Il-Fuħħari l-Kbir u x-Xogħol Tiegħu
“[Sir] biċċa tagħmir [“reċipjent,” “NW”] għal għan taʼ ġieħ, . . . mħejji għal kull għemil tajjeb.”—2 TIMOTJU 2:21.
1, 2. (a) Il-ħolqien t’Alla tar-raġel u l-mara kif kien biċċa xogħol li tispikka? (b) Il-Fuħħari l-Kbir għal liema skop ħalaqhom lil Adam u lil Eva?
JEHOVAH hu l-Fuħħari l-Kbir. Wieħed mill-kapulavuri kbar tiegħu kien l-ewwel ġenitur tagħna, Adam. Il-Bibbja tgħidilna: “Il-Mulej Alla sawwar il-bniedem mit-trab taʼ l-art u nefaħlu fi mnifsejh nifs il-ħajja, u l-bniedem sar ħlejqa ħajja.” (Ġenesi 2:7) Skond nota taʼ taħt fin-New World Translation “ħlejqa li tieħu n-nifs.” Dik l-ewwel ħlejqa umana kienet perfetta, ifformata fl-istess xbiha t’Alla, evidenza taʼ l-għerf divin tiegħu u l-imħabba li għandu għat-tjieba u l-ġustizzja.
2 Waqt li uża xi materjal mill-kustilja taʼ Adam, Alla sawwar ukoll komplement u sors t’għajnuna għar-raġel—il-mara. Il-ġmiel liema bħalu taʼ Eva kien jisboq saħansitra lil dak taʼ l-isbaħ mara li teżisti llum. (Ġenesi 2:21-23) Iktar minn hekk, l-ewwel koppja umana ngħatalhom ġisem u fakultajiet iddisinjati perfettament biex iwettqu l-proġett assenjat lilhom, dak li jagħmlu l-art ġenna. Ġew ipprovduti wkoll bil-qawwa li jwettqu l-kmand li Alla stqarr f’Ġenesi 1:28: “Nisslu u oktru, u imlew l-art, u aħkmuha; u saltnu fuq il-ħut tal-baħar u t-tajr taʼ l-ajru u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-art.” Fl-aħħar mill-aħħar, dan il-ġnien globali kellu jimtela b’eluf taʼ miljuni taʼ bnedmin ferriħin, magħqudin flimkien bix-xorta taʼ mħabba li hija “rabta perfetta t’unjoni.”—Kolossin 3:14, NW.
3. L-ewwel ġenituri tagħna kif saru reċipjenti taʼ għajb, u b’liema riżultat?
3 Sfortunatament, l-ewwel ġenituri tagħna għażlu minn jeddhom li jirribellaw kontra l-awtorità tal-Ħallieq Sovran tagħhom, il-Fuħħari l-Kbir. Il-korsa tagħhom saret bħalma huwa deskritt f’Isaija 29:15, 16: “Ħażin għal dawk li jaħbu fil-fond fehmithom lill-Mulej, li għemilhom jinsab fid-dlam u jgħidu: ‘Min se jarana? Min se jagħrafna?’ . . . Jaqaw il-fuħħari jitqies bħat-tafal, biex ix-xogħol jgħid fuq min għamlu: ‘M’hux hu għamilni!’ u l-fuħħar jgħid fuq il-fuħħari: ‘Ma jifhimx!’?” Ir-ras iebsa tagħhom ġabet diżastru—is-sentenza taʼ mewt eterna. Iktar minn hekk, ir-razza umana kollha li ħarġet minnhom wirtet id-dnub u l-mewt. (Rumani 5:12, 18) Il-ġmiel tal-ħolqien li għamel il-Fuħħari l-Kbir safaʼ rrovinat.
4. Għal liema skop taʼ ġieħ nistgħu aħna naqdu?
4 Madankollu, saħansitra fl-istat imperfett preżenti tagħna, aħna d-dixxendenti taʼ Adam nistgħu nfaħħru lil Jehovah fil-kliem taʼ Salm 139:14: “Nroddlok ħajr, għax b’mod taʼ l-għaġeb għamiltni: taʼ l-għaġeb huma l-għemejjel tiegħek. U ’l ruħi inti tafha tajjeb.” Iżda, x’ħasra li x-xogħol oriġinali taʼ idejn il-Fuħħari l-Kbir ġie rrovinat b’dan il-mod!
Il-Fuħħari Jestendi x-Xogħol Tiegħu
5. Il-ħila tal-Fuħħari l-Kbir kif kellha tiġi eżerċitata?
5 B’xorti tajba, il-ħila tal-Ħallieq tagħna bħala Fuħħari ma kinitx se tiġi eżerċitata biss sabiex jifforma l-ħolqien inizjali taʼ l-umanità. L-appostlu Pawlu jgħidilna: “Ja bniedem, int min int biex teħodha maʼ Alla? Forsi l-fuħħar jeħodha kontra l-ħaddiem u jgħidlu: ‘Għaliex għamiltni hekk?’ Ma jistax il-ħaddiem tal-fuħħar jagħmel mit-taħlita tat-tafal oġġett taʼ ġieħ jew oġġett taʼ għajb?”—Rumani 9:20, 21.
6, 7. (a) Ħafna llum kif jagħżlu li jiġu msawrin għall-għajb? (b) Il-ġusti kif jiġu msawrin għal użu “taʼ ġieħ”?
6 Iva, xi ftit mix-xogħol tal-Fuħħari l-Kbir se jiġi msawwar għal użu taʼ ġieħ, u xi ftit minnu, għal użu taʼ għajb. Dawk li jagħżlu li jaqblu maʼ din id-dinja hekk kif din togħdos iktar u iktar fil-ħama tal-ħażen, jiġu msawrin b’tali mod li se jimmarkahom għall-qerda. Meta s-Sultan glorjuż, Kristu Ġesù, jiġi biex jagħmel il-ħaqq, dawn l-oġġetti taʼ għajb se jinkludu lil dawk il-bnedmin stinati kollha bħal mogħoż li, bħalma jistqarr Mattew 25:46 (KŻ), se ‘jmorru fil-kastig taʼ dejjem.’ Imma dawk bħal nagħaġ li huma “l-ġusti,” dawk imsawrin għal użu taʼ “ġieħ,” se jirtu l-“ħajja taʼ dejjem.”
7 Bl-umiltà kollha, dawn il-ġusti se jkunu ssottomettew ruħhom għal tiswir divin. Dawn daħlu fil-mod taʼ ħajja t’Alla. Huma aċċettaw il-parir misjub fl-1 Timotju 6:17-19: ‘Tqegħdux it-tama tagħkom f’għana li ma tistax torbot fuqu, imma . . . ittamaw f’Alla li jagħtina kollox bix-xabaʼ biex ingawdu bih.’ Dawn għamlu ħilithom kollha biex “jagħmlu l-ġid, jistagħnu b’opri tajba, li jkunu ġenerużi u jaqsmu maʼ oħrajn. Hekk ikunu qegħdin jaħżnu għalihom infushom teżor sabiħ għal li ġej, biex bih jiksbu l-ħajja, il-ħajja vera.” Huma jiġu msawrin mill-verità divina u jeżerċitaw fidi li ma titħarrikx fil-provvediment taʼ Jehovah permezz taʼ Kristu Ġesù, li “ta lilu nnifsu bħala prezz tal-fidwa għal kulħadd” sabiex jirrestawra dak kollu li ntilef minħabba d-dnub taʼ Adam. (1 Timotju 2:6) Mela, kemm għandna għalfejn nissottomettu ruħna minn jeddna għall-parir taʼ Pawlu biex ‘nilbsu l-bniedem il-ġdid, li jiġġedded [hu msawwar] dejjem skond ix-xbiha taʼ min ħalqu u jikber fl-għerf!’—Kolossin 3:10.
X’Tip taʼ Reċipjent se Tkun Int?
8. (a) X’inhu li jiddetermina t-tip taʼ reċipjent li persuna ssir? (b) Liema żewġ fatturi jifformaw kif jiġi msawwar dak li jkun?
8 X’inhu li jiddetermina t-tip taʼ reċipjent li persuna ssir? L-attitudni u l-kondotta tagħha? Dawn jiġu fformati l-ewwel mix-xewqat u l-inklinazzjonijiet tal-qalb. L-għaref Sultan Salamun qal: “Qalb il-bniedem taħseb fuq triqtu; iżda l-Mulej imexxilu riġlejh.” (Proverbji 16:9, KŻ) It-tieni, dawn jiġu fformati minn affarijiet li nkunu smajna jew rajna, sħubijiet u esperjenzi. Għalhekk, kemm hu importanti li nagħtu kas tal-parir: “Min jagħmilha maʼ l-għaref, isir għaref, min imur mal-boloh, jaqaʼ fl-hemm.” (Proverbji 13:20) Bħalma jwissina t-2 Pietru 1:16, aħna rridu nevitaw li nsegwu “ħrejjef maħluqa minn moħħna,” jew skond Il-Bibbja taʼ Saydon “ħrejjef minsuġin bil-għaqal.” Dawn jinkludu ħafna mit-tagħlim u l-festi tal-Kristjaneżmu apostat.
9. Kif nistgħu nwieġbu b’mod favorevoli għat-tiswir tal-Fuħħari l-Kbir?
9 Skond kif inwieġbu, imbagħad, Alla jkun jistaʼ jsawwarna. Nistgħu bl-umiltà kollha ntennu quddiem Jehovah din it-talba taʼ David: “Għarbilni, o Alla, u għaraf qalbi; iflini, u kun af ħsibijieti. Ara iniex miexi fi triq ħażina, u mexxini fit-triq taʼ dejjem.” (Salm 139:23, 24) Jehovah qed iġiegħel li jixxandar il-messaġġ tas-Saltna. Qlubna wieġbu b’apprezzament għall-aħbar tajba u għal iktar gwida mingħandu. Permezz taʼ l-organizzazzjoni tiegħu hu jestendilna diversi privileġġi relatati maʼ l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba; ejjew naqbduhom sew u ngħożżuhom.—Filippin 1:9-11.
10. Kif għandna nitħabtu biex insegwu l-programmi spiritwali?
10 Huwa verament importanti li noqogħdu attenti l-ħin kollu għall-Kelma t’Alla, billi kuljum insegwu programm taʼ qari mill-Bibbja u nagħmlu l-Iskrittura u s-servizz taʼ Jehovah bażi għal diskussjoni fil-familji tagħna u maʼ ħbiebna. Il-programm taʼ qima taʼ kull fil-għodu fil-ħin tal-kolazzjon f’kull familja Betel u grupp missjunarju tax-Xhieda taʼ Jehovah normalment jinkludi, ġimgħa iva u ġimgħa le, qari fil-qosor mill-Bibbja jew mill-Yearbook taʼ dik is-sena. Jistaʼ jkun hemm arranġament simili fil-familja tiegħek? Barra minn hekk, kemm benefiċċji nirċievu aħna lkoll permezz tas-sħubijiet tagħna fil-kongregazzjoni Kristjana, fil-laqgħat tagħna flimkien, u speċjalment billi nipparteċipaw fl-istudju taʼ kull ġimgħa tat-Torri taʼ l-Għassa!
Imsawrin biex Ikampaw mal-Provi
11, 12. (a) Kif nistgħu napplikaw il-parir taʼ Ġakbu rigward il-provi fil-ħajjiet tagħna taʼ kuljum? (b) L-esperjenza taʼ Ġob kif tinkuraġġina biex inżommu l-integrità?
11 Fil-ħajja tagħna taʼ kuljum, Alla jippermetti li jqumu ċerti sitwazzjonijiet, li xi wħud minnhom nistgħu nsibuhom diffiċli. Dawn kif għandna nqisuhom? Bħalma jagħtina l-parir Ġakbu 4:8, ejjew qatt ma nwebbsu qalbna, imma ejjew nersqu qrib lejn Alla, billi nafdaw fih b’qalbna kollha, fiduċjużi li hekk kif aħna ‘nersqu lejh, hu jersaq lejna.’ Veru se jkollna nissaportu tbatijiet u provi, imma dawn jiġu permessi għax jikkontribwixxu għat-tiswir tagħna, b’riżultat hieni. Ġakbu 1:2, 3 jaċċertana: “Ħuti, għoddu kollox b’ferħ meta tħabbtu wiċċkom maʼ kull xorta taʼ tiġrib, għax għandkom tkunu tafu li t-tiġrib tal-fidi tagħkom inissel is-sabar.”
12 Ġakbu jgħid ukoll: “Waqt li tkunu mġarrbin, araw li ħadd ma jgħid: ‘Alla qiegħed iġarrabni’ għax Alla ma jistax jiġġarrab għall-ħażin, u anqas m’hu se jġarrab lil ħadd. Għax kull bniedem imġarrab jinġibed u jitħajjar mill-passjoni tiegħu stess.” (Ġakbu 1:13, 14) Il-provi tagħna jistgħu jkunu ħafna u varjati, imma bħal fil-każ taʼ Ġob, dawn kollha għandhom sehem fit-tiswir tagħna. X’assiguranza grandjuża tagħtina l-Iskrittura f’Ġakbu 5:11: “Dawk li żammew sħiħ sa l-aħħar, araw, aħna nqisuhom bħala hienja. Smajtu bis-sabar taʼ Ġob, u tafu kif bl-għajnuna tal-Mulej hu għalaq jiem ħajtu; għax il-Mulej jaf jagħder, u hu ħanin bil-bosta.” Bħala reċipjenti f’idejn il-Fuħħari l-Kbir, jalla nżommu l-integrità f’kull ħin, bl-istess fiduċja li kellu Ġob fir-riżultat!—Ġob 2:3, 9, 10; 27:5; 31:1-6; 42:12-15.
Insawru liż-Żgħażagħ Tagħna
13, 14. (a) Il-ġenituri meta għandhom jibdew isawru lit-tfal tagħhom, u b’liema riżultat aħħari ġo moħħhom? (b) Liema riżultati henjin tistaʼ ssemmi?
13 Il-ġenituri jistgħu jieħdu sehem f’li jsawru liż-żgħażagħ tagħhom, preċiż mindu dawn ikunu trabi, u x’żgħażagħ eċċellenti taʼ integrità jistgħu jsiru dawn fil-futur! (2 Timotju 3:14, 15) Dan ġara saħansitra meta kien hemm provi kbar ħafna. Xi snin ilu, meta l-persekuzzjoni kienet fl-aqwa tagħha f’ċertu pajjiż fl-Afrika, familja taʼ min jafdaha ħadet ħsieb l-istampar bil-moħbi taʼ It-Torri taʼ l-Għassa f’kamra li kellhom fil-bitħa fuq wara tad-dar. Darba waħda, xi suldati ntlemħu neżlin mit-triq ifittxu minn dar għal dar għal irġiel żgħażagħ biex jingaġġawhom fl-armata. Iż-żewġ żgħażagħ taʼ din il-familja kellhom ċans biżżejjed biex jinħbew kieku riedu, imma t-tfittxija mis-suldati kienet tirriżulta fis-sejba tal-magna taʼ l-istampar. Dan setaʼ jwassal għat-tortura jew possibbilment għall-qtil tal-familja kollha. X’setaʼ jsir? Iż-żewġ żgħażagħ ħadu l-waqfa, billi ċċitaw Ġwann 15:13: “Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu.” Huma nsistew li joqogħdu fis-salott. Is-suldati kienu se jsibuhom hemmhekk u bla dubju jissuġġettawhom għal tortura krudila jew saħansitra joqtluhom meta huma jirrifjutaw li jiġu ngaġġati. Imma mbagħad dawn ma kinux se jkomplu jfittxu. Il-magna taʼ l-istampar u l-membri l-oħrajn tal-familja kienu se jiġu skansati. Kien hemm, madankollu, riżultat sorprendenti. Is-suldati attwalment qabżuha lil din id-dar, u baqgħu sejrin fi djar oħrajn! Dawn ir-reċipjenti umani msawrin għal użu taʼ ġieħ salvaw, flimkien mal-magna taʼ l-istampar, biex ikomplu jistampaw l-ikel spiritwali f’waqtu. Wieħed minn dawn iż-żewġ żgħażagħ u oħtu qegħdin issa jaqdu fil-Betel; u hu għadu jħaddem l-istess magna qadima taʼ l-istampar.
14 Iż-żgħar jistgħu jiġu mgħallmin kif jitolbu, u Alla jwieġbu t-talb tagħhom. Esperjenza li tispikka taʼ dan seħħet matul il-massakri fl-Irwanda. Meta r-ribelli kienu lesti biex joqtlu lil waħda tifla taʼ sitt snin flimkien mal-ġenituri tagħha permezz taʼ hand grenade, it-tifla talbet b’leħen għoli u bil-ħeġġa biex jinħelsu ħalli jkunu jistgħu jkomplu jaqdu lil Jehovah. Dawk li kienu se joqtluhom tqanqlu biex jeħilsuhom, u qalu, “Ma nistgħux noqtlukom minħabba din in-naqra taʼ tifla.”—1 Pietru 3:12.
15. Pawlu wissa dwar liema influwenzi li jikkorrompu?
15 Il-biċċa l-kbira taż-żgħażagħ tagħna forsi ma jħabbtux wiċċhom maʼ sitwazzjonijiet diffiċli bħal dawn deskritti hawn fuq, imma hemm ħafna provi li huma jiffaċċjaw fl-iskola u fis-soċjetajiet korrotti tal-lum: kliem ħażin, pornografija, divertiment baxx, u pressjoni minn dawk taʼ mparhom biex jieħdu sehem fi prattiċi ħżiena li qegħdin dejjem jiżdiedu f’ħafna postijiet. L-appostlu Pawlu wissa ripetutament kontra dawn l-influwenzi.—1 Korintin 5:6; 15:33, 34; Efesin 5:3-7.
16. Wieħed kif jistaʼ jsir reċipjent għal użu taʼ ġieħ?
16 Wara li rrefera għal reċipjenti miżmumin “xi wħud . . . għal għan taʼ ġieħ, oħrajn għal għan bla ġieħ,” Pawlu jgħid: “Jekk wieħed jissaffa minn dawn il-ħwejjeġ, huwa jsir biċċa tagħmir [“reċipjent,” NW] għal għan taʼ ġieħ, tagħmir [“reċipjent,” NW] imqaddes, taʼ siwi għal sidu, mħejji għal kull għemil tajjeb.” Għalhekk, ejjew ninkuraġġixxu liż-żgħażagħ tagħna biex joqogħdu attenti maʼ min jagħmluha. Ħa ‘jaħarbu l-ġibdiet taż-żgħożija; ifittxu bil-ħerqa s-sewwa, il-fidi, l-imħabba, u s-sliem, flimkien maʼ dawk li jsejħu ’l-Mulej b’qalb safja.’ (2 Timotju 2:20-22) Programm fil-familja biex ‘jibnu lil xulxin’ jistaʼ jkun imprezzabbli f’li jiġu msawrin iż-żgħażagħ tagħna. (1 Tessalonikin 5:11; Proverbji 22:6) Qari taʼ kuljum mill-Bibbja u studju tal-Bibbja permezz taʼ pubblikazzjonijiet addattati tas-soċjetà, jistgħu jkunu t’għajnuna kbira.
Tiswir għal Kulħadd
17. Id-dixxiplina kif issawwarna, u b’liema riżultat taʼ ferħ?
17 Sabiex isawwarna, Jehovah jagħtina parir permezz tal-Kelma tiegħu u permezz taʼ l-organizzazzjoni tiegħu. Qatt m’għandek tirreżisti parir qaddis bħal dan! Wieġeb bil-għaqal għalih, u ħallih jifformak għal użu taʼ ġieħ minn Jehovah. Proverbji 3:11, 12 jagħtina l-parir: “Ibni, tistmerrx it-tagħlim tal-Mulej, u tiddejjaqx bit-twiddib tiegħu, għax il-Mulej iwiddeb lil min iħobb, u jgħakkes ’l ibnu l-maħbub.” Pariri oħrajn taʼ missier huma pprovduti f’Lhud 12:6-11: “Il-Mulej iwiddeb lil min iħobb . . . Tassew li bħalissa kull twiddiba ma tferraħniex, imma tnikkitna; iżda mbagħad, lil dawk li jkunu tħarrġu biha, hija troddilhom il-frott taʼ ħajja mimlija bis-sliem u l-ġustizzja.” Il-mezz prinċipali taʼ komunikazzjoni għal dixxiplina bħal din irid ikun il-Kelma mnebbħa t’Alla.—2 Timotju 3:16, 17.
18. Inkwantu għall-indiema, x’nitgħallmu minn Luqa kapitlu 15?
18 Jehovah hu wkoll mimli ħniena. (Eżodu 34:6) Fejn tintwera ndiema mill-qalb saħansitra għall-iktar dnub serju, hu jestendi l-maħfra. Saħansitra dawk bħall-‘iben il-ħali’ fi żmienna jistgħu jiġu msawrin f’reċipjenti għal użu taʼ ġieħ. (Luqa 15:22-24, 32) Id-dnubiet tagħna għandhom mnejn ma jkunux serji daqs dawk taʼ l-iben il-ħali. Imma l-mod umli kif inwieġbu għall-parir Skritturali dejjem se jwassalna biex niġu msawrin ħalli nsiru reċipjenti għal użu onorabbli.
19. Kif nistgħu nkomplu naqdu bħala reċipjenti taʼ ġieħ f’idejn Jehovah?
19 Meta sirna nafu l-verità għall-ewwel darba, aħna wrejna kemm konna lesti li nħallu lil Jehovah jifformana. Warrabna l-għemejjel tad-dinja, bdejna nilbsu l-personalità l-ġdida, u sirna Kristjani ddedikati u mgħammdin. Obdejna l-parir taʼ Efesin 4:20-24, ‘u nżajna l-bniedem il-qadim, Imħassar bix-xewqa tal-pjaċiri qarrieqa, u lbisna l-bniedem il-ġdid maħluq skond Alla fil-ġustizzja u l-qdusija tassew.’ Jalla nkomplu personalment inkunu aġġustabbli f’idejn il-Fuħħari l-Kbir, Jehovah, billi dejjem naqduh bħala reċipjenti għal użu onorabbli!
Bħala Reviżjoni
◻ X’inhu l-għan tal-Fuħħari l-Kbir inkwantu għall-art tagħna?
◻ Kif tistaʼ int tiġi msawwar għal użu taʼ ġieħ?
◻ It-tfal tagħna b’liema mod jistgħu jiġu msawrin?
◻ Kif għandna nqisu d-dixxiplina?
[Stampa f’paġna 10]
Se tiġi int imsawwar għal użu taʼ ġieħ jew se tiġi rrifjutat?
[Stampa f’paġna 12]
Iż-żgħażagħ jistgħu jiġu msawrin mindu jkunu trabi