Tistaʼ Temminha l-Bibbja?
ĦAFNA nies għadhom jemmnuha l-Bibbja, anki f’din id-dinja moderna. Per eżempju, fi stħarriġ reċenti mill-Gallup dwar l-Amerikani, 80 fil-mija qalu li jemmnu li l-Bibbja hija l-Kelma ispirata t’Alla. Hu kemm hu l-persentaġġ fejn toqgħod int, tistaʼ tifhem għala dawn il-kredenti jippretendu li fil-knisja jiġu mgħallmin il-Bibbja. Imma taʼ spiss mhux hekk jiġri. Ħu, per eżempju, id-duttrina dwar li r-ruħ tieħu l-kastig wara l-mewt.
Hemm xi mkien fil-Bibbja fejn jissemmew il-purgatorju jew xi infern jaqbad? Illum, ħafna studjużi fil-Kristjaneżmu jwieġbu le. In-New Catholic Encyclopedia tistqarr: “Fl-aħħar mill-aħħar, id-duttrina Kattolika tal-purgatorju hija bbażata fuq it-tradizzjoni, mhux fuq l-Iskrittura Mqaddsa.” A Dictionary of Christian Theology jikkummenta dan rigward l-infern: “Fit-T[estment] il-Ġ[did] ma nsibux in-nar taʼ l-infern bħala parti mill-ippridkar primittiv.”
Fil-fatt, il-kummissjoni dottrinali taċ-Church of England dan l-aħħar ngħatat prominenza fil-gazzetti meta din irrikkmandat li t-tagħlim tan-nar taʼ l-infern għandu jiġi miċħud għalkollox. Dr. Tom Wright, id-dekan tal-Katidral taʼ Litchfield, jistqarr li l-istampa li kellna fil-passat taʼ l-infern “għamlet lil Alla mostru u ħalliet marki psikoloġiċi intensi fuq ħafna wħud.” Ir-rapport tal-kummissjoni jiddeskrivi l-infern bħala “ineżistenti għalkollox.”a B’mod simili, in-New Catholic Encyclopedia tinnota dan rigward il-ħarsa Kattolika: “Illum, it-Teoloġija tikkunsidra l-kwistjoni taʼ l-infern mill-aspett taʼ separazzjoni minn Alla.”
Attwalment, dak li tgħallem il-Bibbja dwar ir-ruħ ma jaqbel xejn mat-tagħlim tal-purgatorju u n-nar taʼ l-infern. Il-Bibbja spiss titkellem dwar il-mewt taʼ l-erwieħ. “Ir-ruħ li tidneb, tmut.” (Eżekjel 18:4, Karm Żammit; qabbel il-verżjoni Kattolika Douay.) Skond il-Bibbja, il-mejtin m’humiex konxji, ma jistgħux iħossu wġigħ. “Il-ħajjin, għallinqas, jafu li għad imutu, iżda l-mejtin ma jafu xejn.” (Koħèlet 9:5) It-tama li l-Bibbja toffri għall-mejtin hija dik taʼ rxoxt futur. Meta miet il-ħabib tiegħu Lazzru, Ġesù qabbel il-mewt maʼ l-irqad. Marta, oħt Lazzru, esprimiet it-tama mgħallma fil-Bibbja meta ddikjarat: “Jiena naf li jerġaʼ jqum, fil-qawmien mill-imwiet fl-aħħar jum.” Billi qajjem lil Lazzru mill-mewt, Ġesù saħħaħ dik it-tama għall-umanità.—Ġwann 5:28, 29; 11:11-14, 24, 44.
L-istorjografi juru li t-tagħlim li l-bniedem jippossiedi ruħ separata u immortali ma oriġinax mill-Bibbja imma mill-filosofija Griega. In-New Catholic Encyclopedia tosserva li l-Lhud tal-qedem ma kinux iqisu lill-bniedem bħala li hu magħmul minn ġisem materjali u minn ruħ immaterjali. Din tgħid hekk dwar it-twemmin tal-Lhud: “Meta n-nifs tal-ħajja daħal fl-ewwel bniedem li Alla kien sawwar mill-art, hu sar ‘ħlejqa ħajja’ (Ġ[enesi] 2.7). Il-mewt ma kinitx meqjusa bħala l-firda taʼ żewġ elementi distinti fil-bniedem, bħalma nsibu fil-filosofija Griega; in-nifs tal-ħajja joħroġ u l-bniedem isir ‘ħlejqa mejta’ (L[evitiku] 21.11; N[umri] 6.6; 19.13). Fiż-żewġ każi l-kelma ‘ħlejqa’ hija l-kelma Ebrajka [neʹphesh], spiss tradotta ‘ruħ’ imma, fil-fatt, tistaʼ tgħid li hija ugwali mal-persuna.”
Dik l-istess enċiklopedija tinnota li dan l-aħħar xi studjużi Kattoliċi “sostnew li t-T[estment] il-Ġ[did] ma jgħallimx dwar l-immortalità tar-ruħ fis-sens Ellenistiku [Grieg].” Din tikkonkludi: “Is-soluzzjoni fundamentali għal din il-problema ma tantx tinstab fl-ispekulazzjoni filosofika daqskemm tinstab fl-għotja sopranaturali taʼ l-Irxoxt.”
Il-Bibbja jew it-Tradizzjoni?
Kif, iżda, daħlu dawn l-ideat mhux Bibliċi fit-tagħlim tal-knisja? Ħafna knejjes isostnu li l-Bibbja hija l-ogħla awtorità li għandhom. Per eżempju, ftit taż-żmien ilu l-Papa Ġwanni Pawlu II tkellem dwar il-ħtieġa li l-Iskrittura tiġi “aċċettata mill-fidili bħala li hija kompletament vera u li hija r-regola suprema tal-fidi tagħna.” Madankollu, huwa fatt li t-tagħlim li nsibu llum fil-Kristjaneżmu ma jaqbilx maʼ dak tal-Kristjani taʼ l-ewwel seklu. Ħafna mill-knejjes iqisu l-bidliet bħala parti mill-iżvilupp gradwali tad-duttrini tal-knisja. Iktar minn hekk, il-Knisja Kattolika hi taʼ l-opinjoni li t-tradizzjoni tal-knisja għandha l-istess awtorità daqskemm għandha l-Iskrittura. In-New Catholic Encyclopedia tgħid li l-knisja “ma tħaddan l-ebda verità fuq il-bażi taʼ l-Iskrittura waħedha, indipendentement mit-tradizzjoni, u mill-banda l-oħra, lanqas ma tagħmel dan fuq il-bażi tat-tradizzjoni waħedha, indipendentement mill-Iskrittura.”
Storikament, il-knejjes bidlu t-tagħlim Skritturali maʼ dak ibbażat fuq it-tradizzjoni biss. Fil-fatt, ħafna knejjes issa qed isostnu li t-tagħlim tal-Bibbja huwa żbaljat. Per eżempju, in-New Catholic Encyclopedia tistqarr li huwa “ovvju li ħafna stqarrijiet Bibliċi huma sempliċement foloz meta jiġu ġġudikati skond l-għarfien modern tax-xjenza u taʼ l-istorja.” Rigward it-tagħlim Bibliku li l-mejtin m’humiex konxji, din iżżid: “Saħansitra fi kwistjonijiet reliġjużi, it-T[estment] il-Q[adim] jagħti xiehda li jeżisti għarfien mhux komplet rigward . . . il-ħajja wara l-mewt.” L-enċiklopedija tiċċita Salm 6:6 (vers 5 f’xi Bibbji) bħala eżempju taʼ dan: “Għax ħadd mill-mejtin ma jiftakar fik; min ifaħħrek f’art l-imwiet [“Xeol” (jew, Ħades), New World Translation]?” Xi seminarji u kulleġġi Protestanti m’għadhomx jgħallmu li l-Bibbja hija infallibbli. Il-Knisja Kattolika, min-naħa l-oħra, temmen li hi tippossiedi l-maġisterju, jew l-awtorità li tgħallem, u li permezz t’hekk tinterpreta dak li huwa mgħallem fil-Bibbja. Iżda forsi tgħid bejnek u bejn ruħek, ‘Xi ngħidu jekk interpretazzjonijiet bħal dawn jidhru li jikkontradixxu l-Iskrittura?’
L-Importanza taʼ l-Iskrittura
Ġesù darba wara l-oħra kien jiċċita l-Iskrittura bħala li hija awtoritattiva, billi spiss qabel kull punt kien jgħid: “Hemm miktub.” (Mattew 4:4, 7, 10; Luqa 19:46) Tabilħaqq, meta tkellem dwar il-qagħda tal-bniedem fiż-żwieġ, Ġesù uża r-rakkont tal-ħolqien f’Ġenesi bħala s-sors taʼ l-informazzjoni, u mhux il-konklużjonijiet filosofiċi Griegi. (Ġenesi 1:27; 2:24; Mattew 19:3-9) Biċ-ċar, Ġesù kkunsidra l-Iskrittura bħala mnebbħa minn Alla u fattwali. F’talba lil Missieru, hu qal: “Il-kelma tiegħek hi l-verità.”—Ġwann 17:17.b
Il-Bibbja tiddokumenta ċ-ċensura li Ġesù għadda fuq il-mexxejja reliġjużi taʼ żmienu: “Hekk intom, twarrbu l-kmandamenti taʼ Alla biex tħaddnu t-tradizzjoni tal-bnedmin. . . . Hekk iġġibu fix-xejn il-kelma taʼ Alla bit-tradizzjoni.” (Mark 7:6-13) Bl-istess mod, l-appostlu Pawlu rreżista l-pressjoni li jinkludi kemm filosofija Griega kif ukoll tradizzjonijiet żbaljati fit-tagħlim tiegħu. Hu qal: “Qisu li ħadd ma ijassarkom b’filosofija u kliem qarrieq u fieragħ skond dak li hu ġej mill-bnedmin.” (Kolossin 2:8; 1 Korintin 1:22, 23; 2:1-13) Kien hemm xi tradizzjonijiet, jew tagħlim, li Pawlu ħeġġeġ lill-Kristjani biex iżommu, però dawn kienu bbażati fuq l-Iskrittura u kienu għalkollox fi qbil magħha. (2 Tessalonikin 2:13-15) “L-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla, u tiswa,” kiteb Pawlu, “biex hekk il-bniedem taʼ Alla jkun perfett [“kompetenti għalkollox,” NW], mħejji għal kull ħidma tajba.” (Korsiv tagħna.)—2 Timotju 3:16, 17.
Pawlu ra li kellu jiġi żmien meta n-nies kienu se jitbiegħdu mit-tagħlim tal-Bibbja. Hu wissa lil Timotju: “Għad jiġi żmien meta għat-tagħlim tajjeb ma jibqgħalhomx sabar, . . . u jwarrbu widnejhom mis-sewwa biex jiġġerrew wara l-ħrejjef.” Hu ħeġġeġ lil Timotju: “Imma int oqgħod dejjem b’għajnejk miftuħa.” (2 Timotju 4:3-5) Imma kif? Mod wieħed huwa billi jkollok “moħħ nobbli.” Dizzjunarju Grieg jispjega din il-kelma Biblika bħala “volontà li titgħallem u tiżen xi ħaġa imparzjalment.” Luqa uża din l-espressjoni biex jiddeskrivi s-semmiegħa taʼ Pawlu fil-Berija taʼ l-ewwel seklu. It-tagħlim taʼ Pawlu kien ġdid għalihom, u dawn ma ridux jiġu żvijati. Waqt li faħħarhom, Luqa kiteb: “Dawn il-Lhud [il-Berijani] kienu nies taʼ qalb kbira [“taʼ moħħ nobbli,” NW] aktar minn dawk taʼ Tessalonika; huma laqgħu l-kelma bil-ħeġġa kollha, u kuljum bdew iqallbu l-Iskrittura biex jaraw jekk dak li semgħu kienx minnu.” Il-fatt li l-Berijani kellhom moħħ nobbli m’għamilhomx nies xettiċi, inklinati li ma jemmnu f’xejn. Minflok, ir-riżultat tat-tfittix onest tagħhom kien li “ħafna minnhom emmnu.”—Atti 17:11, 12.
Il-Benefiċċji taʼ li Ngħixu fi Qbil mal-Bibbja
Il-Kristjani bikrin kienu magħrufin kemm għal-lealtà tagħhom lejn il-Bibbja u kemm għall-imħabba li tissagrifika lilha nfisha li kellhom. Madankollu, illum, ħafna nies “jiċħdu l-qawwa tat-tjieba, minkejja li minn barra jagħmluha taʼ tajbin.” (2 Timotju 3:5) Illum kwalunkwe għamla taʼ Kristjanità li m’hijiex fi qbil maʼ dik oriġinali, ma tistax tkun qawwa ġenwina għat-tajjeb fil-ħajjiet tan-nies. Jistaʼ dan jgħinna biex nifhmu l-għala, fil-biċċa l-kbira tal-Kristjaneżmu, naraw żjieda fil-vjolenza, fl-immoralità, fil-kollass tal-familja, u fil-materjaliżmu? F’xi artijiet “Kristjani,” isiru gwerer etniċi ħorox saħansitra bejn membri taʼ l-istess reliġjon.
Għosfor dan l-ispirtu taʼ moħħ nobbli li kellhom il-Berijani? Jeżisti llum xi grupp taʼ nies li jemmen fil-Bibbja u jgħix fi qbil magħha?
L-Encyclopedia Canadiana tosserva: “Ix-xogħol tax-Xhieda taʼ Jehovah huwa r-rinaxximent u t-twaqqif mill-ġdid tal-Kristjanità primittiva pprattikata minn Ġesù u d-dixxipli tiegħu matul l-ewwel u t-tieni seklu taʼ l-era tagħna.” Rigward ix-Xhieda, in-New Catholic Encyclopedia tinnota: “Huma jqisu l-Bibbja bħala l-uniku sors tagħhom taʼ twemmin u linja taʼ kondotta.”
M’hemmx dubju li din hija raġuni ewlenija għala x-Xhieda taʼ Jehovah madwar id-dinja huma magħrufin għall-prosperità spiritwali, il-paċi, u l-hena tagħhom. Għaldaqstant aħna ninkuraġġixxu lill-qarrejja tagħna biex jitgħallmu iktar dwar it-tagħlim tal-Bibbja li jagħti s-saħħa spiritwali. Iktar għarfien jistaʼ jwassal għal saħansitra fiduċja akbar fil-Bibbja u fidi iktar qawwija f’Alla. Il-benefiċċji eterni taʼ fidi bħal din huma vallapena tassew.
[Noti taʼ taħt]
a National Public Radio—“Morning Edition”
b Għal iktar informazzjoni dwar kemm il-Bibbja hija taʼ min joqgħod fuqha, ara l-browxer Ktieb għan-Nies Kollha, ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
[Stampa f’paġna 6]
L-appostlu Pawlu u oħrajn ippridkaw fis-suq
[Stampa f’paġna 7]
Ix-Xhieda taʼ Jehovah “jqisu l-Bibbja bħala l-uniku sors tagħhom taʼ twemmin u linja taʼ kondotta”