Proklamaturi tas-Saltna Jirrapportaw
Tiġi Ppremjata Tfittxija Għal Dak Alla Veru
FL-GĦAXAR seklu Q.E.K., is-saltna taż-żewġ tribujiet taʼ Ġuda kienet invażata bil-qima falza. Madankollu, f’nofs din l-idolatrija rampanti, kien jgħix raġel li qalbu kienet retta m’Alla. Dan kien jismu Ġosafat. Il-profeta Ġeħu qal dwaru: “Imma fik instabu wkoll ħwejjeġ tajba, għaliex int . . . dawwart ’il qalbek biex tfittex ’l Alla.” (2 Kronaki 19:3) Bl-istess mod illum, f’dan iż-“żmien iebes,” miljuni taʼ nies ‘dawru lil qalbhom’ biex ifittxu lil dak Alla veru, Jehovah. (2 Timotju 3:1-5) Dan huwa kkonfermat mill-esperjenza li ġejja minn Togo, fl-Afrika tal-Punent.
Casimir kien jattendi skola Kattolika u għamel il-preċett meta kellu disaʼ snin. Sakemm kellu 14-il sena, madankollu, Casimir ma baqax imur il-knisja. Dan ġagħlu jgħix fil-biżaʼ għax kien jaħseb li talli ma marx il-Quddies kien se jispiċċa fl-infern tan-nar, jew għallinqas fil-purgatorju.
Fl-iskola Casimir ngħaqad maʼ grupp taʼ żgħażagħ li kienu jiltaqgħu darba f’ġimgħa biex jistudjaw il-Bibbja. Hu beda wkoll jaqra l-Bibbja waħdu. Darba waħda fil-ktieb taʼ l-Apokalissi, Casimir qara dwar bhima salvaġġa orribbli li kienet ħierġa mill-baħar. (Apokalissi 13:1, 2) Meta lil dak li kien jieħu ħsieb il-grupp taʼ l-istudju tal-Bibbja staqsieh dwarha, dan qallu li l-bhima kienet taʼ vera u li tassew kienet se toħroġ mill-baħar. Din l-ispjegazzjoni ħassbitu lil Casimir għax hu kien joqgħod viċin il-Kosta Atlantika. Kien konvint li kien se jkun fost l-ewwel vittmi tal-bhima salvaġġa.
Casimir beda jfaddal il-flus sabiex ikun jistaʼ jaħrab lejn id-deżert lejn it-Tramuntana biex b’hekk jevita l-bhima salvaġġa. Hu qal lil wieħed minn sħabu tal-klassi dwar il-pjanijiet tiegħu. Billi kien wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah, sieħbu aċċertah li l-ebda bhima litterali bħal din ma kienet se toħroġ mill-baħar. Ftit wara, Casimir ġie mistieden għal-laqgħat fis-Sala tas-Saltna. Kien jieħu pjaċir fil-laqgħat u beda jattendi regolarment. Hu aċċetta wkoll studju tal-Bibbja fid-dar.
Hekk kif Casimir beda jagħmel progress fl-istudju tiegħu, bdiet l-oppożizzjoni mill-familja. Il-familja tiegħu kienet tipprattika l-qima taʼ l-antenati u dawn kienu jieklu l-laħam mhux skarnat li jkun għad baqaʼ mis-sagrifiċċji. Meta Casimir bl-edukazzjoni kollha rrifjuta li jiekol il-laħam, ġie mhedded u mitlub biex jitlaq mid-dar. Casimir baqaʼ kalm, u t-theddid baqaʼ bla ma twettaq. Madankollu, għal tliet xhur sħaħ, laħam bħal dan biss kien servut fl-ikliet tal-familja. Casimir kellu problema għax ma kellux biżżejjed x’jiekol, imma ssaporta din it-tbatija u tbatijiet oħrajn.
Casimir baqaʼ jagħmel progress spiritwali sal-punt tad-dedikazzjoni u l-magħmudija. Iktar tard, inħatar bħala qaddej ministerjali u attenda r-rabaʼ klassi taʼ l-Iskola tat-Taħriġ Ministerjali ġewwa Togo. Bħalissa, isib għaxqa f’li jagħmel xogħol volontarju fil-fergħa.
Iva, kemm taw prova li huma veri l-kliem tas-Sultan David f’ħafna każi: “Jekk inti tfittxu [lil Jehovah], iħallik issibu.”—1 Kronaki 28:9.
[Stampi f’paġna 8]
Casimir (fil-lemin) isib għaxqa fix-xogħol volontarju fil-fergħa