LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 11/15 pp. 21-24
  • Min Kienu l-Makkabin?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Min Kienu l-Makkabin?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Mewġa li Tkaxkar taʼ l-​Elleniżmu
  • Korruzzjoni tal-​Qassisin
  • Antijoku Jieħu Azzjoni
  • Il-​Makkabin Jirreaġixxu
  • Jieħdu t-​Tempju Lura f’Idejhom
  • Il-​Politika Tegħleb lid-​Devozzjoni
  • L-Asmonin u Dak li Ħallew Warajhom
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Żewġ Slaten f’Konflitt
    Oqgħod Attent għall-Profezija taʼ Danjel!
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 11/15 pp. 21-24

Min Kienu l-​Makkabin?

GĦAL ħafna, żmien il-​Makkabin huwa bħal kaxxa misterjuża li fiha informazzjoni dwar il-​perijodu taʼ bejn iż-​żmien meta tlestew l-​aħħar kotba taʼ l-​Iskrittura Ebrajka u l-​miġja taʼ Ġesù Kristu. L-​istess bħalma ċerti dettalji jinkixfu meta tiġi studjata l-​kaxxa s-​sewda t’ajruplan wara li jikkraxxja, aħna nistgħu nieħdu xi informazzjoni billi nagħtu ħarsa mill-​qrib lejn l-​era tal-​Makkabin​—li kienet waħda taʼ bidla u trasformazzjoni għan-​nazzjon Lhudi.

Min kienu l-​Makkabin? Kif effettwaw il-​Ġudaiżmu qabel il-​miġja tal-​Messija mbassar?—Danjel 9:25, 26.

Il-​Mewġa li Tkaxkar taʼ l-​Elleniżmu

Alessandru l-​Kbir ikkonkwista t-​territorji kollha li kienu jestendu mill-​Greċja sa l-​Indja (336-​323 Q.E.K.). Is-​saltna vasta tiegħu kienet fattur wieħed għala nfirex l-​Elleniżmu​—il-​lingwa u l-​kultura tal-​Greċja. Il-​fizzjali u t-​truppi t’Alessandru żżewġu nisa tal-​post, u dan ġab miegħu taħlita tal-​kultura Griega maʼ dawk barranin. Wara l-​mewt t’Alessandru, is-​saltna tiegħu nqasmet bejn il-​ġenerali tiegħu. Fil-​bidu tat-​tieni seklu Q.E.K., Antijoku III tad-​dinastija Selewċida Griega fis-​Sirja, ħataf lil Iżrael minn taħt il-​kontroll tal-​Ptolomej Griegi taʼ l-​Eġittu. Il-​Lhud f’Iżrael kif ġew effettwati mill-​ħakma Ellenistika?

Wieħed storjografu jikteb: “Ladarba l-​Lhud ma setgħux jevitaw li jkollhom kuntatt mal-​ġirien Ellenizzati tagħhom, u wisq inqas setgħu jevitaw il-​kuntatt maʼ ħuthom li kienu barra mill-​pajjiż, kienet ħaġa inevitabbli li jassorbu l-​kultura u l-​mentalità Griega. . . . Anki li sempliċement ikunu jeżistu matul il-​perijodu Ellenistiku kien jinvolvi li jassorbu l-​kultura Griega!” Il-​Lhud ħadu ismijiet Griegi. Adottaw id-​drawwiet u l-​istili taʼ lbies Griegi, għalkemm kulħadd kellu l-​limitu tiegħu f’dan. Il-​qawwa sottili taʼ l-​assimilazzjoni kienet qed tiżdied.

Korruzzjoni tal-​Qassisin

Fost il-​Lhud li kienu l-​iktar suxxettibbli għall-​influwenza Ellenistika kien hemm il-​qassisin. Għal ħafna minnhom, li jaċċettaw l-​Elleniżmu kien ifisser li jippermettu lill-​Ġudaiżmu javanza maż-​żminijiet. Wieħed minn dawn il-​Lhud kien Ġason (li bl-​Ebrajk kien jissejjaħ Ġożwè), ħu l-​qassis il-​kbir Onija III. Waqt li Onija kien f’Antjokja, Ġason ipprova jxaħħam lill-​awtoritajiet Griegi. Għala? Biex iħajjarhom jaħtru lilu bħala qassis il-​kbir minflok Onija. Il-​ħakkiem Grieg Selewċidu Antijoku Epifani (175-​164 Q.E.K.) aċċetta l-​offerta bil-​qalb kollha. Il-​ħakkiema Griegi qatt qabel ma ndaħlu lill-​qassisin il-​kbar Lhud, imma Antijoku kellu bżonn il-​fondi għall-​kampanji militari. Kien kuntent ukoll li issa kellu mexxej Lhudi li kien se jippromwovi l-​Ellenizzazzjoni b’mod iktar attiv. Fuq talba taʼ Ġason, Antijoku ta lil Ġerusalemm l-​istatus taʼ belt Griega (polis). U Ġason bena ġinnasju fejn żgħażagħ Lhud u saħansitra qassisin kienu jikkompetu fil-​logħob.

Il-qerq ipproduċa iktar qerq. Tliet snin wara, Menelaw, li għandu mnejn ma kienx mil-​linja tal-​qassisin, offra ammont akbar taʼ tixħim, u Ġason ħarab. Biex iħallas lil Antijoku, Menelaw ħa somom kbar taʼ flus mit-​teżor tat-​tempju. Peress li Onija III (li kien eżiljat f’Antjokja) pprotesta pubblikament kontra dan, Menelaw irranġa biex dan jinqatel.

Meta xterdet xniegħa li Antijoku kien miet, Ġason reġaʼ lura Ġerusalemm flimkien m’elf raġel biex jipprova jieħu s-​saċerdozju mingħand Menelaw. Imma Antijoku ma kienx mejjet. Meta samaʼ b’dak li kien għamel Ġason u bit-​tqanqil fost il-​Lhud bi sfida għall-​politika t’Ellenizzazzjoni tiegħu, Antijoku pattihielhom qares.

Antijoku Jieħu Azzjoni

Fil-​ktieb tiegħu The Maccabees (Il-Makkabin), Moshe Pearlman jikteb: “Għalkemm l-​iddokumentar li għandna ma jispjegax ċar biżżejjed, milli jidher Antijoku kkonkluda li kien żball politiku li l-​Lhud tħallew ikollhom il-​libertà reliġjuża. Għalih, l-​aħħar irvell li kien sar f’Ġerusalemm kien oriġina mhux minn motivi purament reliġjużi imma minn attitudni pro-Eġizzjana li kienet prevalenti fil-​Ġudea, u dawn is-​sentimenti politiċi kienu ġew espressi b’mod hekk perikoluż preċiżament għaliex il-​Lhud biss fost in-​nies kollha fid-​dominju tiegħu kienu talbu u ngħataw ammont kbir taʼ separatiżmu reliġjuż. . . . Dan, iddeċieda hu, kellu jieqaf.”

L-istatista u studjuż Iżraeljan Abba Eban jiġbor fil-​qasir dak li ġara wara: “Għal darba wara l-​oħra bla ma jaqtgħu xejn matul is-​snin 168 u 167 [Q.E.K.], il-​Lhud ġew immassakrati, it-​Tempju ġie misruq, u l-​prattika tar-​reliġjon Lhudija ġiet ikkundannata. Min kien jagħmel iċ-​ċirkonċiżjoni ġie kkastigat bil-​mewt, l-​istess bħal min kien josserva s-​Sabat. L-​aħħar u l-​agħar insult wasal f’Diċembru tas-​sena 167, meta bl-​ordni t’Antijoku, ġot-​Tempju nbena artal lil Żews, u l-​Lhud kienu meħtiġin jissagrifikaw il-​laħam tal-​majjal​—li, m’għandniex xi ngħidu, skond il-​liġi Lhudija ma kienx nadif—​lill-alla tal-​Griegi.” Matul dan il-​perijodu, Menelaw u Lhud Ellenizzati oħrajn komplew fil-​karigi tagħhom, u kienu jaqdu fit-​tempju li issa kien ġie pprofanat.

Fil-waqt li ħafna Lhud aċċettaw l-​Elleniżmu, grupp ġdid li bdew isejħu lilhom infushom Ħasidin​—nies devoti—​inkuraġġew ubbidjenza iktar stretta għal-​Liġi taʼ Mosè. Issa li kienu ddiżgustati bil-​qassisin Ellenizzati, in-​nies komuni bdew iżommu iktar u iktar mal-​Ħasidin. Beda perijodu taʼ martirju hekk kif Lhud mal-​pajjiż kollu kienu jiġu sforzati jikkonformaw mad-​drawwiet u s-​sagrifiċċji pagani jew inkella jmutu. Il-​kotba apokrifi tal-​Makkabin jagħtu rakkonti numerużi taʼ rġiel, nisa, u tfal li ppreferew il-​mewt milli l-​kompromess.

Il-​Makkabin Jirreaġixxu

L-​azzjonijiet estremi t’Antijoku qanqlu lil ħafna Lhud biex jiġġieldu għar-​reliġjon tagħhom. F’Modin, li tinsab fil-​Majjistral taʼ Ġerusalemm ħdejn il-​belt moderna taʼ Lod, qassis jismu Mattatija ġie msejjaħ biex imur fiċ-​ċentru tal-​belt. Peress li Mattatija kien irrispettat min-​nies tal-​lokal, ir-​rappreżentant tas-​sultan ipprova jikkonvinċih biex jipparteċipa f’sagrifiċċju pagan​—u b’hekk isalva ħajtu stess u jservi taʼ eżempju għall-​bqija tal-​poplu. Meta Mattatija rrifjuta, indaħal Lhudi ieħor, lest biex jikkomprometti. Mimli bil-​għadab, Mattatija ħataf arma u qatlu. Maħsudin bir-​reazzjoni vjolenti taʼ dan ir-​raġel imdaħħal fiż-​żmien, is-​suldati Griegi ma rreaġixxewx mill-​ewwel. F’temp taʼ ftit sekondi, Mattatija kien qatel lill-​uffiċjal Grieg ukoll. Il-​ħames ulied subjien taʼ Mattatija u r-​residenti tal-​belt għelbu lit-​truppi Griegi qabel ma dawn setgħu jiddefendu lilhom infushom.

Mattatija għajjat: ‘Ħalli kulmin hu mħeġġeġ għal-​Liġi jiġi warajja.’ Biex jevitaw ritaljazzjoni, hu u wliedu ħarbu lejn reġjun kollu għoljiet. U hekk kif ġriet il-​kelma dwar dak li kienu qegħdin jagħmlu, ngħaqdu magħhom iktar Lhud (inkluż ħafna Ħasidin).

Mattatija ħatar lil ibnu Ġuda biex jieħu ħsieb ħidmiet militari. Forsi minħabba l-​ħila militari kbira taʼ Ġuda, hu kien imsejjaħ Makkabi, li tfisser “martell.” Mattatija u wliedu kienu msejħin Asmonin, isem li ġej mill-​belt taʼ Ħesmon jew minn xi antenat li kellu dan l-​isem. (Ġożwè 15:27) Madankollu, peress li Ġuda l-​Makkabi sar il-​figura prominenti matul l-​irvell, il-​familja kollha saret tissejjaħ il-​Makkabin.

Jieħdu t-​Tempju Lura f’Idejhom

Matul l-​ewwel sena tar-​rewwixta, Mattatija u wliedu rnexxielhom jorganizzaw armata żgħira. F’iktar minn okkażjoni waħda, it-​truppi Griegi attakkaw gruppi taʼ ġellieda Ħasidin f’jum is-​Sabat. Għalkemm kienu kapaċi jiddefendu lilhom infushom, dawn ma ridux jiksru s-​Sabat. Għalhekk, dan kien jirriżulta fi qtil tal-​massa. Mattatija​—li issa kien meqjus bħala awtorità reliġjuża—​ħareġ regola li kienet tippermetti lil-​Lhud jiddefendu lilhom infushom f’jum is-​Sabat. Din ir-​regola mhux biss reġgħet kebbset l-​irvell imma serviet ukoll taʼ xempju biex fil-​Ġudaiżmu tidħol id-​drawwa li l-​mexxejja reliġjużi jitħallew jaddattaw il-​liġi Lhudija skond it-​tibdil fiċ-​ċirkustanzi. It-​Talmud jirrifletti din id-​drawwa f’din l-​istqarrija li saret iktar tard: “Ħallihom jiksru jum wieħed tas-​Sabat sabiex iqaddsu ħafna jiem tas-​Sabat oħrajn.”—Yoma 85b.

Wara l-​mewt tax-​xwejjaħ missieru, Ġuda l-​Makkabi, li bla dubju kien l-​iktar wieħed taʼ ħila, sar il-​mexxej tar-​rewwixta. Billi rrealizza li ma setax jegħleb lill-​għadu tiegħu waqt gwerra fil-​beraħ, hu vvinta metodi ġodda, bħall-​ġlied tal-​gwerilli fi żmienna. Hu ħabat għall-​forzi t’Antijoku fi nħawi fejn ma setgħux jirrikorru għall-​metodi li jużaw is-​soltu biex jiddefendu ruħhom. B’hekk, f’battalja wara l-​oħra, Ġuda rnexxielu jegħleb lil forzi li kienu ħafna akbar minn tiegħu.

Iffaċċjati minn rivalitajiet interni fl-​Imperu Selewċidu u mill-​qawwa li kienet qed tiżdied taʼ Ruma, il-​ħakkiema Griegi kienu inqas ikkonċernati b’li jinforzaw id-​digrieti kontra l-​Lhud. Dan fetaħ it-​triq għal Ġuda biex ikompli għaddej bl-​attakk tiegħu sa ma wasal sal-​bibien stess taʼ Ġerusalemm. F’Diċembru tas-​sena 165 Q.E.K. (jew forsi 164 Q.E.K.), hu u t-​truppi tiegħu ħadu t-​tempju taħt idejhom, naddfu r-​reċipjenti tiegħu, u reġgħu ddedikawh​—tliet snin eżatt wara li kien ġie pprofanat. Il-​Lhud jikkommemoraw din il-​ġrajja kull sena waqt il-​Ħanukkah, il-​festa tad-​dedikazzjoni.

Il-​Politika Tegħleb lid-​Devozzjoni

Il-​miri tar-​rewwixta kienu ntlaħqu. Il-​projbizzjonijiet kontra l-​prattika tal-​Ġudaiżmu kienu tneħħew. Il-​qima u s-​sagrifiċċji fit-​tempju kienu ġew irrestawrati. Billi issa kienu sodisfatti, il-​Ħasidin telqu mill-​armata taʼ Ġuda l-​Makkabi u reġgħu lura lejn djarhom. Imma Ġuda kellu ideat oħrajn. Kellu armata mħarrġa tajjeb, allura għala ma jużahiex biex jistabbilixxi stat Lhudi indipendenti? Minflok il-​motivi reliġjużi li kienu taw bidu lir-​rewwixta, issa kien hemm inċentivi politiċi. Għalhekk, it-​taqbida kompliet.

Fit-tfittxija tiegħu għall-​appoġġ fil-​ġlieda tiegħu kontra d-​dominju mis-​Selewċidi, Ġuda l-​Makkabi għamel trattat maʼ Ruma. Għalkemm hu ġie maqtul waqt battalja fis-​sena 160 E.K., ħutu komplew il-​ġlieda. Ħu Ġuda, Ġonatan, immanuvra l-​affarijiet b’tali mod li l-​ħakkiema Selewċidi qablu li jiġi mlaħħaq qassis il-​kbir u ħakkiem fil-​Ġudea, għalkemm xorta taħt is-​sovranità tagħhom. Meta Ġonatan ġie mqarraq, maqbud, u maqtul bħala riżultat taʼ komplott Sirjan, ħuh Xmun​—l-​aħħar wieħed mill-​aħwa Makkabin—​ħa t-​tmexxija f’idejh. Taħt il-​ħakma taʼ Xmun, l-​aħħar traċċi tad-​dominju Selewċidu tneħħew (fis-sena 141 Q.E.K.). Xmun ġedded l-​alleanza maʼ Ruma, u l-​mexxejja Lhud aċċettawh bħala ħakkiem u qassis il-​kbir. B’hekk, kienet ġiet stabbilita dinastija Asmonija indipendenti taħt it-​tmexxija tal-​Makkabin.

Il-Makkabin reġgħu stabbilew il-​qima fit-​tempju qabel il-​miġja tal-​Messija. (Qabbel Ġwann 1:41, 42; 2:13-17.) Imma l-​istess bħalma l-​fiduċja fil-​qassisin iddgħajfet minħabba l-​azzjonijiet tal-​qassisin Ellenizzati, din iddgħajfet saħansitra iktar taħt l-​Asmonin. Tabilħaqq, il-​ħakma minn qassisin li moħħhom kien biss fil-​politika minflok minn sultan li jkun ġej mil-​linja tas-​sultan leali David ma ġabitx barkiet veri lill-​poplu Lhudi.—2 Samwel 7:16; Salm 89: 4, 5, 36, 37 [Salm 89:3, 4, 35, 36, NW].

[Stampa f’paġna 21]

Mattatija, missier Ġuda l-​Makkabi, għajjat: ‘Ħalli kulmin hu mħeġġeġ għal-​Liġi jiġi warajja’

[Sors]

Mattatija jappella lir-​refuġjati Lhud/The Doré Bible Illustrations/Dover Publications

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja