Il-Bibbja taʼ Berleburg
IL-PJETIŻMU kien moviment reliġjuż li ħareġ mill-Knisja Luterana Ġermaniża fis-sekli 17 u 18. Xi segwaċi taʼ dan il-moviment kienu ridikolati jew saħansitra persegwitati minħabba l-fidi tagħhom. Diversi studjużi tal-Pjetiżmu sabu kenn f’Berleburg, madwar 150 kilometru lejn it-tramuntana taʼ Frankfurt am Main. Huma ngħataw kenn mill-Konti Casimir von Wittgenstein, nobbli lokali li kellu rispett kbir għar-reliġjon. Il-preżenza tal-predikaturi u l-istudjużi f’Berleburg wasslet għal traduzzjoni ġdida tal-Bibbja li llum hi magħrufa bħala l-Bibbja taʼ Berleburg. Kif ġiet din it-traduzzjoni?
Wieħed minn dawk li fittxew il-kenn kien Johann Haug, li kien imġiegħel jitlaq minn daru fi Strasbourg minħabba l-intolleranza tat-teoloġi li kienu jgħixu hemm. Haug kien studjuż t’edukazzjoni kbira u lingwist b’talent kbir. Hu qal lill-istudjużi sħabu f’Berleburg li l-akbar xewqa tiegħu kienet li tiġi provduta traduzzjoni taʼ Bibbja li tkun kompletament pura, li tikkoreġi t-traduzzjoni taʼ Luteru, u li twassal it-tifsira eżatta skond ma tgħid il-Kelma t’Alla u skond l-ispirtu tagħha. (Die Geschichte der Berlenburger Bibel [L-Istorja tal-Bibbja taʼ Berleburg]) Il-mira kienet li tiġi prodotta Bibbja li jkollha noti bi spjegazzjoni u kummenti li kellhom jinftiehmu min-nies komuni. Haug talab l-għajnuna taʼ studjużi minn pajjiżi Ewropej oħrajn u ħadem fuq dan il-proġett għal madwar 20 sena. Il-Bibbja taʼ Berleburg bdiet tiġi pubblikata fl-1726. Minħabba n-noti dettaljati li kellha, il-Bibbja ġiet pubblikata fi tmien volumi.
Il-Bibbja taʼ Berleburg ċertament li għandha karatteristiċi interessanti. Per eżempju, Eżodu 6:2, 3 jgħid: “Iżjed minn hekk Alla kellem lil Mosè u qallu: Jien il-MULEJ! U dhert lil Abraham/lil Iżakk u lil Ġakobb/bħala Alla indipendenti għalkollox: imma Ma sarux jafuni b’ismi ĠEĦOVA.” Nota minnhom tispjega: “L-isem ĠEĦOVA . . . , l-isem li hu superjuri/jew/l-isem magħruf.” L-isem persunali t’Alla, Ġeħova, jidher ukoll fil-kummenti li hemm m’Eżodu 3:15 u Eżodu 34:6.
Għalhekk, il-Bibbja taʼ Berleburg saret waħda mill-ħafna Bibbji Ġermaniżi li użaw l-isem Ġeħova kemm fit-test prinċipali, fin-noti taʼ taħt, kif ukoll fil-kummenti. Waħda mill-iktar traduzzjonijiet reċenti li tagħti lill-isem persunali t’Alla l-unur li jixraqlu hi n-New World Translation of the Holy Scriptures, pubblikata mix-Xhieda taʼ Ġeħova.