-inkarigu tiegħi bħala pijuniera kien fil-Lvant taʼ l-Anglia (l-Ingilterra tal-Lvant), u l-ippridkar hemmhekk kien jirrikjedi entużjażmu u żelu. Biex inkopru t-territorju kbir tagħna, konna nivvjaġġaw bir-rota minn belt għal belt u minn raħal għal raħal u konna noqogħdu ġo kmamar mikrijin. F’dawn l-inħawi ma tantx kont issib kongregazzjonijiet, u għalhekk jien u dik li kienet pijuniera miegħi konna niddiskutu waħedna l-partijiet kollha tal-laqgħat regulari taʼ kull ġimgħa. Fil-ministeru tagħna, qassamna mijiet taʼ kotba kbar u żgħar li kienu jispjegaw l-iskopijiet t’Alla.
Żjara memorabbli li kellna kienet ġewwa dar fejn tkellimna mal-vigarju lokali taċ-Church of England. F’ħafna mill-inħawi, iż-żjara tagħna lill-vigarju Anglikan konna nħalluha għall-aħħar minħabba li taʼ spiss kien jagħmilhielna diffiċli meta kien isir jaf li konna qed nippridkaw l-aħbar tajba f’dawk l-inħawi. Imma f’dan ir-raħal kulħadd kien ifaħħru lill-vigarju. Hu kien iżur lill-morda, kien isellef il-kotba lil dawk li kienu jħobbu jaqraw, u saħansitra kien iżur id-djar tal-parruċċani tiegħu biex jispjegalhom il-Bibbja.
U hekk kien, għax meta morna nżuruh, kien verament qalbu tajba, u aċċetta numru taʼ kotba. Hu assigurana wkoll li jekk xi ħadd fir-raħal ried xi kotba minn tagħna imma ma setax jaffordjahom, kien lest li jħallashom hu. Sirna nafu li minħabba l-esperjenzi terribbli li għadda minnhom fl-Ewwel Gwerra Dinjija kien iddeterminat li jippromwovi l-paċi u r-rieda tajba fil-parroċċa tiegħu. Qabel ma tlaqna tana l-barka tiegħu u inkuraġġiena biex inkomplu x-xogħol tajjeb tagħna. L-aħħar kliem tiegħu għalina kien dak taʼ Numri 6:24: ‘Iberikkom il-Mulej u jħariskom!’
Ommi mietet sentejn wara li bdejt naqdi bħala pijuniera, u rritornajt lejn Londra mingħajr ebda flus u ebda familja. Waħda xhud Skoċċiża mill-aħjar ħaditni noqgħod għandha, għenitni nkampa mal-mewt t’ommi, u inkuraġġietni biex inkompli fil-ministeru full-time. Għalhekk, irritornajt lejn il-Lvant taʼ l-Anglia maʼ Julia Fairfax, oħt pijuniera oħra. Irranġajna karavana antika biex isservina bħala dar li stajna nġorruha; u konna nużaw xi trakter jew trakk biex niħduha minn post għall-ieħor. Komplejna nippridkaw flimkien maʼ koppja akbar, Albert u Ethel Abbott, li wkoll kellhom karavana żgħira. Albert u Ethel saru għalija qishom il-ġenituri tiegħi.
Waqt li kont pijuniera f’Cambridgeshire, iltqajt maʼ John Matthews, ħu Kristjan mill-aħjar li kien diġà ta prova taʼ l-integrità tiegħu lejn Jehovah taħt ċirkostanzi diffiċli. Iżżewwiġna fl-1940, ftit wara l-bidu tat-tieni gwerra dinjija.
Żmien il-Gwerra u Familja
Meta konna għadna miżżewġin friski, id-dar tagħna kienet karavana ċkejkna d-daqs taʼ kċina żgħira, u fil-ministeru tagħna konna mmorru fuq mutur li qatt ma tana inkwiet. Sena wara li żżewwiġna, John ġie ssentenzjat biex jaħdem ġo razzett meta, minħabba l-konvinzjonijiet tiegħu bbażati fuq il-Bibbja, hu rrifjuta li jagħmel is-servizz militari. (Isaija 2:4) Għalkemm dan kien ifisser li kellna nieqfu milli nkunu pijunieri, is-sentenza taʼ John kienet providenzjali ladarba jien kont qed nistenna tarbija u hu kien se jkun jistaʼ jmantnina.
Matul is-snin tal-gwerra, konna nieħdu gost bil-laqgħat speċjali li kien ikollna minkejja t-tbatijiet. Fl-1941, il-mutur tagħna kellu jġorr lil John u lili, tqila bl-ewwel tarbija tagħna, lejn Manchester, li kienet 300 kilometru ’l bogħod. Fit-triq, għaddejna minn bliet kollhom bini mwaqqaʼ mill-bombi, u tħassibna jekk il-laqgħa setgħetx issir f’ċirkostanzi bħal dawn. Imma saret. Il-Free Trade Hall, fiċ-ċentru taʼ Manchester, kienet ippakkjata bix-Xhieda li ġew minn ħafna partijiet taʼ l-Ingilterra, u ġie ppreżentat il-programm kollu.
Fil-konklużjoni tat-taħdita tiegħu, l-aħħar kelliemi tal-konvenzjoni qal lill-udjenza biex jitilqu immedjatament mill-post fejn kienu, minħabba li kien mistenni attakk mill-ajru. It-twissija kienet f’waqtha. Ma konniex ’il bogħod mis-sala meta smajna s-sireni u l-kanuni jisparaw għall-ajruplani. Meta ħarisna lura stajna naraw partita ajruplani jitfgħu l-bombi fuq iċ-ċentru tal-belt. Mill-bogħod, f’nofs in-nirien u d-duħħan, stajna naraw is-sala fejn konna bil-qiegħda ftit qabel; kienet meqruda kompletament! Għall-grazzja t’Alla, ħadd mill-aħwa Kristjani ma miet.
Sakemm rabbejna lil uliedna, ma stajniex inkunu pijunieri, imma ftaħna d-dar tagħna għall-indokraturi li jivvjaġġaw u għall-pijunieri li ma kellhom ebda akkomodazzjoni. Darba minnhom, sitt pijunieri f’daqqa qagħdu fid-dar tagħna għal ftit xhur. Bla dubju, is-sħubija maʼ wħud bħal dawn kienet raġuni waħda għala t-tifla tagħna Eunice għażlet li tibda taqdi bħala pijuniera fl-1961 meta kellha biss 15-il sena. B’dispjaċir ngħidu li, it-tifel tagħna, David, ma baqax jaqdi lil Jehovah meta kiber, u t-tifla l-oħra tagħna, Linda, mietet minħabba ċirkostanzi traġiċi matul il-gwerra.
Id-Deċiżjoni Tagħna li Mmorru Noqogħdu Spanja
L-eżempju u l-inkuraġġiment t’ommi kienu qanqlu ġewwa fija x-xewqa li nkun missjunarja, u dik il-mira qatt ma nsejtha kompletament. B’hekk, ħadna gost ħafna meta, fl-1973, Eunice ħalliet l-Ingilterra biex tmur Spanja fejn kien hemm il-bżonn taʼ proklamaturi tas-Saltna. M’għandniex xi ngħidu, iddispjaċiena li narawha sejra, imma konna wkoll kburin li riedet taqdi f’pajjiż barrani.
Matul is-snin konna nżuru lil Eunice, u lil Spanja sirna nafuha sew. Fil-fatt, jien u John morna nżuruha f’erbgħa mill-inkarigi differenti tagħha. Imbagħad, hekk kif gerbbu s-snin, saħħitna bdiet tmajna. John waqaʼ waqgħa li effettwatlu serjament saħħtu, u jien kelli problemi tal-qalb u tat-tirojde. Barra minn dan, it-tnejn li aħna kellna l-artrite. Għalkemm kellna tassew bżonn l-għajnuna taʼ Eunice, ma ridnihiex titlaq l-inkarigu tagħha minħabba fina.
Iddiskutejna l-għażliet li kellna maʼ Eunice, u tlabna għal gwida. Hi kienet lesta li tiġi d-dar biex tieħu ħsiebna, imma ddeċidejna li l-aħjar soluzzjoni kienet li jien u John immorru ngħixu magħha ġo Spanja. La jien ma stajtx inkun missjunarja, almenu stajt nappoġġja lil binti u liż-żewġ pijunieri sħabha fis-servizz full-time. Sa dak iż-żmien, jien u John ikkunsidrajna lil Nuria u lil Ana, iż-żewġ pijunieri li ħadmu maʼ Eunice għal madwar 15-il sena, bħala t-tfal tagħna stess. U huma kienu ferħanin bina meta konna mmorru ngħixu magħhom kull fejn kienu jiġu assenjati li jaqdu.
Għaddew iktar minn sitt snin minn mindu għamilna dik id-deċiżjoni. Saħħitna ma baqgħetx sejra għall-agħar, u ħajjitna saret ċertament iktar interessanti. Xorta waħda għadni ma tantx naf nitkellem bl-Ispanjol, imma dan ma jwaqqafnix milli nippriedka. Jien u John inħossuna komdi fil-kongregazzjoni żgħira tagħna f’Extremadura, fil-Lbiċ taʼ Spanja.
Il-ħajja fi Spanja għallmitni ħafna dwar in-natura internazzjonali tax-xogħol taʼ l-ippridkar tagħna tas-Saltna, u issa nistaʼ nifhem iktar sew kif, bħalma qal Ġesù, “l-għalqa hija d-dinja.”—Mattew 13:38.
[Stampi f’paġna 28]
Naqdi bħala pijuniera fis-snin tletin