Magħqudin fl-Aqwa Mod taʼ Ħajja
Jekk il-popolazzjoni tad-dinja tkompli tiżdied, dalwaqt se jkun hawn sitt elf miljun ruħ fuq l-art. Għalkemm kulħadd ġej mill-istess antenat, il-maġġuranza ma jidhrux li jirrikonoxxu li huma membri taʼ familja globali u li jridu jagħtu kont lil Ħallieq għaref kollu mħabba. B’sogħba, in-nuqqas t’unità u t-taqbid bejn il-ġnus, ir-razez, u l-kulturi huma xiehda taʼ dan l-istat imnikket t’affarijiet.
META tqis il-kundizzjonijiet preżenti tad-dinja, l-unità globali tistaʼ tidher bħala għan li ma jistax jintlaħaq. Il-pubblikazzjoni The Columbia History of the World tiddikjara: “Dwar il-kwistjoni importanti ferm taʼ kif ngħixu flimkien, id-dinja kontemporanja m’għandha ebda idea ġdida x’toffri, lanqas waħda li hi waħda.”
Madankollu, biex tinġieb l-unità fost l-abitanti kollha taʼ l-art m’hemmx bżonn taʼ xi idea ġdida. Il-mogħdija li twassal għall-unità tinsab fl-Iskrittura Mqaddsa. Din tiċċentra fuq il-qima taʼ Dak li ħalaq l-art u l-ħajja kollha taʼ fuqha. Il-vera unità tal-ħsieb, taʼ l-iskop, u tal-mod taʼ ħajja diġà teżisti fost in-nies t’Alla. Għalkemm jgħoddu iktar minn ħames miljuni u nofs f’233 pajjiż, huma magħqudin fil-konvinzjoni tagħhom li l-mod taʼ ħajja t’Alla huwa l-aqwa mod. Bħas-salmista, huma jitolbu: “Urini, Mulej, triqatek, biex nimxi fis-sewwa tiegħek; agħtini qalb waħda, biex ikolli l-biżaʼ taʼ ismek.”—Salm 86:11.
Din l-unità taʼ nies fil-qima vera bassarha żmien twil ilu l-profeta Isaija. Hu kiteb: “Għad jiġri fl-aħħar jiem li l-għolja tad-dar tal-Mulej togħla ’l fuq mill-qċaċet tal-muntanji, u tintrefaʼ ’l fuq mill-għoljiet, lejha għad jiġru l-ġnus kollha. Kotra taʼ popli għad jiġu u jgħidu: ‘Ħalli mmorru u nitilgħu fuq l-għolja tal-Mulej, lejn id-dar taʼ Alla taʼ Ġakobb, biex jgħallimna triqatu, u nimxu fil-mogħdijiet tiegħu.’”—Isaija 2:2, 3.
L-unità tax-Xhieda taʼ Jehovah hija unika. F’iktar minn 87,000 kongregazzjoni mad-dinja kollha, huma jieħdu sehem mill-istess ikel spiritwali fil-laqgħat tagħhom ġimgħa wara l-oħra. (Mattew 24:45-47) Madankollu, minn nofs l-1998 sal-bidu taʼ l-1999, ix-Xhieda wrew l-unità tagħhom b’mod ieħor—billi nġabru għall-Konvenzjonijiet tagħhom “Il-Mod taʼ Ħajja t’Alla” li damu tlett ijiem u li saru madwar id-dinja kollha. Fi 13-il pajjiż, dawn il-laqgħat inkludew delegazzjonijiet kbar minn diversi pajjiżi u ssejħu konvenzjonijiet internazzjonali. L-oħrajn kienu msejħin konvenzjonijiet distrettwali. Imma dawn il-konvenzjonijiet kollha ppreżentaw l-istess programm t’affarijiet tajbin spiritwalment.
Kemm ħadna pjaċir naraw delegati ferħanin, lebsin pulit, deħlin ġewwa awditorji u stadji biex jitgħallmu minn Jehovah! L-espressjoni taʼ waħda mid-delegati fil-konvenzjoni internazzjonali li nżammet f’Michigan, l-Istati Uniti, kienet tipika. Din qalet: “Tant fraħna naraw lil ħutna minn madwar id-dinja kollha—ir-Repubblika Ċeka, il-Barbados, in-Niġerja, l-Ungerija, l-Ingilterra, l-Olanda, l-Etjopja, il-Kenja, u ħafna pajjiżi oħrajn—jgħannqu lil xulxin! Kien sabiħ ferm li tara lill-aħwa jgħammru flimkien f’unità, jibku biki taʼ ferħ minħabba l-imħabba li għandhom għal xulxin u għall-Kbir Alla tagħhom, Jehovah.” L-artiklu li jmiss se jeżamina l-programm tal-konvenzjoni li miljuni sħaħ gawdew madwar id-dinja.
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 3]
Mountain High Maps® Copyright © 1997 Digital Wisdom, Inc.