Kif Insolvu l-Problemi fil-Paċi
IL-VJOLENZA fost il-bnedmin ilha teżisti kważi daqs kemm ilu jeżisti l-bniedem. Il-Bibbja turi li l-vjolenza bdiet minn Kajjin, ħu Abel u l-iben il-kbir taʼ l-ewwel koppja umana. Meta Alla ffavorixxa l-offerta taʼ Abel iktar minn tiegħu, Kajjin “saħan sewwa.” Kif ittratta s-sitwazzjoni? “Kajjin qam għal ħuh Abel, u qatlu.” Wara, hu sab ruħu f’inkwiet serju ħafna m’Alla. (Ġenesi 4:5, 8-12) Il-vjolenza ma solvietx il-problema tal-waqfa ħażina li kellu Kajjin quddiem il-Ħallieq tiegħu.
Kif nistgħu nevitaw il-korsa taʼ Kajjin li nirrikorru għall-forza fiżika biex insolvu l-problemi?
Mill-Vjolenza għat-Tolleranza
Ikkunsidra l-każ taʼ raġel li qagħad iħares b’approvazzjoni waqt li kien qed jiġi maqtul Stiefnu, l-ewwel martri Kristjan. (Atti 7:58; 8:1) Ir-raġel, Sawl taʼ Tarsu, ma kienx jaqbel mal-waqfa reliġjuża taʼ Stiefnu u appoġġa l-qtil vjolenti tiegħu bħala mod iġġustifikat kif jitwaqqfu l-attivitajiet taʼ Stiefnu. Veru, Sawl għandu mnejn ma kienx vjolenti f’kull aspett taʼ ħajtu. Madankollu, kien lest li jaċċetta l-vjolenza bħala mod kif jiġu solvuti l-problemi. Eżatt wara l-mewt taʼ Stiefnu, Sawl beda “jagħmel ħerba mill-Knisja [Kristjana]; kien jidħol minn dar għal oħra, jaqbad irġiel u nisa u jitfagħhom il-ħabs.”—Atti 8:3.
Skond l-istudjuż tal-Bibbja Albert Barnes, il-kelma Griega li hawnhekk ġiet tradotta ‘jagħmel ħerba minn’ tindika l-ħerba li bhejjem salvaġġi, bħal iljuni u lupi, jistgħu joħolqu. “Sawl,” jispjega Barnes, “kien joħodha qatta bla ħabel kontra l-knisja bħal bhima salvaġġa—espressjoni qawwija, li tindika ż-żelu u l-furja li bihom kien jippersegwita.” Meta Sawl kien sejjer Damasku biex jiġbor iktar segwaċi taʼ Kristu, kien “għadu bil-qawwa kollha jhedded bil-mewt lid-dixxipli tal-Mulej [Kristu].” Waqt li kien fi triqtu, kellmu Ġesù rxoxtat, u dan irriżulta fil-konverżjoni taʼ Sawl għall-Kristjanità.—Atti 9:1-19.
Wara din il-konverżjoni, il-mod kif Sawl kien jittratta m’oħrajn inbidel. Ġrajja li seħħet xi 16-il sena wara wriet din il-bidla. Grupp taʼ nies ġew fil-kongregazzjoni taʼ fejn kien joqgħod f’Antjokja u ħeġġew lill-Kristjani t’hemmhekk biex jikkonformaw mal-Liġi Mosajka. Bħala riżultat taʼ dan, “qamu kontra tagħhom.” Sawl, li sa dan iż-żmien kien sar magħruf aħjar bħala Pawlu, baqaʼ jżomm l-opinjoni tiegħu fid-disputa. Milli jidher, qamet tilwima sħuna. Imma Pawlu ma rrikorriex għall-użu tal-vjolenza. Pjuttost, hu qabel mad-deċiżjoni tal-kongregazzjoni biex jirreferu l-kwistjoni lill-appostli u l-anzjani tal-kongregazzjoni taʼ Ġerusalemm.—Atti 15:1, 2.
F’Ġerusalemm, għal darb’oħra reġaʼ kien hemm “diskussjoni [“disputa,” Karm Żammit] twila” waqt il-laqgħa taʼ l-anzjani. Pawlu stenna sa ma “waqaʼ skiet fuq il-ġemgħa kollha” u mbagħad irrapporta l-ħidma kbira taʼ l-ispirtu t’Alla fost il-kredenti li ma kinux ċirkonċiżi. Wara diskussjoni Skritturali, l-appostli u l-anzjani f’Ġerusalemm ‘qablu lkoll bejniethom’ li ma jgħabbux bla bżonn lill-kredenti li ma kinux ċirkonċiżi imma li jwissuhom biex “[j]itbiegħdu mill-ikel issagrifikat lill-idoli, mid-demm, mil-laħam taʼ l-annimali fgati u miż-żwieġ ħażin.” (Atti 15:3-29) Tabilħaqq, Pawlu kien inbidel. Kien tgħallem isolvi l-kwistjonijiet mingħajr ma juża l-vjolenza.
Inkampaw maʼ Tendenzi Vjolenti
“Min hu qaddej tal-Mulej m’għandux joqgħod jitlewwem,” wissa Pawlu iktar tard, “imma għandu jkun ħlejju maʼ kulħadd, jinqalaʼ biex jgħallem, kollu sabar; iwiddeb bil-ħlewwa lil dawk li ma jaqblux miegħu [“m’humiex disposti b’mod favorevoli,” NW].” (2 Timotju 2:24, 25) Pawlu ħeġġeġ lil Timotju, indokratur iżgħar, biex jittratta sitwazzjonijiet diffiċli bil-kalma. Pawlu kien realistiku. Kien jaf li l-emozzjonijiet setgħu jitqanqlu anki fost il-Kristjani. (Atti 15:37-41) Bir-raġun, hu ta l-parir: “Tinkurlaw? Imma tidinbux; tħallux ix-xemx tgħib fuq il-korla tagħkom.” (Efesin 4:26) Li wieħed jikkontrolla r-rabja mingħajr ma jinfexx f’dagħdigħa bla kontroll huwa l-mod xieraq kif wieħed jittratta emozzjonijiet bħal dawn. Imma dan kif jistaʼ jsir?
Illum, m’huwiex faċli li wieħed jikkontrolla r-rabja. “Li wieħed ikun malizzjuż hija xi ħaġa popolari,” qalet Dr. Deborah Prothrow-Stith, assistent dekan fil-Harvard School of Public Health. “Fil-fatt, il-kwalitajiet neċessarji biex wieħed iżomm relazzjoni tajba m’oħrajn—il-ftehim, il-kompromess, l-empatija, il-maħfra—huma dawk li normalment jiġu assoċjati maʼ nies taʼ karattru dgħajjef.” Madankollu, dawn huma kwalitajiet li juru rġulija, u huma fundamentali biex wieħed jikkontrolla tendenzi vjolenti li jistgħu jkunu jbaqbqu ġewwa fina.
Meta sar Kristjan, Pawlu tgħallem mod aħjar kif jittratta differenzi fl-opinjoni. Dan kien ibbażat fuq it-tagħlim tal-Bibbja. Bħala studjuż mgħallem sewwa tal-Ġudaiżmu, Pawlu kien familjari maʼ l-Iskrittura Ebrajka. Żgur li kien jafhom skritturi bħal: “Tgħirx għall-bniedem vjolenti, u titħajjarx timxi fuq xi mġiba tiegħu.” “Min għandu s-sabar aħjar mill-qalbieni, min jitrażżan aħjar mir-rebbieħ taʼ belt.” “Bħal belt miftuħa u bla ħitan, hekk hu l-bniedem li ma jitrażżanx.” (Proverbji 3:31; 16:32; 25:28) Madankollu, dan l-għarfien ma kienx żammu lura lil Pawlu, qabel il-konverżjoni tiegħu, milli juża l-vjolenza kontra l-Kristjani. (Galatin 1:13, 14) Imma x’kien li għen lil Pawlu, bħala Kristjan, biex isolvi kwistjonijiet kontroversjali billi juża r-raġuni u l-persważjoni minflok il-vjolenza?
Pawlu tana ħjiel meta qal: “Ixbhu lili bħalma jien nixbah lil Kristu.” (1 Korintin 11:1) Hu apprezza ħafna dak li Ġesù Kristu kien għamel għalih. (1 Timotju 1:13, 14) Għalih, Kristu sar il-mudell li kellu jsegwi. Kien jaf kemm Ġesù kien sofra għan-nom taʼ l-umanità midinba. (Lhud 2:18; 5:8-10) Pawlu setaʼ jivverifika li l-profezija taʼ Isaija dwar il-Messija kienet twettqet f’Ġesù: “Ħaqruh, u hu qagħad għalihom bla biss ma fetaħ fommu; bħal ħaruf meħud għall-qatla, u bħal nagħġa mbikkma f’id min iġiżżha, ma fetaħx fommu.” (Isaija 53:7) L-appostlu Pietru kiteb: “Meta għajjruh [lil Ġesù] ma weġibx bit-tagħjir; meta bata ma heddidx imma ħalla f’idejn l-Imħallef ġust.”—1 Pietru 2:23, 24.
L-apprezzament taʼ Pawlu għall-mod kif Ġesù Kristu ttratta sitwazzjonijiet taʼ tensjoni qanqlu biex jinbidel. B’hekk setaʼ jwissi lil sħabu l-kredenti: “Stabru b’xulxin, u, jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid maʼ ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll.” (Kolossin 3:13) Li nirrikonoxxu l-bżonn li ma nkunux vjolenti m’huwiex biżżejjed. Apprezzament għal dak li Jehovah u Ġesù Kristu għamlu għalina jgħin biex jipprovdi l-motivazzjoni meħtieġa biex negħlbu tendenzi vjolenti.
Huwa Dan Possibbli?
Wieħed raġel mill-Ġappun kellu bżonn motivazzjoni qawwija bħal din. Missieru, li kien suldat li jitlagħlu malajr, kien jiddomina lill-familja tiegħu bil-vjolenza. Billi hu kien vittma tal-vjolenza u kien jara lil ommu ssofri bħalu, dan ir-raġel żviluppa temperament vjolenti. Kien iġorr żewġ xwabel tas-samuraj taʼ tul differenti u dawn kien jużahom biex isolvi l-problemi kif ukoll biex jhedded lin-nies.
Meta l-mara tiegħu bdiet tistudja l-Bibbja, kien joqgħod għall-istudju imma ma kienx jieħdu bis-serjetà. Madankollu, meta qara ktejjeb jismu This Good News of the Kingdom,a hu nbidel. Għala? “Meta qrajt il-materjal taħt is-sottitli, ‘Ġesù Kristu’ u ‘Ir-Rahan,’ ħassejtni nistħi,” hu jispjega. “Għalkemm kont ngħix ħajja xxellerata, xorta kont inħobb nuri qalb tajba maʼ dawk li kont ningwala magħhom. Kont nieħu pjaċir inferraħ lil ħbiebi imma biss sal-punt li dan ma kienx jeffettwali ħajti. Sewwa, Iben Alla, Ġesù, kien lest li jagħti ħajtu għall-umanità, inkluż uħud bħali. Jien bqajt imbellah, bħallikieku xi ħadd tani daqqa taʼ martell fuq rasi.”
Hu waqaf jagħmilha mal-ħbieb li kellu qabel u malajr inkiteb fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku f’kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah. Din l-iskola tgħin lil dawk li jkunu miktubin fiha biex jitgħallmu l-arti taʼ kif jgħallmu l-Bibbja lil oħrajn. Dan il-kors ġablu benefiċċju ieħor lil dan ir-raġel. Hu jiftakar: “Meta kont għadni żgħir, kont nirrikorri għat-theddid u l-vjolenza għax ma kontx naf nesprimi s-sentimenti tiegħi lil oħrajn. Hekk kif bdejt nitgħallem nikkomunika l-ħsibijiet tiegħi lil oħrajn, bdejt nirraġuna magħhom minflok ma nuża l-vjolenza.”
Adotta hu, bħal Pawlu, il-mod taʼ ħajja taʼ Kristu? Il-fidi tiegħu ġiet ittestjata meta wieħed li qabel kien ħabibu u li miegħu kien marbut b’ħalfa taʼ fratellanza pprova jwaqqfu milli jsir Kristjan. “Ħabibu” beda jsawtu u jidgħi b’Alla tiegħu, Jehovah. Ir-raġel li qabel kien vjolenti kkontrolla lilu nnifsu u talab maħfra talli ma setax jibqaʼ jżomm il-ħalfa. Iddiżappuntat, “ħabibu” ħallieh bi kwietu.
Billi ġab fix-xejn it-tendenzi vjolenti tiegħu, dan ir-raġel li qabel kien dejjem irrabjat kiseb ħafna aħwa spiritwali, li huma magħqudin bl-imħabba għal Alla u għal ġârhom. (Kolossin 3:14) Fil-fatt, iktar minn 20 sena wara li sar Kristjan iddedikat, hu issa jaqdi bħala indokratur li jivvjaġġa tax-Xhieda taʼ Jehovah. Kemm iġiblu ferħ il-fatt li jistaʼ juri mill-Bibbja li nies b’dispożizzjonijiet bħal tal-bhejjem jistgħu jitgħallmu jsolvu d-differenzi mingħajr vjolenza l-istess bħalma tgħallem hu! U xi privileġġ huwa għalih li jistaʼ juri t-twettiq grandjuż tal-kliem profetiku: “Ma jagħmlux aktar deni u anqas ħsara fuq il-muntanja qaddisa kollha tiegħi, għax mimlija hi l-art bl-għarfien tal-Mulej bħalma l-baħar hu miksi bl-ilmijiet.”!—Isaija 11:9.
Bħall-appostlu Pawlu u dan ir-raġel li qabel kien vjolenti, int ukoll tistaʼ titgħallem tittratta sitwazzjonijiet li jipprovokawk, u ssolvi l-problemi fil-paċi. Ix-Xhieda taʼ Jehovah fil-lokalità tiegħek se jkunu ferħanin li jgħinuk.
[Nota taʼ taħt]
a Ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
[Kumment f’pagna 5]
Pawlu kien realistiku. Kien jaf li l-emozzjonijiet setgħu jitqanqlu anki fost il-Kristjani
[Stampa f’paġna 7]
Apprezzament għal dak li Alla għamel għalina jikkontribwixxi għal relazzjonijiet paċifiċi