LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 2/1 pp. 6-7
  • Kif Tistaʼ Turi Umiltà Vera?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Tistaʼ Turi Umiltà Vera?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Eżempju taʼ Kristu fl-​Umiltà
  • Kif Jirreaġixxi Bniedem Umli
  • L-​Umiltà Tħobb u Taħfer
  • Ikkultiva Umiltà Ġenwina
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • ‘Ilbsu l-Umiltà’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Jehovah Jirrivela l-Glorja Tiegħu lill-Umli
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Ġeħova japprezza lill-qaddejja umli tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2019
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 2/1 pp. 6-7

Kif Tistaʼ Turi Umiltà Vera?

L-​UMILTÀ vera għandha valur kbir f’għajnejn Alla. Ġakbu kiteb: “Alla jieqaf lill-​kburi, u jagħti l-​grazzja lill-​umli.” (Ġakbu 4:6) Ġakbu hawnhekk setaʼ kien qed jalludi għal diversi ħsibijiet espressi fl-​Iskrittura Ebrajka. “Kbir il-​Mulej, imma jieħu ħsieb iż-​żgħar [“min hu umli,” Karm Żammit]; u, għalkemm fl-​għoli, jagħraf mill-​bogħod.” “Titbaxxa l-​ħarsa mkabbra tal-​bniedem, u s-​suppervja tal-​bniedem tiġi fix-​xejn, u dakinhar jitgħolla waħdu l-​Mulej.” “Min iżeblaħ lill-​oħrajn jistmellu l-​Mulej, imma lit-​twajbin [“lill-​umli,” KŻ] jagħtihom il-​grazzja.”—Salm 138:6; Isaija 2:11; Proverbji 3:34.

L-appostlu Pietru wkoll inkuraġġixxa l-​umiltà. Hu kiteb: “Lkoll kemm intom, mbagħad, ilbsu l-​umiltà maʼ xulxin għax ‘Alla jeqfilhom lill-​kburin, imma lill-​umli jagħtihom il-​grazzja.’”—1 Pietru 5:5.

L-​Eżempju taʼ Kristu fl-​Umiltà

Int għandek mnejn tistaqsi, Liema virtù jew vantaġġ hemm f’li tkun umli? Għal dak il-​wieħed li qed iħabrek biex ikun Kristjan veru, it-​tweġiba hi fundamentali​—li tkun umli jfisser li tkun bħal Kristu. Ġesù wera l-​umiltà tiegħu billi aċċetta l-​inkarigu uniku biex jiġi fuq l-​art mill-​qasam tas-​sema u jsir bniedem umli, inferjuri għall-​anġli. (Lhud 2:7) Għalkemm kien Bin Alla, issaporta d-​diversi umiljazzjonijiet li ġabu fuqu l-​għedewwa reliġjużi tiegħu. Hu żamm il-​kalma matul il-​provi tiegħu, avolja kieku ried setaʼ jibgħat għal leġjuni t’anġli biex jgħinuh.—Mattew 26:53.

Fl-aħħar, b’għajb għalih Ġesù kien imdendel fuq iz-​zokk tat-​tortura, u madankollu baqaʼ leali lejn Missieru. B’hekk, Pawlu setaʼ jikteb dwaru: “Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù: hu li għad li kellu n-​natura taʼ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-​natura taʼ lsir; sar jixbah lill-​bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem; ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-​mewt, anzi sal-​mewt tas-​salib [“zokk tat-​tortura,” New World Translation].”—Filippin 2:5-8.

Mela aħna, kif nistgħu nuru umiltà vera? F’sitwazzjonijiet prattiċi, kif nistgħu nirreaġixxu b’mod umli u mhux b’mod kburi?

Kif Jirreaġixxi Bniedem Umli

Ejjew nikkunsidraw l-​umiltà fl-​ambjent tax-​xogħol, sew jekk fuq il-​post tax-​xogħol u sew jekk fis-​servizz Kristjan. Biex ix-​xogħol isir b’suċċess, ikun hemm bżonn taʼ supervisors, maniġers, u diretturi. Xi ħadd irid jagħmilhom id-​deċiżjonijiet. Kif tirreaġixxi int? Tirraġuna int, “Dan min jaħseb li hu biex jgħidli x’għandi nagħmel? Jien ilni iktar minnu fuq dan ix-​xogħol.” Iva, jekk int kburi, int ma tantx tieħu gost biha s-​sottomissjoni. Min-​naħa l-​oħra, bniedem umli jħabrek biex ma ‘jagħmel xejn b’pika taʼ partit, anqas għall-​ftaħir fieragħ; imma jkun umli u jqis lil ħaddieħor aħjar minnu.’—Filippin 2:3.

Kif tirreaġixxi int meta s-​suġġeriment jiġi mingħand xi ħadd iżgħar minnek jew mingħand mara? Jekk int umli, għallinqas tikkunsidrah. Jekk int kburi, xejn ma tieħu gost bih jew tirrifjutah mill-​ewwel. Tippreferi li jkollok tifħir u żegħil li jwassluk għar-​rovina jew parir kostruttiv biex jibnik?—Proverbji 27:9; 29:5.

Kapaċi int tilqaʼ l-​isfida t’avversità? L-​umiltà se tgħinek tiffaċċja ċirkustanzi diffiċli u tissaporti, saħansitra bħalma għamel Ġob. Jekk int kburi, se tkun inklinat li tkun frustrat u għandek mnejn tirribella f’ċirkustanzi taʼ wġigħ il-​qalb u għal kull ħaġa taʼ xejn.—Ġob 1:22; 2:10; 27:2-5.

L-​Umiltà Tħobb u Taħfer

Xi nies isibuha diffiċli biex jgħidu, “Jiddispjaċini. Żbaljajt. Kellek raġun.” Għala? Kburija żejda! Madankollu, taʼ spiss apoloġija ġenwina tistaʼ faċilment twaqqaf tilwima bejn il-​miżżewġin.

Lest int li taħfer meta xi ħadd joffendik? Jew, bil-​kburija li għandek, iżżomm f’qalbek, forsi għal ġranet u xhur sħaħ, billi tirrifjuta li tkellem lil dak li mingħalik offendiek? Tagħmel int saħansitra xi vendetta sabiex tpattihielu? Nies inqatlu minħabba xi vendetti. F’każi oħrajn, il-​metodu wżat kien il-​malafama li qerdet l-​isem taʼ xi ħadd. B’kuntrast, bniedem umli jħobb u jaħfer. Għala? Għaliex l-​imħabba ma tibqax iżżomm fil-​komma. Jehovah kien lest li jaħfer lill-​Iżraeliti kieku dawn rażżnu l-​kburija tagħhom. Dixxiplu umli taʼ Ġesù huwa lest li jaħfer, saħansitra ripetutament!—Ġoel 2:12-14; Mattew 18:21, 22; 1 Korintin 13:5.

Bniedem umli ‘jfittex li jistma lil ħaddieħor.’ (Rumani 12:10) Il-​Bibbja taʼ Karm Żammit tgħid: “Fil-​ġieħ qisu ’l xulxin ogħla.” Tfaħħarhom int lil oħrajn u tapprezzahom l-​abbiltajiet u t-​talenti tagħhom? Jew dejjem trid issib xi difett biex ittebbaʼ r-​reputazzjoni tagħhom? Iva, kapaċi int tfaħħar ġenwinament nies oħrajn? Jekk issibha diffiċli biex tagħmel hekk, forsi l-​problema tiegħek ġejja min-​nuqqas taʼ fiduċja fik innifsek u mill-​kburija.

Bniedem kburi m’għandux paċenzja. Bniedem umli għandu paċenzja u sabar fit-​tul. Xi ngħidu dwarek? Toqmos int għal kull ħaġa li ma ddoqqlokx għal widnejk? Reazzjoni bħal din hija l-​oppost taʼ li jkollok sabar fit-​tul. Jekk int umli, m’intix se taħseb li int xi ħaġa. Ftakar x’ġara meta d-​dixxipli taʼ Ġesù ħasbu li wieħed kien aħjar mill-​ieħor​—spiċċaw biex kellhom argument sħun dwar min kien l-​iktar wieħed importanti fosthom. Insew li lkoll kienu ‘qaddejja li ma jiswew għal xejn’!—Luqa 17:10; 22:24; Mark 10:35-37, 41.

Il-kittieb Franċiż Voltaire ddeskriva l-​umiltà bħala “l-​modestja tar-​ruħ . . . l-​antidotu għall-​kburija.” Iva, l-​umiltà tfisser li ċċekken lilek innifsek. Bniedem umli huwa modest fl-​ispirtu, u m’huwiex kburi. Jaf juri rispett u hu edukat ferm.

Mela għala għandna nħabirku sabiex inkunu umli? Għaliex l-​umiltà hija approvata minn Alla u tgħinna biex nakkwistaw gwida divina. L-​umiltà taʼ Danjel kienet parti mir-​raġuni għala Jehovah kkunsidra lil dan il-​profeta bħala wieħed “għażiż” u bagħatlu viżjoni permezz t’anġlu! (Danjel 9:23; 10:11, 19) L-​umiltà ġġib ħafna barkiet. Iġġib ħbieb veri li jħobbuk. Iktar minn hekk, iġġib il-​barka taʼ Jehovah. “Min jiċċekken u jibżaʼ mill-​Mulej, jieħu bi ħlasu għana, ġieħ u ħajja.”—Proverbji 22:4.

[Stampa f’paġna 7]

Kelma t’apoloġija bl-​umiltà tistaʼ tagħmel il-​ħajja iktar kwieta

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja