LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 3/15 pp. 26-28
  • Rashi—Kummentatur Influwenti tal-Bibbja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Rashi—Kummentatur Influwenti tal-Bibbja
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Min Kien Rashi?
  • Għala Kien Meħtieġ Kummentarju?
  • Il-​Mira taʼ Rashi u l-​Metodi li Uża
  • Influwenzat miż-​Żmien li Kien Jgħix fih
  • Kif Irnexxielu Jinfluwenza t-​Traduzzjoni tal-​Bibbja?
  • ll-Ġlieda tal-Bibbja biex Tgħix
    Il-Bibbja—Il-Kelma tʼAlla jew tal-Bniedem?
  • Traduzzjoni tal-Bibbja li Biddlet lid-Dinja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Xi Ngħidu Dwar “Testi taʼ Prova” tat-Trinità?
    Għandek Int Temmen fit-Trinità?
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 3/15 pp. 26-28

Rashi—Kummentatur Influwenti tal-​Bibbja

LIEMA kien wieħed mill-​ewwel kotba li qatt ġew stampati bl-​Ebrajk? Kien kummentarju fuq il-​Pentatewku (il-ħames kotba taʼ Mosè). Dan ġie ppubblikat f’Reggio Calabria, l-​Italja, fl-​1475. U l-​kittieb? Raġel magħruf bħala Rashi.

X’jistaʼ jkun hemm speċjali f’kummentarju biex jingħata daqstant unur? Fil-​ktieb tiegħu Rashi​—The Man and His World, Esra Shereshevsky jgħid li l-​kummentarju taʼ Rashi “sar test bażiku ġewwa d-​dar Ebrajka u fid-​dar taʼ l-​istudju. L-​ebda xogħol ieħor taʼ letteratura Ebrajka ma qatt ġie mogħti daqstant kritika letterarja . . . Jeżistu iktar minn 200 kummentarju supplimentarji li jittrattaw direttament fuq il-​kummentarju taʼ Rashi dwar il-​Pentatewku.”

Kienu l-​Lhud biss li ġew effettwati mill-​kummentarju taʼ Rashi? Għalkemm ħafna ma jirrealizzawx, il-​kummentarju taʼ Rashi fuq l-​Iskrittura Ebrajka influwenza traduzzjonijiet tal-​Bibbja għal sekli sħaħ. Imma Rashi min kien, u kif irnexxielu jsir daqstant influwenti?

Min Kien Rashi?

Rashi twieled Troyes, fi Franza, fis-​sena 1040.a Meta kien żagħżugħ, attenda akkademji reliġjużi Lhud f’Worms u Mainz fir-​Rhineland. Hemmhekk studja għand uħud mill-​iktar studjużi prominenti Lhud fl-​Ewropa. Meta kellu madwar 25 sena, iċ-​ċirkustanzi persunali tiegħu ġegħluh jirritorna lejn Troyes. Peress li diġà kien magħruf bħala studjuż mill-​aqwa, Rashi malajr sar il-​mexxej reliġjuż tal-​komunità Lhudija lokali u stabbilixxa l-​akkademja reliġjuża tiegħu stess. Maż-​żmien, dan iċ-​ċentru ġdid taʼ tagħlim Lhudi sar saħansitra iktar influwenti minn dak taʼ l-​għalliema taʼ Rashi fil-​Ġermanja.

Dakinhar il-​Lhud fi Franza kienu fil-​paċi u jaqblu mhux ħażin mal-​ġirien tagħhom li kienu jistqarru li huma Kristjani. Għaldaqstant Rashi kellu iktar libertà biex javanza ’l quddiem fl-​istudji tiegħu. Madankollu, ma kienx xi studjuż maqtugħ mis-​soċjetà. Minkejja l-​prestiġju li kellu bħala għalliem u kap taʼ l-​akkademja, Rashi kien jaqlaʼ l-​għajxien tiegħu billi jagħmel l-​inbid. Dan l-​għarfien mill-​qrib li kellu tas-​snajjaʼ għenu jibqaʼ qrib mal-​Lhud komuni, u b’hekk jifhem iċ-​ċirkustanzi tagħhom u jagħdirhom. Il-​post fejn kien jinsab Troyes ukoll għen lil Rashi fl-​għarfien li kellu. Peress li kienet tinsab qalb rotot ewlenin tal-​kummerċ, il-​belt kienet isservi bħala ċentru kosmopolitan, u dan għen lil Rashi jsir midħla sew tal-​manjieri u d-​drawwiet taʼ diversi pajjiżi.

Għala Kien Meħtieġ Kummentarju?

Il-​Lhud kienu magħrufin bħala n-​nies tal-​ktieb. Imma “l-​ktieb”​—il-​Bibbja—​kien bl-​Ebrajk, u “n-​nies” issa kienu saru jitkellmu bil-​Franċiż, bil-​Ġermaniż, bl-​Għarbi, bl-​Ispanjol, u b’ruxxmata oħra taʼ lingwi. Għalkemm il-​biċċa l-​kbira tal-​Lhud xorta kienu jitgħallmu l-​Ebrajk minn ċkunithom, dawn ma kinux jifhmuhom ċar ċerti termini Bibliċi. Flimkien maʼ dan, għal sekli sħaħ kien hemm tendenza qawwija ġewwa l-​Ġudaiżmu rabbiniku li skuraġġiet lin-​nies milli jeżaminaw it-​tifsira letterali tat-​test Bibliku. Allegoriji u leġġendi relatati maʼ kliem u versi Bibliċi saru komuni ħafna. Ħafna kummenti u stejjer bħal dawn ġew iddokumentati f’għadd kbir taʼ kotba, imsejħin b’mod kollettiv il-​Midrash.b

Bin it-​tifla taʼ Rashi, Rabbi Samwel ben Meir (Rashbam), kien ukoll studjuż tal-​Bibbja. Fil-​kummentarju tiegħu dwar Ġenesi 37:2, hu qal li “l-​kummentaturi l-​antiki [taʼ qabel Rashi] . . . kellhom it-​tendenza li jagħmlu l-​priedki (derashot), u kienu jqisuhom bħala l-​iktar objettiv importanti, [imma] ma kinux imdorrijin iħaffru fil-​fond għat-​tifsira letterali tat-​test Bibliku.” Dwar din it-​tendenza, Dr. A. Cohen (l-editur ewlieni tas-​Soncino Books of the Bible) jikteb: “Huwa minnu li r-​Rabbini imponew regola li l-​ebda interpretazzjoni ma kellha tiġi aċċettata jekk din ma tkunx kompatibbli mal-​peshat jew it-​tifsira ovvja tat-​test; imma fil-​prattika ftit li xejn kienu jagħtu kasha din ir-​regola.” F’ambjent reliġjuż bħal dan, il-​Lhudi komuni kien iħossu mifxul meta jaqra t-​test Bibliku u kien iħoss il-​bżonn taʼ xi ħaġa oħra biex tfehmu aħjar.

Il-​Mira taʼ Rashi u l-​Metodi li Uża

Il-​mira li Rashi minn dejjem kellu kienet li t-​test taʼ l-​Iskrittura Ebrajka jkun jinftiehem mil-​Lhud kollha. Biex iwettaq dan, beda jiġbor diversi kotba mimlijin kummenti fuq kliem u versi speċifiċi li kien iħosshom xi ftit diffiċli għall-​qarrej. In-​noti taʼ Rashi jsemmu l-​ispjegazzjonijiet taʼ l-​għalliema tiegħu u jisiltu mill-​għarfien vast li kellu dwar kull qasam tal-​letteratura rabbinika. Fir-​riċerka lingwistika, Rashi fittex kemm felaħ f’kull rokna li kienet teżisti. Hu ġibed l-​attenzjoni lejn kif il-​punteġġatura li wżaw il-​Masoreti teffettwa l-​fehma testwali. Sabiex jiċċara t-​tifsira taʼ xi kelma, il-​kummentarju tiegħu dwar il-​Pentatewku taʼ spiss jirreferi għat-​traduzzjoni Aramajka (it-Targum taʼ Onkelos). Rashi wera flessibiltà u inġenwità hekk kif eżamina possibbiltajiet li ħadd qatt ma kien esplorahom qabel sabiex jispjega prepożizzjonijiet, konġunzjonijiet, tifsiriet tal-​verb, u aspetti oħrajn tal-​grammatika u s-​sintassi. Kummenti bħal dawn kienu għajnuniet imprezzabbli sabiex jiġu mifhuma s-​sintassi u l-​grammatika tal-​lingwa Ebrajka.

B’kuntrast mat-​tendenza dominanti fil-​Ġudaiżmu rabbiniku, Rashi dejjem ra kif jenfasizza t-​tifsira sempliċi u letterali taʼ xi test partikulari. Imma l-​letteratura vasta tal-​Midrash, tant popolari mal-​Lhud, ma setgħetx tiġi injorata. Fattur li jispikka fil-​kummentarju taʼ Rashi huwa l-​mod kif joħloq konnessjoni maʼ l-​istess kitbiet tal-​Midrash li taʼ spiss kienu jkunu huma stess li ċajpru t-​tifsira letterali tat-​test Bibliku.

Fil-kumment tiegħu dwar Ġenesi 3:​8, Rashi jispjega: “Insibu ħafna midrashim aggadiċic li l-​Għorrief tagħna diġà ġabruhom kif jixraq fil-​Bereshit Rabbah u f’antaloġiji oħrajn tal-​Midrash. Jien, madankollu, jimpurtani esklussivament mit-​tifsira ċara u tonda (peshat) tal-​vers, u minn dawk l-​aggadot li jispjegaw ir-​rakkont Skritturali fil-​kuntest tiegħu.” Billi għażel u editja biss dawk il-​midrashim li fl-​opinjoni tiegħu kienu jgħinu biex jiċċaraw it-​tifsira jew il-​kuntest taʼ xi vers, Rashi ħalla barra, jew eskluda, dawk il-​midrashim li qajmu kontradizzjonijiet u konfużjoni sħiħa. Bis-​saħħa taʼ dan l-​editjar, l-​iktar kitbiet tal-​Midrash li saru familjari magħhom il-​ġenerazzjonijiet futuri tal-​Lhud kienu dawk l-​għażliet taʼ prima klassi li kien għamel Rashi.

Filwaqt li Rashi kien ifaħħar lill-​għalliema tiegħu b’idu miftuħa, ma kienx joqgħod jaħsibha darbtejn biex jgħid tiegħu meta kien iħoss li l-​ispjegazzjonijiet tagħhom kienu jikkontradixxu r-​raġunar ovvju fuq xi test. Meta ma kienx jifhem xi passaġġ minnhom jew kien iħoss li iktar kmieni kien spjegah ħażin, hu kien ikun lest li jammettih dan, u saħansitra kien isemmi każijiet fejn l-​istudenti tiegħu għenuh jikkoreġi l-​fehma li kellu.

Influwenzat miż-​Żmien li Kien Jgħix fih

Rashi kien tassew bniedem aġġornat maż-​żminijiet li kien jgħix fihom. Wieħed kittieb esprima ruħu b’dan il-​mod: “Il-​kontribut kbir [taʼ Rashi] lill-​ħajja Lhudija kien ir-​riinterpretazzjoni tiegħu tal-​passaġġi rilevanti kollha fil-​lingwa mitkellma taʼ dakinhar, u dan għamlu b’lingwaġġ tant ċar u li jiftiehem, b’tant tenerezza u umanità, b’tant sengħa u abbiltà tat-​tagħlim mhux tas-​soltu, li l-​kummentarji tiegħu saru meqjusa sagrosanti bħala skrittura u mgħożża bħala letteratura. Rashi kien jikteb bl-​Ebrajk b’astuzja u bi stil, daqs li kieku kien qed jikteb bil-​Franċiż. Meta ma kienx isib il-​kelma Ebrajka eżatta, hu kien juża kelma Franċiża minflok, u jispelliha b’ittri Ebrajċi.” Dawn it-​trasliterazzjonijiet bil-​Franċiż​—Rashi uża iktar minn 3,500 waħda minn dawn—​saru sors imprezzabbli għal dawk li jistudjaw il-​filoloġija u l-​pronunzja tal-​lingwa Franċiża fl-​antik.

Għalkemm il-​ħajja taʼ Rashi bdiet f’ambjent relattivament trankwill, iktar tard fis-​snin hu ra tensjoni li dejjem tiżdied bejn il-​Lhud u dawk li kienu jgħidu li huma Kristjani. Fl-​1096 l-​Ewwel Kruċjata ġabet ħerba fost il-​komunitajiet Lhud tar-​Rhineland, fejn kien studja Rashi. Eluf taʼ Lhud ġew immassakrati. Milli jidher l-​aħbar taʼ dawn il-​massakri effettwaw bl-​ikrah is-​saħħa taʼ Rashi (li baqgħet sejra lura sakemm miet fl-​1105). Minn dakinhar ’il quddiem, saret bidla sinjifikanti fil-​kummentarji tiegħu dwar l-​Iskrittura. Eżempju wieħed li jispikka huwa Isaija kapitlu 53, li jitkellem dwar il-​qaddej taʼ Jehovah li kien qiegħed ibati. Iktar kmieni, Rashi kien applika dawn it-​testi għall-​Messija, bħalma jagħmel it-​Talmud. Imma donnu jidher li wara l-​Kruċjati sar jaħseb li dawn il-​versi kienu japplikaw għall-​poplu Lhudi, li kien ħabbat wiċċu maʼ sofferenza inġusta. Minn dakinhar il-​folja nqalbet inkwantu għall-​interpretazzjoni Lhudija taʼ dawn it-​testi.d B’hekk, l-​aġir xejn kristjan tal-​Kristjaneżmu kien qiegħed idawwar lil ħafna, inkluż Lhud, lil hinn mill-​verità dwar Ġesù.—Mattew 7:16-20; 2 Pietru 2:1, 2.

Kif Irnexxielu Jinfluwenza t-​Traduzzjoni tal-​Bibbja?

L-​influwenza li ħalla Rashi malajr inħasset barra l-​Ġudaiżmu. Il-​Franġiskan Franċiż u kummentatur tal-​Bibbja Nicholas taʼ Lyra (1270-1349) tant kien jirreferi għall-​opinjonijiet taʼ “Rabbi Salamun [Rashi]” li tlaqqam “ix-​Xadin taʼ Salamun.” Suċċessivament, ħafna kummentaturi u tradutturi ġew influwenzati minn Lyra, inkluż il-​predeċessuri tat-​tradutturi tal-​King James Version Ingliża u r-​riformatur Martinu Luteru, li ta ħajja ġdida lit-​traduzzjoni tal-​Bibbja fil-​Ġermanja. Luteru tant kien joqgħod fuq li kien jgħid Lyra li kien hemm taqbila tgħid hekk: “Li kieku Lyra ma daqqx il-​lira, Luteru ma kienx jiżfen.”

Rashi kien jinfluwenza ruħu ħafna bil-​ħsibijiet rabbiniċi li m’humiex fi qbil mal-​verità Kristjana. Madankollu, bid-​dehen profond li kellu fuq it-​termini, is-​sintassi, u l-​grammatika taʼ l-​Ebrajk Bibliku u l-​isforz kontinwu biex jagħraf it-​tifsira sempliċi u letterali tat-​test, Rashi jipprovdi sors sinjifikanti taʼ paragun għar-​riċerkaturi u t-​tradutturi tal-​Bibbja.

[Noti taʼ taħt]

a “Rashi” hija akronim Ebrajka, ifformata mill-​ewwel ittri tal-​kelmiet “Rabbi Shlomo Yitzḥaqi [Rabbi Salamun bin Iżakk].”

b Il-kelma “Midrash” ġejja minn għerq Ebrajk li jfisser “li tfittex, tistudja, tinvestiga,” u timplika wkoll “li tippriedka.”

c Aggadah (plural aggadot) tfisser letteralment “narrazzjoni” u tirreferi għall-​elementi mhux legali fil-​kitbiet rabbiniċi, li taʼ spiss kienu jinvolvu ġrajjiet mhux Bibliċi dwar karattri Bibliċi jew leġġendi rigward xi rabbini.

d Għal iktar tagħrif fuq dan il-​passaġġ Skritturali, ara l-​kaxxa “My Servant”​—Who Is He?, f’paġna 28 tal-​browxer Will There Ever Be a World Without War?, ippubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 26]

Test: Per gentile concessione del Ministero dei Beni Culturali e Ambientali

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja