LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 2/1 pp. 14-19
  • It-Teżor Tagħna f’Ġarar tal-Fuħħar

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • It-Teżor Tagħna f’Ġarar tal-Fuħħar
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • It-​Tiswir f’Iżrael tal-​Qedem
  • It-​Tiswir taʼ Ġens Spiritwali
  • It-​Tiswir taʼ Iżrael t’Alla Llum
  • “Ara, . . . Kotra Kbira”
  • Il-Fuħħari l-Kbir u x-Xogħol Tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Amministrazzjoni Teokratika fl-Era Kristjana
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Ħalli d-Dixxiplina ta’ Ġeħova Ssawrek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Apprezza lil Ġeħova bħala l-Fuħħari tagħna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 2/1 pp. 14-19

It-​Teżor Tagħna f’Ġarar tal-​Fuħħar

“Dan it-​teżor qiegħed għandna f’ġarar tal-​fuħħar, ħalli b’hekk jidher sewwa li l-​kobor taʼ din il-​qawwa ġej minn Alla, u mhux minna.”—2 KORINTIN 4:7.

1. L-​eżempju taʼ Ġesù kif għandu jinkuraġġina?

WAQT li kien qed jissawwar hawn fuq l-​art minn Jehovah, Ġesù nnifsu esperjenza d-​dgħjufijiet tal-​bnedmin. Kemm għandu jinkuraġġina l-​eżempju tiegħu taʼ kif żamm l-​integrità! L-​appostlu jgħidilna: “Għal dan intom kontu msejjħa għax Kristu wkoll bata għalikom u ħallielkom eżempju biex timxu fuq il-​passi tiegħu.” (1 Pietru 2:21) Minħabba li Ġesù ssottometta ruħu għal tiswir bħal dan, hu ħareġ rebbieħ fuq id-​dinja. Hu wkoll qawwa lill-​appostli tiegħu biex isiru konkwistaturi. (Atti 4:13, 31; 9:27, 28; 14:3; 19:8) U x’inkuraġġiment taʼ l-​għaġeb tahom fil-​konklużjoni taʼ l-​aħħar taħdita tiegħu! Hu ddikjara: “Dawn il-​ħwejjeġ għidthomlkom ħalli bija jkollkom is-​sliem. Fid-​dinja tbatu jkollkom. Iżda agħmlu l-​qalb: jiena rbaħt id-​dinja!”—Ġwann 16:33.

2. F’kuntrast maʼ l-​għama tad-​dinja, liema dawl għandna?

2 Bl-​istess mod, wara li għamel kuntrast bejn l-​għama li nġabet mill-​“alla taʼ din id-​dinja” u d-​“dawl taʼ l-​Evanġelju glorjuż,” l-​appostlu Pawlu qal dan dwar il-​ministeru prezzjuż tagħna: “Dan it-​teżor qiegħed għandna f’ġarar tal-​fuħħar, ħalli b’hekk jidher sewwa li l-​kobor taʼ din il-​qawwa ġej minn Alla, u mhux minna. Aħna minn kullimkien ninsabu magħfusin, iżda m’aħniex mgħattnin; mħassbin, iżda ma għandniex qalbna maqtugħa; ippersegwitati, iżda m’aħniex abbandunati; mixħutin maʼ l-​art, iżda m’aħniex meqrudin.” (2 Korintin 4:4, 7-9) Għalkemm aħna “ġarar tal-​fuħħar” dgħajfin, Alla sawwarna bl-​ispirtu tiegħu b’tali mod li nistgħu noħorġu kompletament rebbiħin fuq id-​dinja taʼ Satana.—Rumani 8:35-39; 1 Korintin 15:57.

It-​Tiswir f’Iżrael tal-​Qedem

3. Isaija kif iddeskrivieh it-​tiswir tal-​ġens Lhudi?

3 Jehovah ma jsawwarx biss individwi imma ġnus sħaħ. Per eżempju, meta Iżrael tal-​qedem issottometta ruħu għal tiswir minn Jehovah, dan ipprospera. Imma finalment Iżrael sar qalbu iebsa u qabad korsa taʼ diżubbidjenza. B’riżultat taʼ dan, Iżrael spiċċa “ħażin” maʼ Dak li fformah. (Isaija 45:9) Fit-​tmien seklu Q.E.K., Isaija kellem lil Jehovah dwar id-​dnubiet ħoxnin li Iżrael kien qed jagħmel, u qallu: “Madankollu, Mulej, int missierna; aħna t-​tafal, u inti l-​fuħħari; aħna lkoll għemil idejk. . . . Kull ma kellna għażiż sar ħerba.” (Isaija 64:7-10 [Isaija 64:8-11, NW]) Iżrael kien ġie msawwar f’reċipjent denju biss għall-​qerda.

4. Ġeremija liema tixbieha rreċta?

4 Seklu wara, hekk kif qorob jum il-​ġudizzju, Jehovah qal lil Ġeremija biex jieħu ġarra u jmur maʼ xi xjuħ taʼ Ġerusalemm sa Wied Ħinnom, u tah dawn l-​istruzzjonijiet: “Inti mbagħad tkisser il-​ġarra quddiem in-​nies li jiġu miegħek, u tgħidilhom: ‘Dan jgħid il-​Mulej taʼ l-​eżerċti: Hekk għad inkisser dan il-​poplu u din il-​belt, bħalma titkisser ġarra tal-​fuħħar, bla ma tkun tistaʼ tissewwa.’”—Ġeremija 19:10, 11.

5. Kemm kien estensiv il-​ġudizzju taʼ Jehovah fuq Iżrael?

5 Fis-​sena 607 Q.E.K., Nabukodonosor għamel ħerba minn Ġerusalemm bit-​tempju tagħha b’kollox, u lil-​Lhud li baqgħu ħajjin ħadhom fil-​jasar f’Babilonja. Imma wara 70 sena taʼ eżilju, Lhud nedmin setgħu jerġgħu lura biex jibnu mill-​ġdid lil Ġerusalemm u lit-​tempju tagħha. (Ġeremija 25:11) Madankollu, sa l-​ewwel seklu taʼ l-​E.K., il-​ġens kien reġaʼ abbanduna lill-​Fuħħari l-​Kbir, u fl-​aħħar dan tbaxxa sal-​punt li wettaq l-​akbar delitt tiegħu, dak tal-​qtil taʼ l-​istess Iben t’Alla. Fis-​sena 70 E.K., Alla uża lill-​Qawwa Dinjija taʼ Ruma bħala l-​esekutriċi tiegħu biex jeqred għalkollox lis-​sistema Lhudija t’affarijiet, u lil Ġerusalemm u t-​tempju tagħha ġabhom irmied. Il-​ġens taʼ Iżrael qatt iktar ma kien se jerġaʼ jissawwar minn id Jehovah bħala xi ħaġa taʼ “qdusija u ġmiel.”a

It-​Tiswir taʼ Ġens Spiritwali

6, 7. (a) Pawlu kif jiddeskrivi t-​tiswir taʼ Iżrael spiritwali? (b) X’inhu n-​numru komplet taʼ l-​“oġġetti tal-​ħniena,” u kif intlaħaq?

6 Il-​Lhud li aċċettaw lil Ġesù ġew imsawrin bħala membri taʼ ġens ġdid, l-​“Iżrael [spiritwali] taʼ Alla.” (Galatin 6:16) Mela kemm huwa xieraq il-​kliem taʼ Pawlu: “Ma jistax il-​ħaddiem tal-​fuħħar jagħmel mit-​taħlita tat-​tafal oġġett taʼ ġieħ jew oġġett taʼ għajb? . . . Alla li jrid juri l-​korla tiegħu u jgħarraf il-​qawwa tiegħu, issaporta b’sabar kbir l-​oġġetti tal-​korla lesti għall-​qerda; biex imbagħad jgħarraf l-​għana tal-​glorja tiegħu għall-​oġġetti tal-​ħniena, li hu ħejja għall-​glorja minn qabel.”—Rumani 9:21-23.

7 Ġesù rxoxtat iktar tard għarraf li dawn l-​“oġġetti tal-​ ħniena” kellhom ikunu 144,000. (Apokalissi 7:4; 14:1) Ladarba Iżrael naturali ma kienx ipprovda dan in-​numru komplet, Jehovah estenda l-​ħniena tiegħu lil nies mill-​ġnus. (Rumani 11:25, 26) Il-​kongregazzjoni Kristjana li kienet għadha fil-​bidu tagħha espandiet bil-​ħeffa. Fi żmien 30 sena l-​aħbar tajba kienet ‘tħabbret lill-​ħlejjaq kollha taħt is-​smewwiet.’ (Kolossin 1:23) Dan kien jitlob li l-​għadd kbir taʼ kongregazzjonijiet lokali mxerrdin maʼ kullimkien ikollhom indokrar xieraq.

8. Min ifforma parti mill-​ewwel ġemgħa li tiggverna, u din il-​ġemgħa kif żviluppat?

8 Ġesù kien ħejja lil 12-il-appostlu biex isiru l-​ewwel ġemgħa li tiggverna, billi ħarriġhom flimkien m’oħrajn għall-​ministeru. (Luqa 8:1; 9:1, 2; 10:1, 2) F’Pentekoste tas-​sena 33 E.K., ġiet stabbilita l-​kongregazzjoni Kristjana, u maż-​żmien il-​ġemgħa li tiggverna tagħha espandiet biex tinkludi lill-​“appostli u l-​presbiteri” f’Ġerusalemm.” Matul perijodu estiż taʼ żmien, Ġakbu, ħu Ġesù mill-​omm, għalkemm ma kienx appostlu, milli jidher qeda bħala dak li jippresiedi. (Atti 12:17; 15:2, 6, 13; 21:18) Skond l-​istorjografu Ewsebju, l-​appostli saru l-​miri speċjali taʼ persekuzzjoni u xterrdu f’territorji oħrajn. Il-​mod kif kienet komposta l-​ġemgħa li tiggverna ġie aġġustat skond il-​ħtieġa.

9. Ġesù liema żvilupp tal-​biki bassar li kellu jseħħ?

9 Lejn tmiem l-​ewwel seklu, ‘l-​għadu, ix-​xitan,’ beda ‘jiżraʼ s-​sikrana’ qalb il-​werrieta bħal qamħ tas-​“Saltna tas-​Smewwiet.” Ġesù kien ipprofetizza li dan l-​iżvilupp tal-​biki kellu jitħalla jibqaʼ sejjer sa żmien il-​ħsad fi “tmiem id-​dinja.” Dakinhar, għal darb’oħra, ‘il-​ġusti jiddu bħax-​xemx fis-​Saltna taʼ Missierhom.’ (Mattew 13:24, 25, 37-43) Dan meta kellu jiġri?

It-​Tiswir taʼ Iżrael t’Alla Llum

10, 11. (a) Kif beda t-​tiswir taʼ żmienna taʼ Iżrael t’Alla? (b) Liema tagħlim kontrastanti setaʼ jinstab fil-​Kristjaneżmu u fost l-​Istudenti serji tal-​Bibbja?

10 Fl-​1870, Charles Taze Russell ifforma grupp li kien jistudja l-​Bibbja ġewwa Pittsburgh, f’Pennsylvania, fl-​Istati Uniti taʼ l-​Amerka. Fl-​1879 beda jippubblika rivista taʼ kull xahar illum magħrufa bħala It-​Torri taʼ l-​Għassa. Dawn l-​Istudenti tal-​Bibbja, kif bdew jissejħu, malajr indunaw li l-​Kristjaneżmu kien adotta tagħlim pagan mhux skritturali, bħall-​immortalità tar-​ruħ, in-​nar taʼ l-​infern, il-​purgatorju, it-​Trinità, u l-​magħmudija tat-​trabi.

11 Iżda iktar importanti minn hekk, dawn l-​uħud li tant iħobbu l-​verità tal-​Bibbja rrestawraw tagħlim fundamentali tal-​Bibbja, bħalma hi r-​redenzjoni permezz tas-​sagrifiċċju li Ġesù ħallas bħala prezz tal-​fidwa u l-​irxoxt għall-​ħajja taʼ dejjem f’art magħmula ġenna mimlija paċi taħt is-​Saltna t’Alla. Fuq kollox, enfasizzaw l-​ivvindikar imminenti t’Alla Jehovah bħala l-​Mulej Sovran taʼ l-​univers. L-​istudenti tal-​Bibbja kienu jemmnu li t-​talba tal-​Missierna kienet waslet biex titwettaq: “Missierna, li inti fis-​smewwiet, jitqaddes ismek, tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-​sema, hekkda fl-​art.” (Mattew 6:9, 10) L-​ispirtu qaddis t’Alla kien qed isawwarhom f’soċjetà globali taʼ Kristjani li jħobbu l-​paċi.

12. L-​Istudenti tal-​Bibbja kif bdew jindunaw b’data importanti?

12 Studju fil-​fond taʼ Danjel kapitlu 4 u taʼ profeziji oħrajn ikkonvinċa lill-​Istudenti tal-​Bibbja li l-​preżenza taʼ Ġesù bħala s-​Sultan Messjaniku bilfors li kienet fil-​qrib. Huma ndunaw li l-​1914 kellha tkun id-​data meta kellhom jintemmu “żmien il-​ġnus.” (Luqa 21:24; Eżekjel 21:31, 32 [Eżekjel 21:26, 27, NW]). Dawn l-​istudenti tal-​Bibbja malajr żiedu l-​attività tagħhom, billi fformaw klassijiet Bibliċi (li iktar tard bdew jissejħu kongregazzjonijiet) maʼ l-​Istati Uniti kollha. Hekk kif qaleb is-​seklu, ix-​xogħol tagħhom taʼ edukar mill-​Bibbja beda jinfirex għall-​Ewropa u l-​Awstralja bil-​gżejjer taʼ madwarha. Beda jinħass il-​bżonn għal organizzazzjoni tajba.

13. L-​Istudenti tal-​Bibbja liema status legali kisbu, u liema servizz li jispikka ta l-​ewwel president tas-​Soċjetà?

13 Biex lill-​Istudenti tal-​Bibbja jingħatalhom l-​istatus legali, fl-​1884 ġiet inkorporata ġewwa l-​Istati Uniti Zion’s Watch Tower Tract Society, bil-​kwartieri ġenerali tagħha f’Pittsburgh, fil-​Pennsylvania. Id-​diretturi tagħha qdew bħala Ġemgħa li Tiggverna ċentrali, billi ħadu ħsieb ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna t’Alla mad-​dinja kollha. L-​ewwel president tas-​Soċjetà, Charles T. Russell, kiteb sitt volumi taʼ Studies in the Scriptures u għamel vjaġġi estensivi taʼ ppridkar. Hu ta l-​ġid, li kien akkumula qabel ma beda l-​istudji tiegħu fil-​Bibbja, bħala donazzjoni għax-​xogħol tas-​Saltna madwar id-​dinja. Fl-​1916, waqt li l-​Gwerra l-​Kbira kienet fl-​aqwa tagħha fl-​Ewropa, Ħuna Russell, li kien eżawrit, miet matul wieħed mill-​vjaġġi taʼ ppridkar tiegħu. Kien għamel dak kollu li setaʼ biex ix-​xiehda dwar is-​Saltna t’Alla tkompli tespandi.

14. J. F. Rutherford kif ‘tqabad it-​taqbida t-​tajba’? (2 Timotju 4:7)

14 Joseph F. Rutherford, li għal xi żmien qeda bħala mħallef fil-​Missouri, sar president warajh. Bħala riżultat tad-​difiża bla biżaʼ tiegħu tal-​verità tal-​Bibbja, il-​kleru tal-​Kristjaneżmu ngħaqad mal-​politikanti f’li “jagħmlu l-​qerq taħt il-​libsa tal-​liġi.” Fil-​21 taʼ Ġunju, 1918, Ħuna Rutherford u sebaʼ Studenti tal-​Bibbja oħrajn, li kienu minn taʼ quddiem, intefgħu l-​ħabs b’diversi sentenzi taʼ 10 jew 20 sena. L-​istudenti tal-​Bibbja rritaljaw bil-​qorti. (Salm 94:20; Filippin 1:7) B’riżultat taʼ l-​appell, inħelsu fis-​26 taʼ Marzu, 1919, u iktar tard ġew eżonerati kompletament mill-​akkuża falza taʼ sedizzjoni.b Din l-​esperjenza serviet biex issawwarhom f’difensuri sodi tal-​verità. Bil-​għajnuna taʼ Jehovah, għamlu dak kollu possibbli biex joħorġu rebbiħin fil-​ġlieda spiritwali biex ixandru l-​aħbar tajba minkejja l-​oppożizzjoni minn Babilonja l-​Kbira. Dik il-​ġlieda għadha sejra sal-​lum, fis-​sena 1999.—Qabbel Mattew, kapitlu 23; Ġwann 8:38-47.

15. Is-​sena 1931 għala kienet importanti storikament?

15 Matul is-​snin taʼ bejn l-​1920 u l-​1939, l-​Iżrael midluk t’Alla kompla jissawwar taħt id-​direzzjoni tal-​Fuħħari l-​Kbir. Dawl profetiku mill-​Iskrittura beda jiddi, billi ġab unur fuq Jehovah u ffoka fuq is-​Saltna Messjanika taʼ Ġesù. Fl-​1931, l-​Istudenti tal-​Bibbja tgħidx kemm kienu ferħanin li jaċċettaw l-​isem il-​ġdid, Xhieda taʼ Jehovah.—Isaija 43:10-12; Mattew 6:9, 10; 24:14.

16 u l-​kaxxa f’paġna 19. In-​numru komplet tal-​144,000 meta nġabar, u liema evidenza hemm taʼ dan?

16 Fis-​snin tletin in-​numru taʼ ‘dawk imsejħin u magħżulin u fidili,’ il-​144,000, deher li kien inġabar. (Apokalissi 17:14; ara l-​kaxxa f’paġna 19.) Ma nafux kemm inġabru matul l-​ewwel seklu mill-​midlukin u minn fost “is-​sikrana” matul is-​sekli mudlama taʼ l-​apostasija l-​kbira tal-​Kristjaneżmu. Imma fl-​1935 kien hemm total taʼ 52,465 pubblikatur mad-​dinja kollha, minn quċċata taʼ 56,153 pubblikatur, li indikaw li kellhom it-​tama għas-​sema billi ħadu mill-​emblemi tal-​Mafkar. X’kellu jkun id-​destin taʼ dawk il-​ħafna li kienu għadhom iridu jinġabru?

“Ara, . . . Kotra Kbira”

17. Liema żvilupp storiku seħħ fl-​1935?

17 F’konvenzjoni li nżammet mit-​30 taʼ Mejju sat-​3 taʼ Ġunju, 1935, f’Washington, D.C., fl-​Istati Uniti taʼ l-​Amerka, Ħuna Rutherford ta taħdita sinjifikanti intitolata “The Great Multitude” (Il-Kotra l-​Kbira).c Dan il-​grupp, ‘li ħadd ma setaʼ jgħodd,’ kellu jitfaċċa hekk kif l-​issiġillar taʼ l-​144,000 membru taʼ Iżrael spiritwali jkun wasal biex jitlesta. Anki dawn kellhom jeżerċitaw fidi fil-​qawwa tal-​prezz tal-​fidwa li tħallas permezz tad-​“demm tal-​Ħaruf,” Ġesù, u jagħtuh servizz sagru fl-​arranġament tat-​tempju għall-​qima li stabbilixxa Jehovah. Bħala grupp, huma kellhom joħorġu ħajjin “mit-​taħbit il-​kbir,” biex jirtu l-​Ġenna fuq l-​art fejn “ma jkunx hemm iżjed mewt.” Għal diversi snin qabel dik il-​konvenzjoni, dan il-​grupp kien magħruf bħala l-​Ġonadabijiet.—Apokalissi 7:9-17; 21:4; Ġeremija 35:10.

18. Is-​sena 1938 b’liema modi kienet kruċjali?

18 Is-​sena 1938 kienet kruċjali f’li identifikat b’mod ċar iż-​żewġ klassijiet. Il-​ħarġiet taʼ The Watchtower tal-​15 taʼ Marzu u l-​1 t’April, taʼ l-​1938, ippreżentaw l-​istudju maqsum f’żewġ partijiet, intitolat “His Flock” (Il-Merħla Tiegħu) u dan iċċara l-​postijiet relattivi tal-​fdal midluk u sħabhom, il-​folla kbira. Imbagħad il-​ħarġiet taʼ l-​1 taʼ Ġunju u tal-​15 taʼ Ġunju kellhom artikli taʼ studju fuq “Organization” (Organizzazzjoni), ibbażati fuq Isaija 60:17. Il-​kongregazzjonijiet kollha ntalbu biex jibagħtu jistaqsu lill-​Ġemgħa li Tiggverna biex jaħtru qaddejja lokali, ħalli b’hekk ikunu qed jadottaw arranġament teokratiku mtejjeb u stabbilit minn Alla. Il-​kongregazzjonijiet għamlu preċiż hekk.

19 u n-​nota taʼ taħt. Liema fatti jikkonfermaw li s-​sejħa ġenerali għan-​“nagħaġ oħra” issa ilha sejra għal iktar minn 60 sena?

19 Ir-​rapport fil-​Year Book of Jehovah’s Witnesses taʼ l-​1939 stqarr: “Is-​segwaċi midlukin taʼ Kristu Ġesù li issa għadhom fuq l-​art huma ftit fin-​numru, u qatt ma jistaʼ jkun li n-​numru tagħhom jiżdied. Dawn huma msejħin fl-​Iskrittura bħala ‘l-​bqija’ tan-​nisel taʼ Sijon, l-​organizzazzjoni t’Alla. (Apok. 12:17) Il-​Mulej qiegħed issa jiġbor għalih innifsu n-​‘nagħaġ oħrajn’ tiegħu, li għad jifformaw il-​‘kotra kbira’. (Ġw. 10:16) Dawk li qed jinġabru issa huma sħab dawn il-​bqija, li jaħdmu flimkien mal-​bqija. Mil-​lum ’il quddiem dawk li jifformaw in-​‘nagħaġ oħrajn’ se jiżdiedu fin-​numru sakemm tinġabar il-​‘kotra kbira.’” Il-​fdal midluk ġie msawwar biex jieħu ħsieb il-​ġbir tal-​folla kbira. Dawn ukoll iridu issa jiġu msawrin.d

20. Liema bidliet organizzazzjonali żviluppaw mill-​1942 ’l hawn?

20 F’Jannar taʼ l-​1942, meta t-​Tieni Gwerra Dinjija kienet fl-​aqwa tagħha, miet Joseph Rutherford u floku nħatar bħala president Nathan Knorr. It-​tielet president tas-​Soċjetà niftakruh b’għożża għax fi żmienu ġew stabbiliti l-​iskejjel teokratiċi fil-​kongregazzjonijiet u l-​Iskola taʼ Gilgħad għat-​taħriġ tal-​missjunarji. Fil-​laqgħa annwali tas-​Soċjetà fl-​1944, hu ħabbar li d-​dokument tas-​Soċjetà kien qed jiġi rrevedut sabiex il-​ħatra tal-​membri ma ssirx fuq bażi taʼ kontribuzzjonijiet materjali, imma fuq l-​ispiritwalità. Matul it-​30 sena taʼ wara, in-​numru taʼ ħaddiema fl-​għalqa żdied minn 156,299 għal 2,179,256 mad-​dinja kollha. Matul is-​snin taʼ bejn l-​1971 u l-​1975 kien hemm bżonn taʼ iktar bidliet organizzazzjonali. Ma kienx iktar possibbli li raġel wieħed, li jkun qed jaqdi bħala president, jindokra bir-​reqqa x-​xogħol tas-​Saltna maʼ l-​art kollha. Il-​membri midlukin tal-​Ġemgħa li Tiggverna, b’ċêrmen li jinbidel kull tant żmien, żdiedu għal 18, li kważi nofshom s’issa spiċċaw il-​korsa tagħhom fuq l-​art.

21. X’kien li kkwalifika lill-​membri tal-​merħla ż-​żgħira għas-​Saltna?

21 Il-​membri li għad fadal tal-​merħla ċkejkna ġew imsawrin matul ħafna għexur taʼ snin taʼ provi. Huma nies taʼ kuraġġ kbir, u bla dubju rċevew ‘ix-​xiehda taʼ l-​ispirtu.’ Ġesù kien qalilhom: “Intom dawk li żammejtu sħiħ miegħi fit-​tiġrib kollu li ġie fuqi; u bħalma Missieri ħejja saltna għalija, hekk ukoll jiena nħejji għalikom, biex tieklu u tixorbu fuq il-​mejda miegħi f’saltnati, u toqogħdu fuq tronijiet biex tagħmlu ħaqq mit-​tnax-il tribù taʼ Iżrael.”—Rumani 8:16, 17; Luqa 12:32; 22:28-30.

22, 23. Il-​merħla ż-​żgħira u n-​nagħaġ oħrajn kif qed jiġu msawrin?

22 Hekk kif in-​numru tal-​fdal midluk bl-​ispirtu hawn fuq l-​art naqas, aħwa rġiel maturi mill-​folla l-​kbira ngħataw indokrar spiritwali fi kważi l-​kongregazzjonijiet kollha taʼ madwar id-​dinja. U hekk kif l-​aħħar Xhieda midlukin imdaħħlin sew fiż-​żmien jispiċċaw il-​korsa tagħhom fuq l-​art, is-​sa·rimʹ irjali min-​nagħaġ oħrajn ikunu tħarrġu sew biex iwettqu d-​dmirijiet amministrattivi bħala l-​klassi tal-​prinċep fuq l-​art.—Eżekjel 44:3; Isaija 32:1.

23 Il-​merħla ż-​żgħira u n-​nagħaġ oħrajn ikomplu jiġu msawrin bl-​istess mod f’oġġetti għal użu taʼ ġieħ. (Ġwann 10:14-16) Kemm jekk it-​tama tagħna hija fi “smewwiet ġodda” u kemm jekk hija f’“art ġdida,” jalla nwieġbu b’qalbna kollha għall-​istedina taʼ Jehovah: ‘Ifirħu u aqbżu bil-​ferħ għal dejjem, minħabba f’dak li għad noħloq jien. Arani, se noħloq Ġerusalemm għall-​hena, il-​poplu tagħha għall-​ferħ.” (Isaija 65:17, 18) Jalla taʼ bnedmin dgħajfin li aħna dejjem naqdu bl-​umiltà, waqt li nissawru mill-​“kobor taʼ din il-​qawwa”​—il-​qawwa taʼ l-​ispirtu qaddis t’Alla!—2 Korintin 4:7; Ġwann 16:13.

[Noti taʼ taħt]

a Ħalli lill-​Kristjaneżmu rinnegat, li tiegħu tingħata stampa minn Iżrael tal-​qedem, jingħatalu twissija dwar ġudizzju simili mingħand Jehovah.—1 Pietru 4:17, 18.

b L-Imħallef Manton, Kattoliku Ruman li kien irrifjuta li jħalli lill-​Istudenti tal-​Bibbja joħorġu bi pleġġ, iktar tard weħel il-​ħabs hu nnifsu, għax instab ħati li aċċetta tixħim.

c In-New World Translation of the Christian Greek Scriptures, maħruġa fl-​1950, tuża “folla kbira” bħala traduzzjoni aħjar tat-​terminu Grieg ispirat.

d Fl-1938 l-​attendenza għall-​Mafkar madwar id-​dinja kienet taʼ 73,420, b’39,225 persuna​—53 fil-​mija taʼ dawk preżenti—​li ħadu mill-​emblemi. Sa l-​1998 l-​attendenza laħqet it-​13,896,312, b’8,756 biss li ħadu mill-​emblemi, medja taʼ inqas minn 1 għal kull 10 kongregazzjonijiet.

Tiftakar Int?

◻ Ġesù kif kien l-​Eżempju tagħna f’li jissottometti ruħu għal tiswir minn Missieru?

◻ Liema tiswir seħħ f’Iżrael tal-​qedem?

◻ L-​“Iżrael taʼ Alla” kif ġie msawwar sa issa?

◻ In-​“nagħaġ oħra” għal liema skop ġew imsawrin?

[Kaxxa f’paġna 18]

Iktar Tiswir fil-​Kristjaneżmu

Rapport mill-​Associated Press t’Ateni, fil-​Greċja, qal dan li ġej dwar il-​kap tal-​Knisja Ortodossa Griega li nħatar dan l-​aħħar: “Dan suppost li hu messaġġier tal-​paċi. Imma l-​mexxej tal-​Knisja Ortodossa Griega iktar donnu xi ġeneral li qed jipprepara għall-​battalja.

“‘Jekk ikun hemm bżonn, aħna lesti li nxerrdu d-​demm u nagħmlu kull sagrifiċċju. Aħna, bħala knisja, nitolbu għall-​paċi . . . Imma meta jkun hemm bżonn, inbierku l-​armi qaddisa,’ qal reċentement l-​Arċisqof Christodoulos f’jum il-​festa taʼ Tlugħ is-​Sema tal-​Verġni, li taħbat fl-​istess ġurnata li jiċċelebraw Jum il-​forzi armati tal-​Greċja.”

[Kaxxa f’paġna 19]

“Ma Jistgħux Jiżdiedu Iktar!”

Matul il-​gradwazzjoni taʼ Gilgħad fl-​1970, Frederick Franz, li dak iż-​żmien kien il-​viċi president tal-​Watch Tower Society, qal lill-​istudenti dwar il-​possibbiltà li huma, li kienu lkoll min-​nagħaġ oħrajn b’tamiet għall-​art, għandhom mnejn jgħammdu lil xi ħadd li jsostni li hu mill-​fdal il-​midluk. Jistaʼ jkun? Ngħiduha kif inhi, Ġwanni l-​Battista kien min-​nagħaġ oħrajn, u hu għammed lil Ġesù u lil xi appostli. Wara dan kompla biex staqsa jekk kinitx għadha miftuħa s-​sejħa biex jinġabru iktar minn dawk il-​fdal. “Le, ma jistgħux jiżdiedu iktar!” qal hu. “Dik is-​sejħa għalqet lura fis-​snin taʼ bejn l-​1931 u l-​1935! Ma jistgħux jiżdiedu iktar. Allura, min huma dawk il-​ftit li għadhom kif saru xhieda u qed jieħdu mill-​emblemi tal-​Mafkar? Jekk dawn huma mill-​fdal, huma sostituti! M’humiex miżjudin maʼ dawk il-​midlukin, imma sostituti flok dawk li għandhom mnejn ma baqgħux leali.”

[Stampa f’paġna 15]

Kemm ngħożżuh it-​teżor tagħna taʼ servizz!

[Stampa f’paġna 16]

Iżrael tal-​qedem sar oġġett tajjeb biss għall-​qerda

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja