Bini fuq Pedamenti Pagani
FOST il-ħafna monumenti impressjonanti li t-turisti jżuru f’Ruma, ġewwa l-Italja, hemm il-Panteon. Dan il-kapulavur taʼ l-arkitettura Rumana huwa wieħed mill-ftit bini li għad fadal hemmhekk li baqaʼ tistaʼ tgħid kif kien fl-antik. Inbeda minn Agrippa madwar is-sena 27 Q.E.K., u reġaʼ nbena mill-ġdid minn Adrijanu madwar is-sena 120 E.K. Ħaġa li tispikka f’din l-istruttura hija l-koppla tiegħu, li għandha dijametru taʼ 43 metru, u kien biss fi żminijiet reċenti li nbena bini li kien iktar wiesaʼ minnha. Oriġinalment, il-Panteon kien tempju pagan, “post għall-allat kollha,” li hija t-tifsira tal-kelma Griega oriġinali. Illum, dan għadu kkunsidrat bħala knisja Kattolika Rumana. Kif kienet possibbli trasformazzjoni sorprendenti bħal din?
Fis-sena 609 E.K., dan it-tempju, li kien ilu snin twal ma jintuża, ġie ddedikat mill-ġdid minn Papa Bonifaċju IV bħala knisja “Kristjana.” Dak iż-żmien kien ngħata l-isem Knisja taʼ Santa Marija Rotunda. Skond artiklu ppubblikat fl-1900 fir-rivista Ġiżwita Taljana La Civiltà Cattolica, l-użu partikulari li Bonifaċju kellu f’moħħu għalih kien biex “jigglorifika flimkien lill-martri kollha taʼ l-isfera Kristjana, jew pjuttost, lill-qaddisin kollha, imma l-ewwel u qabel kollox, lill-Verġni Omm Alla.” L-ismijiet li ngħataw lill-Panteon mill-Knisja Kattolika Rumana llum—Santa Maria ad Martyres, jew inkella Santa Maria Rotunda—jirriflettu din l-intenzjoni mhix skritturali.—Qabbel Atti 14:8-15.
Biex il-Panteon jiġi addattat għall-iskop ġdid tiegħu, “ftit li xejn kien jeħtieġ li jsir,” ikompli l-istess artiklu. “Bonifaċju segwa r-regoli sempliċi u ġenerużi li kien diġà stabbilixxa San Girgor il-Kbir [Papa Gregorju I], il-predeċessur tiegħu, li kien maestro u xempju f’li jaddatta t-tempji pagani għall-użu fil-qima Kristjana.” Dawn x’regoli kienu?
Fis-sena 601 E.K., f’ittra lil missjunarju li kien sejjer fil-Britannja pagana, Gregorju ta din id-direzzjoni: “It-tempji taʼ l-idoli fil-pajjiż imsemmi m’għandhomx jitkissru; imma l-idoli biss li jkun hemm fihom . . . Jekk it-tempji hawn imsemmijin ikunu f’kundizzjoni tajba, ikun jeħtieġ li dawn jinbidlu mill-qima tax-xjaten għas-servizz taʼ dak Alla veru.” L-idea taʼ Gregorju kienet li jekk in-nies pagani jaraw it-tempji li kellhom qabel mhux mittiefsa, ikunu iktar inklinati li jkomplu jiffrekwentawhom. Filwaqt li l-pagani kienu “joqtlu ħafna barrin bħala sagrifiċċji lix-xjaten,” kiteb il-Papa, issa kien ittamat li “ma jibqgħux jissagrifikaw annimali lix-xitan imma joqtluhom biex igawdu minnhom huma stess b’tifħir lil Alla.”
Il-Kattoliċiżmu Ruman “irribatta” wkoll il-qima pagana billi fil-viċinanza taʼ dawk li qabel kienu t-tempji tagħhom, waqqaf knejjes iddedikati lil patruni “Kristjani.” Ġew adottati ċelebrazzjonijiet antiki, u dawn ngħataw sinjifikat “Kristjan.” Biex nesprimuha bil-kliem li wżat La Civiltà Cattolica: “Il-fatt li xi wħud mid-drawwiet u l-osservanzi reliġjużi tal-Kristjani bikrin kienu relatati mill-qrib maʼ ċerti prattiċi u modi pagani huwa magħruf mill-istudjużi kollha tal-lum. Kienu prattiċi għeżież wisq għan-nies, drawwiet li l-għeruq tagħhom kienu niżlu fil-fond wisq u kienu saru parti integrali mill-ħajja pubblika u privata tad-dinja tal-qedem. Ommna l-knisja, tant ġeneruża u għarfa, ma kinitx temmen li kien jeħtiġilha teqridhom għalkollox; minflok, billi ttrasformathom f’sens Kristjan, u elevathom lejn nobbiltà ġdida u ħajja ġdida, hi ddominat fuqhom b’mezzi li kienu potenti imma mhux ħorox, sabiex b’hekk tirbaħ, mingħajr ma tqajjem għagħa, l-erwieħ kemm tan-nies komuni u kemm taʼ dawk taʼ klassi għolja.”
Eżempju wieħed li hu magħruf sew taʼ adozzjoni taʼ festa pagana, m’għandniex xi ngħidu, hu dak tal-Milied. Fil-fatt, il-25 taʼ Diċembru kienet id-data li fiha r-Rumani tal-qedem kienu josservaw id-dies natalis Solis Invicti, jiġifieri, “għeluq snin ix-xemx invinċibbli.”
Għalhekk, bl-isforzi tagħha biex tirbaħ il-qlub pagani, il-knisja ma żammitx mal-verità. Hi ġġustifikat il-prattika tas-sinkretiżmu, jiġifieri li jiġu assorbiti twemmin u prattiċi pagani li kienu “għeżież għall-massa.” Ir-riżultat kien knisja ibrida u apostata, li kienet tbiegħdet ferm mit-tagħlim tal-Kristjanità vera. Meta wieħed iqis dan kollu, forsi m’huwiex daqshekk sorprendenti li dak li qabel kien tempju Ruman iddedikat lill-“allat kollha”—il-Panteon—sar knisja Kattolika Rumana ddedikata lil Marija u lill-“qaddisin” kollha.
Madankollu, għandha tkun ħaġa ovvja illi bidla fid-dedikazzjoni taʼ tempju jew fl-isem taʼ ċelebrazzjoni m’hijiex biżżejjed biex tittrasforma l-‘qima tax-xjaten fis-servizz taʼ dak Alla veru.’ “X’rabta hemm bejn it-tempju taʼ Alla maʼ l-idoli?” staqsa l-appostlu Pawlu. “Oħorġu minn ġo nofshom, u nfirdu minnhom, jgħid il-Mulej; la tmissux l-imniġġes, u jien nilqagħkom; u nkun għalikom missier u intom tkunu għalija wlied, subjien u bniet, jgħid il-Mulej, li jistaʼ kollox.”—2 Korintin 6:16-18.