LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 7/15 pp. 25-28
  • L-Agora—Il-Qalba t’Ateni tal-Qedem

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Agora—Il-Qalba t’Ateni tal-Qedem
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ateni Tikseb il-​Pjazza Pubblika Tagħha
  • Tempji, Niċeċ, u Allat Patruni
  • Il-​Mogħdija Panatenejana
  • “Mimlija Idoli”
  • Iċ-​Ċentru t’Amministrazzjoni
  • L-​Istoa t’Attalu
  • Post għal Attivitajiet Kulturali
  • L-​Agora Llum
  • Fittxu ’l Alla u Ssibuh
    Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 7/15 pp. 25-28

L-​Agora—Il-​Qalba t’Ateni tal-​Qedem

FIL-​KOMUNITÀ intellettwali t’Ateni kien hemm għagħa kbira! Fl-​agora, jew suq, taʼ din il-​belt Griega dejjem kienu jiġu mxandrin ideat ġodda. Madankollu, din id-​darba kien hemm xi ħaġa ferm differenti. Wieħed raġel Lhudi, li kien għadu kif wasal fil-​belt, kien donnu “messaġġier taʼ xi allat stranġiera.” Kien qed jgħid affarijiet straordinarji lil “dawk kollha li . . . kienu jinzertaw għaddejjin.” “X’għandu x’jgħid dan il-​lablâb?” staqsew l-​Epikurin kburin u l-​Istojċi b’wiċċ imqit. Iva, l-​agora t’Ateni kien proprju l-​post biex wieħed iqajjem dibattitu miftuħ tistaʼ tgħid dwar kwalunkwe suġġett li jeżisti. Imma li tintroduċi allat ġodda​—le, imbagħad dan kien iżżejjed!—Atti 17:17, 18.

Din kienet ir-​reazzjoni suspettuża taʼ l-​Atenjani meta l-​appostlu Pawlu beda jippriedka għall-​ewwel darba fl-​agora t’Ateni. Kien qed jitkellem dwar Ġesù Kristu u l-​irxoxt. Iżda, għall-​kultura li tant kienet tidher imparzjali t’Ateni, x’kien hemm daqshekk mhux tas-​soltu f’li jiġu introdotti dawn il-​konċetti ġodda fl-​agora?

Ateni Tikseb il-​Pjazza Pubblika Tagħha

Dak li attwalment kien uniku kien l-​agora nnifsu u l-​irwol kruċjali li kellu fil-​ħajja reliġjuża u pubblika taʼ l-​Atenjani. L-​agora t’Ateni jinsab fuq art daqsxejn għat-​telgħa li hija kbira madwar 100,000 metru kwadru li qiegħda fil-​Majjistral taʼ l-​Akropoli. Milli jidher, kmieni fis-​sitt seklu Q.E.K., fi żmien l-​istatista u leġislatur Atenjan Solon, din il-​biċċa art kienet ġiet magħżula bħala s-​sît għall-​pjazza tal-​belt. Id-​demokrazija li ġiet stabbilita f’Ateni, bl-​enfasi li żiedet fuq il-​ħajja ċivika, wasslet biex telaʼ ruxxmata bini matul l-​ewwel snin tas-​seklu taʼ wara. Dan ta aspett ġdid lill-​agora, kif ukoll irwol iktar sinjifikanti xi jwettaq.

Il-kelma Griega a·go·raʹ għandha l-​għerq tagħha f’verb li jfisser “tiġbor, tiġmaʼ.” Dan jaqbel maʼ l-​użu taʼ l-​agora bħala l-​post ewlieni għal-​laqgħat fil-​belt. L-​agora sar iċ-​ċentru tal-​ħajja soċjali u pubblika. Kien is-​sede taʼ l-​amministrazzjoni ċivika u tal-​ġudikatura, il-​post ewlieni għall-​kummerċ u n-​negozju, ix-​xêna għal preżentazzjonijiet teatrali li jagħtu prominenza lid-​drama Griega, lok fejn isiru wirjiet atletiċi, u l-​post iffavorit fejn jiltaqgħu n-​nies għal diskussjonijiet intellettwali.

Tixtieq tmur dawra biex tara dak li fadal mit-​tempji, kolonnati, statwi, monumenti u bini pubbliku taʼ l-​agora f’Ateni? Waqt li nipprovaw neżaminaw il-​passat taʼ l-​agora, ejjew inħallu warajna l-​istorbju u l-​geġwiġija tal-​belt moderna u ngħaddu mill-​mogħdijiet kollhom żrar, qalb ir-​rovini siktin taʼ l-​irħam, il-​ġebel imnaqqax, u l-​entraturi li qed jaqgħu u li huma miksijin bil-​ħaxix ħażin u bil-​ħxejjex aromatiċi salvaġġi.

Tempji, Niċeċ, u Allat Patruni

Il-​viżitaturi jibqgħu impressjonati bil-​preżenza taʼ ħafna tempji, niċeċ, u santwarji kkonsagrati lil diversi allat. Dan kollu serva biex għamel lill-​agora ċentru ewlieni taʼ qima, fit-​tieni post bl-​Akropoli qablu. Matul l-​Era tad-​Deheb t’Ateni klassika, ir-​reliġjon kienet infiltrat f’kull aspett tal-​ħajja pubblika. Dan loġikament kien ifisser li d-​diversi divinitajiet magħżulin biex ikunu l-​“allat patruni” tad-​dipartimenti tal-​gvern u s-​servizzi amministrattivi kienu jingħataw santwarji tat-​tempju fl-​agora.

Struttura prominenti fost dawn kienet it-​Tempju taʼ Ħifestu. L-​alla mara Atena kienet assoċjata maʼ Ħifestu. Dawn iż-​żewġ allat it-​tnejn li huma kienu jiġu meqjumin hawnhekk bħala divinitajiet patruni taʼ l-​arti u s-​snajjaʼ. Skoperti arkeoloġiċi taʼ xogħlijiet tal-​ħadid u tal-​fuħħar fl-​inħawi taʼ dan it-​tempju identifikawh maʼ Ħifestu, l-​alla Grieg taʼ l-​arti li fihom kien jinħtieġ l-​użu tan-​nar. Probabbilment fis-​sebaʼ seklu E.K., dan it-​tempju ppreservat tant tajjeb ġie ttrasformat u sar il-​Knisja Ortodossa Griega taʼ San Ġorġ, għalkemm illum m’għadhiex tintuża għal dan l-​iskop.

M’għandniex xi ngħidu, l-​agora kien jeħtieġ alla patrun għalih. Dan kien Żews Agoreos, il-​wieħed li huwa allegat li ispira l-​oratorja u li lilu ġie ddedikat artal mirqum, imnaqqax mill-​irħam Penteliku prezzjuż. (Qabbel Atti 14:11, 12.) L-​Artal taʼ Omm l-​Allat li kien fil-​viċin kellu ringiela spettakolari taʼ monumenti taʼ l-​eroj fuq kull naħa.

Ftit iktar ’il bogħod, insibu tempju Joniku żgħir. Il-​ġeografu Pawsanjas identifikah bħala t-​Tempju t’Apollo l-​Missier. Għala? Għaliex skond leġġenda Griega antika, hu kien missier Jon, il-​fundatur tar-​razza Jonja li minnha kienu jagħmlu parti l-​Atenjani.a Minħabba l-​pożizzjoni tiegħu, Apollo kien wieħed mill-​allat patruni taʼ l-​organizzazzjoni amministrattiva taʼ l-​istat, speċjalment f’konnessjoni mad-​diversi fratellanzi li kienu jeżistu fil-​belt.

Preċiżament fit-​Tramuntana, naraw il-​fdalijiet magħmulin mill-​ġebla tal-​ġir taʼ tempju iżgħar, li ġie mibni f’nofs ir-​rabaʼ seklu Q.E.K. Hawnhekk kienu jiġu meqjumin Żews u Atena Fatrijos, l-​allat ewlenin tal-​fratellanzi reliġjużi taʼ l-​antenati. Li wieħed ikun membru fihom kważi kienet ħtieġa biex wieħed setaʼ jkollu ċittadinanza Atenjana. Sewwasew fuq il-​faċċata l-​oħra tat-​triq, insibu l-​fdalijiet t’artal tat-​Tnax-il Alla.

Fl-Istoa taʼ Żews Elewterjos li tinsab fil-​viċin, l-​alla Grieg ewlieni reġaʼ ġie onorat, din id-​darba bħala l-​alla tal-​libertà u l-​ħelsien. Dan il-​kolonnat, jew stoa, kien post popolari għall-​passiġġati u biex isiru l-​laqgħat fih. Il-​filosfu famuż Sokrate jingħad li kien jiltaqaʼ maʼ ħbiebu f’din l-​istoa, fejn setgħu joqogħdu bil-​qiegħda u jitkellmu jew jippassiġġaw. Ħafna dedikazzjonijiet u offerti li saru biex iżejnu din l-​istoa, bħat-​tarki tal-​gwerriera li mietu waqt li kienu qed jiġġieldu biex jiddefendu lil Ateni, kellhom konnessjoni diretta maʼ li l-​belt tiġi meħlusa mill-​għedewwa tagħha jew maʼ li tiġi ppreservata l-​libertà tagħha.

Il-​Mogħdija Panatenejana

Taqsam djagonalment minn naħa għall-​oħra taʼ l-​agora hemm triq wiesgħa u kollha żrar, imsejħa l-​Mogħdija Panatenejana. Isimha u l-​karatteristiċi speċjali tagħha oriġinaw mill-​festa nazzjonali t’Ateni, il-​Panateneja. Waqt din il-​festa, kienu jġorru l-​velu taʼ l-​alla mara Atena matul din it-​triq mid-​Dar tal-​Purċissjoni (ħdejn bieb il-​belt) sa l-​Akropoli. Il-​bordura kollha skultura li hemm fuq il-​Partenôn tgħinna nimmaġinaw il-​pompa u l-​isplendur tal-​purċissjoni tal-​festa​—il-​kavallerija, il-​karrijiet itellqu, il-​baqar u n-​nagħaġ tas-​sagrifiċċju, il-​ġuvintur u t-​tfajliet iġorru l-​affarijiet li jkunu se jintużaw għas-​sagrifiċċju. Il-​purċissjoni kienet tiġi osservata miċ-​ċittadini t’Ateni u mill-​mistednin tagħhom, li l-​arkitetti kienu ħasbu għall-​konvenjenza taʼ dawn meta ddisinjaw l-​agora. Per eżempju, il-​kolonnati, bit-​terrazzi u t-​turġien tagħhom, kienu mqegħdin b’sengħa kbira f’pożizzjoni tajba biex wieħed setaʼ jara sew minn fejn kienet tgħaddi l-​purċissjoni. L-​għadd mhux ħażin taʼ taraġ imħaffer ġol-​faċċati tagħhom setaʼ jakkomoda ħafna spettaturi.

“Mimlija Idoli”

B’daqstant tempji, statwi u monumenti kollha f’post wieħed, mhux taʼ b’xejn li l-​appostlu Pawlu “kien jinkedd fih innifsu jara l-​belt mimlija idoli.” (Atti 17:16) Dak li Pawlu osserva meta daħal fl-​agora żgur li xxokkjah. Statwi falliċi taʼ l-​alla Ermi tant kienu numerużi li kien jinħtieġ portiku sħiħ, magħruf bħala l-​Istoa taʼ Ermi, biex jesagħhom. Il-​ħwejjeġ impittrin fuq xbihat oħrajn taʼ Ermi kellhom l-​iswastiki fuqhom​—simboli tal-​fertilità u tal-​ħajja. Kien hemm statwa taʼ Venere Ġenetriks, l-​alla mara taʼ l-​imħabba sesswali, kif ukoll waħda taʼ Djonisju li fuqha għandha għadd taʼ slaleb falliċi. Biex tenfasizza l-​“qdusija” taʼ l-​agora kien hemm ġebla li timmarka l-​limiti tal-​propjetà u din kellha friskatur bl-​ilma “mbierek” għat-​tindif ċerimonjali taʼ dawk kollha li kienu jidħlu.

Meta nqisu l-​atmosfera reliġjuża akkanita li kienet teżisti, nistgħu nifhmu faċilment għala Pawlu kien f’pożizzjoni estremament perikoluża. Ġie ssuspettat li kien “messaġġier taʼ xi allat stranġiera,” u l-​liġi taʼ dak iż-​żmien kienet tesiġi li ‘ebda persuna m’għandu jkollha allat separati, jew ġodda; lanqas m’għandha tqim fil-​privat xi allat stranġieri jekk dawn ma jkunux permessi pubblikament.’ Mhux taʼ b’xejn, allura, li l-​appostlu ġie meħud fl-​Arjopagu biex jiġi interrogat.—Atti 17:18, 19.

Iċ-​Ċentru t’Amministrazzjoni

Il-​kwartieri ġenerali tal-​gvern Atenjan kienu jinsabu f’bini tond imsejjaħ Tolos. Ħafna uffiċjali għoljin tal-​belt kienu jorqdu f’dan il-​bini bil-​lejl ħalli b’hekk dejjem kien ikun hemm xi uffiċjali responsabbli disponibbli. Fit-​Tolos kienet tinżamm lista taʼ piżijiet u qisien stabbiliti mil-​liġi. Il-​faċilitajiet għal diversi dipartimenti taʼ l-​amministrazzjoni kienu jinsabu fil-​viċin. Id-​Dar tal-​Kunsill kienet tokkupa terrazza li kienet imħaffra fil-​ġenb taʼ l-​għolja, fil-​Majjistral tat-​Tolos. Hemmhekk, il-​500 membru tal-​Kunsill kienu jżommu l-​laqgħat li fihom kienu jagħmlu x-​xogħol tal-​kumitat u jippreparaw il-​leġislazzjoni għall-​Assemblea.

Bini ċiviku importanti ieħor kien l-​Istoa Rjali. Hemmhekk, kien ipoġġi r-​Royal Archon of Athens​—wieħed mit-​tliet maġistrati ewlenin tal-​belt. Minn hemm kien jieħu ħsieb ħafna responsabbiltajiet amministrattivi li kellhom x’jaqsmu kemm maʼ kwistjonijiet reliġjużi u kemm maʼ dawk legali. X’aktarx li kien hawnhekk li Sokrate kellu jidher meta ġie akkużat li kien irriverenti. Il-​liġijiet taʼ l-​antenati Atenjani kienu mnaqqxin fuq il-​ħitan taʼ bini li jinsab faċċata. Kull sena l-​archons, jew maġistrati ewlenin, kienu jitilgħu bil-​wieqfa fuq ġebla mqiegħda quddiem l-​istess bini, biex jieħdu l-​ġurament tal-​ħatra tagħhom.

L-​Istoa t’Attalu

L-​iktar bini ppreservat tajjeb taʼ l-​agora huwa l-​Istoa t’Attalu. Meta kien żagħżugħ, Attalu, is-​Sultan taʼ Pergamu (fit-tieni seklu Q.E.K.), kien studja fl-​iskejjel t’Ateni, bħalma għamlu diversi wlied minn familji rjali fid-​dinja Mediterranja. Appena kiseb it-​tron, hu għamel din l-​għotja stupenda​—l-​Istoa t’Attalu—​lill-belt taʼ l-​alma mater tiegħu.

L-iskop ewlieni taʼ l-​Istoa t’Attalu kien li tipprovdi post kenni u eleganti fejn wieħed setaʼ jassoċja u jitħallat informalment. Is-​sezzjonijiet differenti u t-​terrazzi tagħha kienu jservu taʼ postijiet eċċellenti minn fejn kulħadd setaʼ jara l-​purċissjonijiet, fil-​waqt li l-​popolarità tagħha bħala post fejn jippassiġġaw in-​nies żgur li assigurat ukoll is-​suċċess tagħha bħala ċentru għall-​ħwienet. Probabbilment il-​ħwienet kienu jinkrew mill-​Istat lin-​negozjanti sabiex il-​bini setaʼ jservi bħala sors taʼ qligħ.

Billi reġgħet ġiet irrestawrata għall-​kundizzjoni oriġinali tagħha, l-​Istoa t’Attalu saret eżempju eċċellenti taʼ disinn ġeometriku. Is-​simetriji ġenerali tagħha, id-​differenzi fid-​daqs li tant jolqtuk li hemm bejn l-​ordnijiet taʼ fuq u taʼ isfel tal-​kolonni, l-​effett interessanti tad-​dawl u d-​dell flimkien, ir-​rikkezza u s-​sbuħija tal-​materjali tagħha, kollha jservu biex jagħmluha unika. Il-​monotonija hija mnaqqsa b’diversi modi, speċjalment bl-​użu taʼ tliet tipi differenti taʼ kaptelli tal-​kolonni​—Doriċi, Jonji, u Eġizzjani.

Post għal Attivitajiet Kulturali

Bini li serva bħala palk għal ħafna ġrajjiet kulturali f’Ateni kien is-​Sala tal-​Kunċerti. Kien għotja taʼ Vipsanju Agrippa, ħaten l-​Imperatur Ruman Awgustu. Il-​parti taʼ quddiem, kienet miksija bl-​irħam ikkulurit. L-​awditorju, li kien jakkomoda madwar 1,000 ruħ, kien kbir xi 25 metru u oriġinalment kien mgħotti b’saqaf li ma kellu xejn fuq xiex iserraħ fuq ġewwa. Dan kien wieħed mill-​iktar esperimenti taʼ sogru fit-​tqegħid taʼ soqfa li nafu bih fid-​dinja tal-​qedem! Madankollu, huwa probabbli li ħafna mid-​divertiment li kien jiġi ppreżentat hemmhekk kien ikun dubjuż għall-​Kristjani veri, bil-​livelli morali għoljin tagħhom.—Efesin 5:3-5.

X’aktarx li fl-​antik, individwi li kien ikollhom xi mistoqsijiet kienu jżuru l-​Librerija taʼ Pantejnos. Il-​ħitan tagħha kienu miksijin b’armarji fejn kienu jinżammu rombli tal-​papiru u parċmini miktubin bl-​idejn. Il-​kamra prinċipali tal-​librerija kienet tħares lejn il-​Punent, u minn qalb ringiela taʼ kolonni, wieħed setaʼ jara bitħa mdawra bil-​kolonnati​—post li fih tieħu pjaċir tippassiġġa, taqra, jew timmedita. Instabet skrizzjoni li fuqha kien hemm tnejn mir-​regoli tal-​librerija. Dawn kienu: “Ebda ktieb m’għandu jinħareġ minn hawn,” u “[Il-librerija] tkun miftuħa mill-​ewwel siegħa sas-​sitt siegħa.”

L-​Agora Llum

F’dawn l-​aħħar snin, l-​agora ġie skavat kważi kompletament mill-​American School of Classical Studies. Billi qiegħed għall-​kwiet fid-​dell taʼ l-​Akropoli ġgantesk, dan sar wieħed mill-​postijiet favoriti għat-​turist li jkun irid jagħti titwila lejn l-​istorja t’Ateni tal-​qedem.

Jekk wieħed imur sas-​Suq taʼ Monastiraki li jinsab fil-​viċin​—erbaʼ passi ’l bogħod mill-​agora u l-​Akropoli—​jistaʼ jidħol ġo dinja affaxxinanti oħra. Dan jagħti lill-​viżitatur ħjiel sorprendenti imma fl-​istess ħin pjaċevoli tal-​folklor Grieg u taʼ l-​attività u l-​prezzijiet imraħħsin bħal dawk f’xi bażâr Orjentali tal-​Lvant Nofsani. U m’għandniex xi ngħidu, il-​viżitatur se jara lix-​Xhieda taʼ Jehovah hemmhekk jagħmlu bil-​ferħ eżattament dak li għamel l-​appostlu Pawlu iktar minn 1,900 sena ilu​—jippridkaw pubblikament l-​aħbar tajba tas-​Saltna lil ‘dawk kollha li jinzertaw għaddejjin.’

[Nota taʼ taħt]

a L-isem Jonju ġej minn dak taʼ Ġawan, iben Ġafet u neputi taʼ Noè.—Ġenesi 10:1, 2, 4, 5.

[Kaxxa f’paġna 28]

Il-​Kummerċ f’Ateni

L-​agora ma kienx biss il-​qalba intellettwali u ċivika t’Ateni imma wkoll is-​suq ewlieni tal-​belt.

Ateni saret ċentru tal-​kummerċ, famuża kemm għall-​valur stabbli tal-​munita tagħha u kemm għall-​iskrupolożità tal-​maġistrati ewlenin tagħha, li kienu awtorizzati biex jaraw li t-​transazzjonijiet tan-​negozju kollha jkunu onesti u ġusti. Ateni kienet tesporta l-​inbid, iż-​żejt taż-​żebbuġa, l-​għasel, l-​irħam, u prodotti industrijali bħalma huma ċ-​ċeramika u l-​metalli pproċessati. Mill-​banda l-​oħra, l-​iktar li kienet timporta kien il-​qamħ. Ladarba l-​Attika (ir-reġjun madwar Ateni) ma kinitx tipproduċi biżżejjed affarijiet biex titmaʼ lill-​abitanti tagħha, ir-​regoli tal-​bejgħ u x-​xiri kummerċjali kienu stretti. Is-​suq f’Pireus (il-port t’Ateni) dejjem kien jeħtieġ ikel frisk biżżejjed biex jipprovdi kemm għall-​belt u kemm għall-​armata. U n-​negozjanti ma kinux jitħallew jaħżnu l-​provvisti biex imbagħad ibigħuhom bi prezzijiet ogħla meta dawn ikunu skarsi.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja