LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w12 6/15 pp. 14-18
  • Ġeħova Jirrivela “Dak li Jrid Iseħħ Dalwaqt”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ġeħova Jirrivela “Dak li Jrid Iseħħ Dalwaqt”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • IL-​BRITANNJA U L-​ISTATI UNITI JIKSBU L-​POTER
  • IL-​QAWWA DINJIJA ANGLO-​AMERIKANA U S-​SAQAJN TAL-​ĦADID U T-​TAFAL
  • L-​ANGLO-​AMERIKA U L-​BHIMA SALVAĠĠA B’ŻEWĠT IQRUN
  • IX-​XBIEHA TAL-​BHIMA TEQRED LILL-​PROSTITUTA
  • IL-​BHEJJEM JINQERDU
  • Il-Ktieb tar-Rivelazzjoni X’Jgħid li Se Jiġrilhom l-Għedewwa t’Alla?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Ġeħova Hu “Dak li Jirrivela s-Sigrieti”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
w12 6/15 pp. 14-18

Ġeħova Jirrivela “Dak li Jrid Iseħħ Dalwaqt”

“Rivelazzjoni minn Ġesù Kristu, li tahielu Alla, biex juri lill-​ilsiera tiegħu dak li jrid iseħħ dalwaqt.”​—RIV. 1:1.

INT KIF TWIEĠEB?

Liema partijiet tax-​xbieha enormi jissimbolizzaw il-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana?

Liema parti mill-​viżjoni taʼ Ġwanni turi li l-​Ġnus Magħquda tikseb il-​poter tagħha mill-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana?

Danjel u Ġwanni kif juru li l-​gvernijiet kollha tad-​dinja se jinqerdu?

1, 2. (a) X’nistgħu nifhmu meta nqabblu l-​profeziji taʼ Danjel u Ġwanni? (b) L-​ewwel sitt irjus tal-​bhima salvaġġa x’jirrappreżentaw?

META nqabblu l-​profeziji taʼ Danjel u Ġwanni, nifhmu ħafna affarijiet li qed iseħħu fid-​dinja llum u dak li se jseħħ fil-​futur. X’nistgħu nitgħallmu mill-​viżjoni taʼ Ġwanni tal-​bhima salvaġġa b’sebat irjus, mill-​viżjoni taʼ Danjel tal-​bhima b’għaxart iqrun, u minn dak li qal Danjel dwar ix-​xbieha enormi fil-​ħolma taʼ Nebukadnessar? U dawn il-​profeziji x’għandhom iqanqluna nagħmlu?

2 Ejja nikkunsidraw il-​viżjoni taʼ Ġwanni tal-​bhima salvaġġa. (Riv., kap. 13) Bħalma rajna fl-​artiklu taʼ qabel, l-​ewwel sitt irjus tal-​bhima jirrappreżentaw lill-​Eġittu, l-​Assirja, Babilonja, il-​Medo-​Persja, il-​Greċja, u Ruma. Dawn kollha wrew mibegħda lejn in-​nisel tal-​mara. (Ġen. 3:15) Meta Ġwanni kiteb dwar il-​viżjoni tiegħu, Ruma kienet il-​qawwa dinjija. Din baqgħet b’saħħitha għal mijiet taʼ snin wara dan. Maż-​żmien, is-​sebaʼ ras kienet se tieħu post Ruma. Liema qawwa dinjija politika kienet din, u kif kienet se tittratta lin-​nisel tal-​mara?

IL-​BRITANNJA U L-​ISTATI UNITI JIKSBU L-​POTER

3. (a) Il-​bhima tal-​biżaʼ b’għaxart iqrun x’tirrappreżenta? (b) Xi jfissru l-​għaxart iqrun?

3 Nistgħu nidentifikaw is-​sebaʼ ras tal-​bhima salvaġġa taʼ Rivelazzjoni kapitlu 13 billi nqabblu l-​viżjoni taʼ Ġwanni mal-​viżjoni taʼ Danjel tal-​bhima tal-​biżaʼ b’għaxart iqrun.a (Aqra Danjel 7:7, 8, 23, 24.) Il-​bhima li ra Danjel irrappreżentat lill-​Qawwa Dinjija Rumana. (Ara t-​tabella f’paġni 12-​13.) Fil-​ħames seklu, l-​Imperu Ruman beda jinqasam f’saltniet iżgħar. L-​għaxart iqrun tal-​bhima li ra Danjel ifissru s-​saltniet li ħarġu mill-​Imperu Ruman.

4, 5. (a) Il-​qarn żgħir x’għamel? (b) X’inhi l-​identità tas-​sebaʼ ras tal-​bhima salvaġġa?

4 Fil-​profezija taʼ Danjel tal-​bhima b’għaxart iqrun, qarn ieħor, wieħed żgħir, jitlaʼ u jieħu post tlieta mill-​għaxart iqrun. Dan kif seħħ? Il-​Britannja kienet parti żgħira mill-​Imperu Ruman, imma iktar tard saret saltna. Spanja, l-​Olanda, u Franza kienu wkoll parti mill-​Imperu Ruman. Sas-​seklu 17, dawn kienu saltniet ħafna iktar importanti milli kienet il-​Britannja. Imma l-​Britannja ġġieldet kontrihom wieħed wieħed u saret iktar importanti minnhom. Matul is-​seklu 18, il-​Britannja kienet qed issir l-​iktar saltna setgħana fid-​dinja. Imma ma kinitx għadha saret is-​sebaʼ ras tal-​bhima salvaġġa.

5 Għalkemm il-​Britannja saret l-​iktar saltna setgħana, il-​kolonji tagħha fl-​Amerika taʼ Fuq irribellaw u saru l-​Istati Uniti. Il-​Britannja ma waqqfitx lill-​Istati Uniti milli ssir pajjiż b’saħħtu u saħansitra pproteġietha bil-​flotta Britannika (British Navy). Fl-​1914, meta beda jum il-​Mulej, il-​Britannja kienet l-​akbar imperu li qatt eżista u l-​Istati Uniti kellha l-​iktar industriji b’saħħithom fid-​dinja.b Matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija, l-​Istati Uniti żviluppat sħubija speċjali mal-​Britannja. Is-​sebaʼ ras tal-​bhima issa kienet ħarġet bħala l-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana. Din ir-​ras kif ittrattat lin-​nisel tal-​mara?

6. Is-​sebaʼ ras kif ittrattat lill-​poplu t’Alla?

6 Ftit wara l-​bidu taʼ jum il-​Mulej, is-​sebaʼ ras fetħet attakk fuq il-​poplu t’Alla—dawk minn ħut Kristu li kienu għadhom fuq l-​art. (Mt. 25:40) Ġesù indika li matul il-​preżenza tiegħu, fdal tan-​nisel kien se jkun attiv fuq l-​art. (Mt. 24:45-​47; Gal. 3:26-​29) Il-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana ggwerrat kontra dawn il-​qaddisin. (Riv. 13:3, 7) Matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija, din ippersegwitat lill-​poplu t’Alla, ipprojbiet ftit mill-​pubblikazzjonijiet tagħhom, u tefgħet lil rappreżentanti tal-​klassi tal-​ilsir leali l-​ħabs. Dan kważi waqqaf, jew qatel, ix-​xogħol tal-​ippritkar tagħhom. F’viżjoni, Ġeħova qal lil Ġwanni li dan kien se jiġri. Imma Alla qallu wkoll li dawn il-​qaddisin li kienu parti min-​nisel tal-​mara kienu se jerġgħu jibdew ix-​xogħol tal-​ippritkar, jew jerġgħu jieħdu l-​ħajja. (Riv. 11:3, 7-​11) L-​istorja tal-​qaddejja taʼ Ġeħova fi żmienna tikkonferma li dawn il-​ġrajjiet seħħew.

IL-​QAWWA DINJIJA ANGLO-​AMERIKANA U S-​SAQAJN TAL-​ĦADID U T-​TAFAL

7. X’inhi r-​relazzjoni bejn is-​sebaʼ ras tal-​bhima salvaġġa u x-​xbieha enormi?

7 X’inhi r-​relazzjoni bejn is-​sebaʼ ras tal-​bhima salvaġġa u x-​xbieha enormi? Il-​Britannja ħarġet mill-​Imperu Ruman. U peress li l-​Istati Uniti ħarġet mill-​Britannja, nistgħu ngħidu li, b’mod indirett, l-​Istati Uniti wkoll ħarġet minn Ruma. Iżda xi ngħidu dwar is-​saqajn tax-​xbieha? Huma deskritti bħala taħlita taʼ ħadid u tafal. (Aqra Danjel 2:41-​43.) Din id-​deskrizzjoni tas-​saqajn qed titkellem dwar l-​istess ġrajja taʼ meta tidher is-​sebaʼ ras tal-​bhima salvaġġa. Dan hu ż-​żmien meta kellha tqum il-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana. Sewwasew bħalma xi ħaġa magħmula mill-​ħadid imħallat bit-​tafal hi iktar dgħajfa minn xi ħaġa magħmula minn ħadid waħdu, il-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana hi iktar dgħajfa mill-​qawwa li ħarġet minnha. X’għamel lill-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana iktar dgħajfa?

8, 9. (a) Is-​sebaʼ qawwa dinjija kif uriet qawwa bħall-​ħadid? (b) Xi jfisser it-​tafal fis-​saqajn tax-​xbieha?

8 Xi drabi, is-​sebaʼ ras tal-​bhima wriet karatteristiki bħall-​ħadid. Pereżempju, tat prova tal-​qawwa tagħha billi rebħet l-​Ewwel Gwerra Dinjija. Matul it-​Tieni Gwerra Dinjija, il-​qawwa tas-​sebaʼ ras li kienet bħall-​ħadid kienet evidenti wkoll.c Wara din il-​gwerra, is-​sebaʼ ras kultant xorta wriet karatteristiki bħall-​ħadid. Madankollu, minn kmieni, dan il-​ħadid tħallat mat-​tafal.

9 Għal żmien twil, il-​qaddejja taʼ Ġeħova riedu jifhmu xi jfissru s-​saqajn tax-​xbieha. Danjel 2:41 juri li s-​saqajn magħmulin mill-​ħadid imħallat bit-​tafal huma “saltna” waħda, mhux ħafna. Allura nistgħu nifhmu li t-​tafal ifisser li xi ħaġa fil-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana tagħmilha iktar dgħajfa mill-​Imperu Ruman, li kien deskritt bħala riġlejn magħmulin minn ħadid waħdu. Il-​profezija taʼ Danjel tgħid li t-​tafal ifisser “ulied il-​bnedmin,” jew in-​nies komuni. (Dan. 2:43) In-​nies dgħajfu l-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana meta ġġieldu għal drittijiet ċivili, biex ikollhom iktar drittijiet fuq il-​post tax-​xogħol, u saħansitra biex isiru nazzjonijiet indipendenti. In-​nies komuni jagħmluha diffiċli għal din il-​qawwa dinjija biex tkun b’saħħitha bħall-​ħadid. In-​nies għandhom ideat politiċi differenti. U meta xi mexxej jirbaħ elezzjoni bi ftit voti biss, ma jkollux biżżejjed awtorità biex iwettaq dak li jkun wiegħed. Danjel qal: “Is-​saltna għad tkun parti b’saħħitha u parti dgħajfa.”—Dan. 2:42; 2 Tim. 3:1-​3.

10, 11. (a) X’se jiġri lis-​“saqajn” tax-​xbieha? (b) X’nistgħu nikkonkludu dwar in-​numru taʼ swabaʼ tas-​saqajn?

10 Fi żmienna, il-​Britannja u l-​Istati Uniti għad għandhom sħubija speċjali. Spiss jikkooperaw maʼ xulxin fi kwistjonijiet importanti. Fil-​profezija dwar ix-​xbieha enormi, is-​saqajn huma l-​aħħar parti tax-​xbieha. Fil-​profezija dwar il-​bhima salvaġġa, is-​sebaʼ ras hi l-​aħħar ras. Dan ifisser li l-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana mhix se tiġi sostitwita minn qawwa dinjija oħra. U avolja mhix b’saħħitha daqs Ruma, ir-​riġlejn tal-​ħadid, mhix se tintemm waħedha.

11 Għandu xi tifsir speċjali n-​numru taʼ swabaʼ tas-​saqajn tax-​xbieha? Ikkunsidra dan: F’viżjonijiet oħrajn, Danjel isemmi numri speċifiċi—pereżempju, in-​numru taʼ qrun fuq l-​irjus taʼ diversi bhejjem. Dawn in-​numri huma sinifikanti. Madankollu, meta Danjel jiddeskrivi x-​xbieha, ma jsemmix in-​numru taʼ swabaʼ tas-​saqajn. Għalhekk, jidher li n-​numru taʼ swabaʼ tas-​saqajn mhuwiex importanti, sewwasew bħalma mhuwiex importanti n-​numru taʼ dirgħajn, idejn, swabaʼ tal-​id, riġlejn, jew saqajn tax-​xbieha. Danjel isemmi speċifikament li s-​swabaʼ tas-​saqajn kienu se jkunu magħmulin mill-​ħadid u t-​tafal. Mid-​deskrizzjoni tiegħu, aħna nistgħu nikkonkludu li l-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana se tkun il-​qawwa dinjija meta l-​“ġebla,” li tfisser is-​Saltna t’Alla, tolqot saqajn ix-​xbieha.​—Dan. 2:45.

L-​ANGLO-​AMERIKA U L-​BHIMA SALVAĠĠA B’ŻEWĠT IQRUN

12, 13. X’tirrappreżenta l-​bhima salvaġġa b’żewġt iqrun, u x’tagħmel?

12 Għalkemm il-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana hi taħlita taʼ ħadid u tafal, il-​viżjonijiet li Ġesù ta lil Ġwanni juru li din il-​qawwa kien se jkompli jkollha rwol fundamentali matul l-​aħħar jiem. B’liema mod? Ġwanni ra viżjoni taʼ bhima salvaġġa b’żewġt iqrun li tkellmet bħal dragun. X’tirrappreżenta din il-​bhima stramba? Il-​fatt li għandha żewġt iqrun ifisser li hi żewġ gvernijiet imseħbin. Din il-​bhima tfisser ukoll il-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana, imma issa tagħmel xi ħaġa speċjali.​—Aqra Rivelazzjoni 13:11-​15.

13 Din il-​bhima salvaġġa “tgħid” lin-​nies biex jagħmlu xbieha tal-​bhima salvaġġa b’sebat irjus. Ġwanni kiteb li x-​xbieha tal-​bhima kienet se tidher, tgħib, u mbagħad terġaʼ tqum. Dan hu eżattament dak li ġara lil organizzazzjoni appoġġata mill-​Britannja u l-​Istati Uniti, waħda li suppost kienet se tgħaqqad u tirrappreżenta lis-​saltniet tad-​dinja.d Din l-​organizzazzjoni dehret wara l-​Ewwel Gwerra Dinjija u kienet magħrufa bħala l-​Lega tan-​Nazzjonijiet. Din sparixxiet meta bdiet it-​Tieni Gwerra Dinjija. Matul din il-​gwerra, il-​poplu t’Alla ddikjara li skont il-​profezija fir-​Rivelazzjoni, ix-​xbieha tal-​bhima salvaġġa kienet se terġaʼ tqum. U hekk għamlet—bħala l-​Ġnus Magħquda.​—Riv. 17:8.

14. Ix-​xbieha tal-​bhima salvaġġa f’liema sens hi t-​“tmien” sultan?

14 Ġwanni ddeskriva x-​xbieha tal-​bhima bħala t-​“tmien” sultan. F’liema sens? Mhijiex deskritta bħala t-​tmien ras tal-​bhima salvaġġa oriġinali. Hija biss xbieha taʼ dik il-​bhima. Il-​qawwa taʼ din ix-​xbieha tiġi min-​nazzjonijiet li huma membri tal-​Ġnus Magħquda, speċjalment mill-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana. (Riv. 17:10, 11) Imma tingħata awtorità biex taġixxi bħal sultan ħalli twettaq inkarigu speċifiku, wieħed li jagħti bidu għal sensiela taʼ ġrajjiet li se jeffettwaw lid-​dinja kollha.

IX-​XBIEHA TAL-​BHIMA TEQRED LILL-​PROSTITUTA

15, 16. (a) X’tissimbolizza l-​prostituta? (b) X’qed jiġrilha r-​reliġjon illum?

15 Ġwanni ddeskriva wkoll prostituta riekba fuq bhima salvaġġa lewn l-​iskarlat. Din il-​bhima hi l-​istess bħax-​xbieha tal-​bhima salvaġġa b’sebat irjus. Il-​prostituta jisimha “Babilonja l-​Kbira.” (Riv. 17:1-​6) Din il-​prostituta b’mod xieraq tirrappreżenta lir-​reliġjon falza kollha, u fuq quddiem nett hemm il-​knejjes tal-​Kristjaneżmu. Ir-​reliġjonijiet foloz appoġġaw pubblikament lix-​xbieha tal-​bhima, jiġifieri, il-​Lega tan-​Nazzjonijiet u l-​Ġnus Magħquda, u pprovaw jidderieġu lil dawn l-​organizzazzjonijiet.

16 Madankollu, matul jum il-​Mulej, Babilonja l-​Kbira rat l-​ilmijiet, in-​nies li jappoġġawha, jinxfu b’mod drammatiku. (Riv. 16:12; 17:15) Pereżempju, l-​ewwel darba li dehret ix-​xbieha tal-​bhima, il-​knejjes tal-​Kristjaneżmu—parti minn Babilonja l-​Kbira li għandha influwenza qawwija—kellhom ħafna poter fil-​biċċa l-​kbira mill-​pajjiżi tal-​Punent. Illum, il-​knejjes u l-​ministri tagħhom tilfu r-​rispett u l-​appoġġ taʼ bosta nies. Ħafna saħansitra jemmnu li r-​reliġjon hi l-​kaġun tal-​problemi fid-​dinja. Oħrajn jgħidu bil-​miftuħ li d-​dinja għandha teħles mir-​reliġjonijiet kollha.

17. (a) Ir-​reliġjon falza x’se jiġrilha dalwaqt? (b) Dan għala se jiġri?

17 Ir-​reliġjon falza mhix se titlef il-​poter tagħha bil-​mod il-​mod u mbagħad tgħib. Il-​prostituta se jibqaʼ jkollha l-​qawwa u tipprova ġġiegħel lis-​slaten jagħmlu dak li trid hi. Imma Alla dalwaqt se ‘jdaħħlilhom fi qlubhom li jwettqu l-​ħsieb tiegħu.’ (Aqra Rivelazzjoni 17:16, 17.) Ġeħova se jġiegħel lill-​gvernijiet tas-​sistema taʼ Satana, rappreżentati mill-​Ġnus Magħquda, biex jattakkaw lir-​reliġjon falza. Il-​prostituta mhix se jirnexxilha tkompli tikkontrolla lil dawn il-​gvernijiet, u se titlef l-​għana kollu tagħha. Għoxrin jew tletin sena ilu, il-​biċċa l-​kbira min-​nies kienu jaħsbu li r-​reliġjon dejjem se tkun rispettata u b’saħħitha. Issa dan qed jibda jinbidel. Imma l-​prostituta mhux se titlef il-​poter tagħha bil-​mod il-​mod. Se tinqered f’daqqa waħda.​—Riv. 18:7, 8, 15-​19.

IL-​BHEJJEM JINQERDU

18. (a) X’se tagħmel il-​bhima salvaġġa, u b’liema riżultat? (b) Danjel 2:44 jirreferi għas-​Saltna t’Alla bħala li teqred liema saltniet? (Ara l-​kaxxa f’paġna 17.)

18 Wara li tinqered ir-​reliġjon falza, il-​bhima salvaġġa, il-​gvernijiet taʼ Satana fuq l-​art, se tattakka lis-​Saltna t’Alla. Is-​slaten tal-​art mhux se jkunu jistgħu jattakkaw lis-​Saltna t’Alla fis-​sema, u allura se jipprovaw jiġġieldu kontra dawk fuq l-​art li jappoġġawha. Dan jirriżulta f’battalja finali m’Alla. (Riv. 16:13-​16; 17:12-​14) Danjel jiddeskrivi aspett wieħed minn din il-​battalja finali. (Aqra Danjel 2:44.) Il-​bhima salvaġġa msemmija f’​Rivelazzjoni 13:1, ix-​xbieha tagħha, u l-​bhima salvaġġa b’żewġt iqrun se jinqerdu.

19. Liema fiduċja jistaʼ jkollna, u x’għandna nagħmlu issa?

19 Aħna qed ngħixu fi żmien is-​sebaʼ ras. Mhux se jidhru iktar irjus fuq din il-​bhima qabel ma tinqered. Il-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana se tkun għadha l-​qawwa dinjija meta tinqered ir-​reliġjon falza. Il-​profeziji taʼ Danjel u Ġwanni twettqu sal-​iċken dettall. Nistgħu nkunu fiduċjużi li l-​qerda tar-​reliġjon falza u l-​battalja t’Armageddon dalwaqt se jseħħu. Alla rrivela dawn id-​dettalji bil-​quddiem. Se nagħtu kashom aħna t-​twissijiet profetiċi? (2 Pt. 1:19) Issa huwa ż-​żmien li nieħdu waqfa fuq in-​naħa taʼ Ġeħova u li nappoġġaw lis-​Saltna tiegħu.​—Riv. 14:6, 7.

[Noti ta’ taħt]

a Fil-​Bibbja, in-​numru għaxra spiss jissimbolizza grupp sħiħ—f’dan il-​każ, is-​saltniet kollha li ħarġu mill-​Imperu Ruman.

b Kemm l-​Imperu Britanniku kif ukoll l-​Istati Uniti eżistew mis-​seklu 18 ’il quddiem. Imma l-​viżjoni li ra Ġwanni turi li fil-​bidu taʼ jum il-​Mulej, huma kienu se jkunu qawwa dinjija waħda. Il-​viżjonijiet fir-​Rivelazzjoni kienu profeziji dwar “jum il-​Mulej.” (Riv. 1:10) Kien matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija li l-​Britannja u l-​Istati Uniti bdew jaħdmu flimkien bħala qawwa dinjija waħda.

c Sewwasew bħalma bassar Danjel, matul it-​Tieni Gwerra Dinjija, il-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana kkaġunat rovina kbira. (Dan. 8:24) Pereżempju, l-​Istati Uniti tefgħet żewġ bombi atomiċi fuq għadu tal-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana. Dawn il-​bombi kkaġunaw rovina b’mod ġdid u terribbli.

d Ara l-​ktieb Revelation—Its Grand Climax at Hand! paġni 240, 241, 253.

[Kaxxa f’paġna 17]

“DAWN IS-​SALTNIET KOLLHA” LIL MIN JINKLUDU?

Il-​profezija f’​Danjel 2:44 tgħid li s-​Saltna t’Alla “se tfarrak u ttemm dawn is-​saltniet kollha.” Din il-​profezija tirreferi biss għas-​saltniet li huma parti mix-​xbieha.

Xi ngħidu għall-​gvernijiet umani l-​oħrajn kollha? Il-​profezija fir-​Rivelazzjoni li hi dwar l-​istess suġġett tgħidilna iktar. Turi li “s-​slaten taʼ l-​art abitata kollha” se jkunu miġburin kontra Ġeħova fil-​“jum il-​kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox.” (Riv. 16:14; 19:19-​21) Għaldaqstant, mhux biss is-​saltniet tax-​xbieha imma wkoll il-​gvernijiet umani l-​oħrajn kollha se jinqerdu f’Armageddon.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja