Il-Prezz tal-Kburija—Kemm Hu Għoli?
ĠIE li kellek x’taqsam maʼ xi ħadd li pprova jċekknek apposta? Forsi xi maniġer, mgħallem, supervisor, jew saħansitra xi qarib li qiesek bħala inferjuri u ttrattak bl-akbar disprezz? Kif ħassejtek dwar din il-persuna? Ħassejtek miġbud lejn il-personalità tiegħu? Dażgur li le! Għala? Għaliex il-kburija ttellaʼ ħajt u toħnoq il-komunikazzjoni.
Il-kburija ġġiegħel lil persuna ċċekken lil kulħadd, sabiex hu jew hi dejjem jidhru superjuri. Persuna bħal din rari biex tgħid kelma tajba dwar oħrajn. Dejjem lesta li tgħaddi kumment negattiv—“iva, jistaʼ jkun, imma hu għandu din il-problema jew dak id-difett.”
Fil-ktieb Thoughts of Gold in Words of Silver, il-kburija hija deskritta bħala “vizzju li jherri. Tirrovina lil persuna u ma tħalli xejn fiha li wieħed jistaʼ jammira.” Hija xi ħaġa taʼ l-iskantament li ħadd ma jħossu komdu maʼ persuna kburija? Fil-fatt, il-prezz tal-kburija taʼ spiss ikun nuqqas taʼ ħbieb veri. “B’kuntrast,” ikompli jgħid l-istess ktieb, “in-nies iħobbu lil dawk umli—mhux lil dawk li huma kburin għax juru l-umiltà, imma l-umli vera.” B’mod xieraq, il-Bibbja tistqarr: “Il-kburija ċċekken il-bniedem, imma min jiċċekken jikseb il-ġieħ.”—Proverbji 29:23.
Madankollu, iktar importanti minn ħbiberija jew ġieħ min-nies, il-kburija kif teffettwa r-relazzjoni taʼ dak li jkun m’Alla? Alla kif iħares lejn min hu kburi, min jippretendiha, u min hu prużuntuż? Il-kburija jew l-umiltà—jimpurtah minnhom?
Lezzjoni fl-Umiltà
Il-kittieb imnebbaħ taʼ Proverbji jistqarr: “Qabel il-qerda tiġi l-kburija, u qabel il-waqgħa t-tkabbir. Aħjar tiċċekken mal-fqajrin, milli taqsam il-priża mal-kburin.” (Proverbji 16:18, 19) L-għerf taʼ dan il-kliem huwa kkonfermat b’mod ċar fil-każ tal-ġeneral Sirjan Nagħman, li kien jgħix fi żmien il-profeta Iżraelit Eliżew.
Nagħman kien imġiddem. Waqt li kien qed ifittex kura, hu vvjaġġa lejn is-Samarija billi ħaseb li setaʼ jkollu kuntatt persunali maʼ Eliżew. Minflok, il-profeta bagħat lill-qaddej tiegħu b’istruzzjonijiet għal Nagħman biex jinħasel sebaʼ darbiet fix-Xmara Ġordan. Nagħman ħassu offiż għat-trattament u l-parir li ngħatawlu. Il-profeta għala ma setax imur hu u jkellmu personalment minflok ma jibgħat lil qaddej? U żgur li kwalunkwe xmara Sirjana kienet tajba daqs il-Ġordan! Il-problema tiegħu kienet il-kburija. Ir-riżultat? B’ferħ għalih, hu ta kas il-parir għaqli. “Niżel fil-Ġordan, u għodos sebaʼ darbiet, bħalma qallu Eliżew, il-bniedem taʼ Alla, u ġismu raġaʼ sarlu qisu l-ġisem taʼ tfajjel żagħżugħ, u ndaf mill-ġdiem tiegħu.”—2 Slaten 5:14.
Xi drabi minn sempliċement ftit umiltà nakkwistaw benefiċċji kbar.
Il-Prezz taʼ l-Arroganza
Madankollu, il-prezz li tesiġi minna l-kburija jistaʼ jkun bil-wisq iktar għoli milli sempliċement nitilfu xi benefiċċji jew qligħ. Hemm grad ieħor taʼ kburija li huwa espress fil-kelma Griega hybris. Skond l-istudjuż Grieg Barclay, “hubris hija taħlita taʼ kburija u krudeltà . . . , id-disprezz arroganti li jġiegħel [bniedem] jumilja lil sħabu.”
Eżempju ċar taʼ din ix-xorta taʼ kburija esaġerata tidher fil-Bibbja. Huwa l-każ taʼ Ħanun, sultan taʼ Għammon. L-Insight on the Scriptures jispjega: “Minħabba l-qalb tajba bl-imħabba li Naħas wera lejh, David bagħat messaġġiera biex jagħtu l-għomor lil Ħanun minħabba l-mewt taʼ missieru. Imma Ħanun, konvint mill-prinċpijiet tiegħu li din kienet biss mossa makakka min-naħa taʼ David biex jispija l-belt, għamel għajb lill-qaddejja taʼ David billi qaxxrilhom nofs il-leħja u ċarrtilhom ilbieshom min-nofs sa ftit ’l isfel minn qaddhom u keċċiehom ’il barra.”a Rigward dan l-inċident, Barclay josserva: “Dan it-trattament kien hubris. Kien insult, offiża, u umiljazzjoni pubblika f’daqqa.”—2 Samwel 10:1-5.
Iva, wieħed kburi kapaċi jkun insolenti, jumilja lil oħrajn. Hu b’qalb iebsa jieħu pjaċir iweġġaʼ lil xi ħadd mingħajr ma jħoss ebda rimors, u mbagħad tgħidx kemm jieħu gost jara lil dik il-persuna mdejqa u umiljata. Imma li tnaqqas jew teqred ir-rispett li dak li jkun ikollu tiegħu nnifsu huwa sejf b’żewġt ixfar. Jirriżulta f’li titlef ħabib u, probabbilment, tagħmlu l-għadu tiegħek.
Kristjan veru kif jistaʼ jkun qed juri kburija tant taʼ ħsara bħal din, ladarba l-Għalliem tiegħu kkmandah biex ‘iħobb lil għajru bħalu nnifsu’? (Mattew 7:12; 22:39) Huwa sempliċement kontradittorju għal dak kollu li Alla u Kristu jirrappreżentaw. Għal din ir-raġuni, Barclay jagħmel l-osservazzjoni li taʼ min jikkunsidraha bis-serjetà: “Hubris hija dik il-kburija li ġġiegħel bniedem jisfida lil Alla.” Hija l-kburija li tgħid: “M’hemmx Alla!” (Salm 14:1) Jew kif jesprimiha Salm 10:4: “[Il-ħażin] fi kburitu jkasbar lill-Mulej, u f’xejn ma jfittxu; u Alla ma jidħolx fi ħsibijietu.” Kburija jew suppervja bħal din, ma tbigħedx lil dak li jkun biss mill-ħbieb u mill-qraba imma minn Alla wkoll. Xi prezz dak!
Tħallix il-Kburija Tieklok
Il-kburija jistaʼ jkollha ħafna aspetti—kburija li tiġi minn nazzjonaliżmu, razziżmu, distinzjonijiet taʼ klassi u qasam soċjali, edukazzjoni, rikkezzi, prestiġju, u poter. B’xi mod jew ieħor, il-kburija tistaʼ faċilment tattakkak u tikollok il-personalità tiegħek.
Ħafna drabi bniedem jistaʼ jidher umli meta jittratta maʼ min hu superjuri jew fl-istess ilma tiegħu. Imma x’jiġri meta dak li jidher li hu umli jispiċċa f’xi pożizzjoni t’awtorità? F’daqqa waħda, hu jsir tirann u l-ħajja taʼ dawk li hu jqis bħala inferjuri jagħmilhielhom infern! Dan jistaʼ jiġri meta xi wħud jilbsu xi uniformi jew iġorru badge li turi ċerta awtorità. Anki l-ħaddiema tal-gvern jistgħu jsiru kburin f’li jittrattaw mal-pubbliku, billi jaħsbu li l-pubbliku qiegħed hemm biex jaqdi lilhom, u mhux il-kontra. Il-kburija tistaʼ tagħmlek aħrax, mingħajr sentimenti; l-umiltà tistaʼ tagħmlek qalbek tajba.
Ġesù kieku ried setaʼ kien kburi u aħrax mad-dixxipli tiegħu. Kien bniedem perfett, l-Iben t’Alla, waqt li ttratta maʼ segwaċi imperfetti, impulsivi, u li jaġixxu bla ma jaħsbu. Madankollu, hu liema stedina tahom lil dawk li kienu qed jisimgħuh? “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena taʼ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif.”—Mattew 11:28-30.
Inħabirku aħna biex dejjem insegwu l-eżempju taʼ Ġesù? Jew insibu li qed inkunu ħorox, ma nċedux, kefrin, bla ħniena, u kburin? Bħal Ġesù, ipprova kun rifreskanti, u mhux oppressiv. Irreżisti l-effett qerriedi tal-kburija.
Meta tqis dan kollu, hija l-kburija fiha nfisha ħażina?
Li Tirrispetta Lilek Innifsek Kontra li Tippretendiha
Il-kburija hija wkoll “rispett ġustifikabbli jew raġunevoli tiegħek innifsek.” Rispett tiegħek innifsek ifisser li jkollok stima tiegħek innifsek. Ifisser li int tagħti kas dwar dak li n-nies jaħsbu dwarek. Tieħu ħsieb id-dehra u r-reputazzjoni tiegħek. Sewwa jgħid il-qawl Malti, “Għidli maʼ min tagħmilha u ngħidlek min int.” Jekk tippreferi tassoċja maʼ nies li huma traskurati, għażżenin, bla grazzja, u lsienhom laxk, allura int se ssir bħalhom. L-attitudnijiet tagħhom se tittiħidhom, u ma jkollok ebda rispett tiegħek innifsek preċiż bħalhom.
M’għandniex xi ngħidu, hemm l-estrem l-ieħor—kburija li twassal biex tibda tippretendi li int xi ħaġa jew tkun vanituż. L-iskribi u l-Fariżej fi żmien Ġesù kienu kburin dwar it-tradizzjonijiet tagħhom u dwar id-dehra ultra reliġjuża tagħhom. Ġesù wissa dwarhom: “Kull ma jagħmlu, jagħmluh għal għajnejn in-nies; għalhekk ikabbru l-filatterji u jtawwlu l-ġmiemen tagħhom. Iħobbu l-postijiet ewlenin fl-imwejjed, u s-siġġijiet taʼ quddiem fis-sinagogi, u jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez u li n-nies isejjħulhom Rabbi.”—Mattew 23:5-7.
Mela rispett xieraq tiegħek innifsek, huwa attitudni bbilanċjata. Ftakar ukoll li Jehovah jara l-qalb, mhux biss id-dehra taʼ barra. (1 Samwel 16:7; Ġeremija 17:10) It-tjieba tiegħek m’hijiex it-tjieba t’Alla. Madankollu, il-mistoqsija issa hi, Kif nistgħu nikkultivaw umiltà vera u nevitaw li nħallsu l-prezz għoli tal-kburija?
[Nota taʼ taħt]
a Ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
[Stampa f’paġna 4]
Ftit umiltà ġabet benefiċċji kbar lil Nagħman