‘F’Perikli fil-Baħar’
FID-DALMA tal-lejl, bastiment tal-qlugħ li kien qed iġorr 276 ruħ joqrob lejn gżira fil-Mediterran. L-ekwipaġġ u l-passiġġieri huma għajjenin wara 14-il jum jitqallbu ’l hemm u ’l hawn fil-maltemp. Malli maż-żerniq jaraw bajja, huma jipprovaw itellgħu l-ġifen l-art. Imma l-pruwa teħel tant li ma tistaʼ tinqalaʼ b’xejn, u l-mewġ ifarrak il-poppa f’elf biċċa. Dawk kollha li kien hemm abbord jabbandunaw il-ġifen u jirnexxilhom jaslu sax-xtut taʼ Malta bl-għawm jew billi jżommu maʼ xi twavel jew affarijiet oħrajn. Kesħin silġ u għajjenin mejta, jitħabtu biex joħorġu mill-ħalel qawwijin. Fost il-passiġġieri hemm l-appostlu Kristjan Pawlu. Qiegħed jittieħed lejn Ruma biex jgħaddi ġuri.—Atti 27:27-44.
Għal Pawlu, in-nawfraġju fil-gżira taʼ Malta ma kienx l-ewwel episodju li pperikolalu ħajtu waqt li kien qed ibaħħar. Ftit snin qabel, kiteb: “Tliet darbiet rajt l-għarqa; għaddejt lejl u jum f’nofs taʼ baħar.” Hu żied li kien għadda minn “perikli fil-baħar.” (2 Korintin 11:25-27) L-ivvjaġġar bil-baħar kien għen lil Pawlu jwettaq l-irwol mogħti lilu minn Alla bħala “appostlu tal-ġnus.”—Rumani 11:13, Saydon.
Imma fil-fatt kemm kien estensiv l-ivvjaġġar bil-baħar fl-ewwel seklu? Liema sehem kellu f’li tinfirex il-Kristjanità? Kemm kien perikoluż? Liema tip taʼ bastimenti kienu jintużaw? U l-passiġġieri liema tip taʼ akkomodazzjoni kien ikollhom?
Għala Ruma Kienet Teħtieġ il-Kummerċ Marittimu
Ir-Rumani kienu jsejħu ’l-Mediterran Mare Nostrum—Il-Baħar Tagħna. Kienet ħaġa vitali għal Ruma li jkollha kontroll fuq ir-rotot tan-navigazzjoni, u dan mhux biss għal raġunijiet militari. Ħafna bliet taʼ l-Imperu Ruman kienu portijiet jew inkella kienu moqdijin minnhom. Per eżempju, Ruma kellha l-port tagħha f’Ostja, belt fil-qrib, filwaqt li Korintu kienet tuża l-port taʼ Lekew u taʼ Kenkri, u Antjokja tas-Sirja kienet moqdija mill-port taʼ Selewċja. Konnessjonijiet marittimi tajbin bejn dawn il-portijiet kienu jassiguraw komunikazzjoni fi żmien qasir maʼ bliet ewlenin u għamluha iktar faċli li l-provinċji Rumani jkollhom amministrazzjoni effettiva.
Ruma kienet tiddependi wkoll fuq l-industrija marittima għall-provvista taʼ l-ikel tagħha. Billi kellha popolazzjoni taʼ madwar miljun ruħ, Ruma kienet teħtieġ kwantità enormi taʼ qamħ—bejn 250,000 u 400,000 tunnellata fis-sena. Minn fejn kien jiġi dak il-qamħ kollu? Ġużeppi Flavju jikkwota lil Erodi Agrippa II, li rrimarka li l-Afrika taʼ fuq kienet titmaʼ lil Ruma għal tmien xhur mis-sena, filwaqt li l-Eġittu kien jibgħat biżżejjed qamħ biex jipprovdi għall-belt għall-erbaʼ xhur l-oħrajn. Eluf taʼ bastimenti li jbaħħru fit-tul kienu involuti f’li jissupplixxu l-qamħ lil din il-belt.
Il-kummerċ marittimu, li kien dejjem qed jiżdied, kien jissupplixxi kull tip taʼ merkanzija, minħabba li r-Rumani kienu jħobbuh ħafna l-lussu. Il-minerali, il-ġebel, u l-irħam kienu jintbagħtu bil-baħar minn Ċipru, mill-Greċja, u mill-Eġittu, u l-injam żmarrat kien jinġieb mil-Libanu. L-inbid kien jiġi minn Żmirna, il-ġewż minn Damasku, u t-tamar mill-Palestina. L-ingwenti u l-lastku kienu jitgħabbew miċ-Ċiliċja, is-suf minn Miletu u Laodiċija, it-tessuti mis-Sirja u l-Libanu, u l-porpra minn Tir u Sidon. Iż-żebgħa kienet tintbagħat minn Tijatira u l-ħġieġ minn Lixandra u minn Sidon. Il-ħarir, il-qoton, l-avorju, u l-ħwawar kienu jimportawhom miċ-Ċina u mill-Indja.
X’jistaʼ jingħad dwar il-bastiment li għereq f’Malta b’Pawlu abbord? Kien bastiment tal-qamħ, “ġifen minn taʼ Lixandra li kien sejjer l-Italja.” (Atti 27:6; ara n-nota taʼ taħt fin-NW) Il-flotot tal-qamħ kienu propjetà privata taʼ sidien Griegi, Feniċi, u Sirjani u kienu kkmandati u armati minnhom. Madankollu, il-bastimenti kienu mikrijin mill-Istat. “L-istess bħal fil-każ tal-ġbir tat-taxxi,” jgħid l-istorjografu William M. Ramsay, “il-gvern kien isibha iktar faċli li jagħti x-xogħol lill-kuntratturi milli jorganizza hu stess is-sistema enormi taʼ nies u tagħmir meħtiġin għal dan is-servizz hekk importanti.”
Pawlu temm il-vjaġġ tiegħu lejn Ruma fuq bastiment li kellu x-xbieha tad-“Dijoskuri.” Dan ukoll kien bastiment taʼ Lixandra. Waqaf f’Putijoli, fil-Golf taʼ Napli, il-port fejn normalment il-flotot tal-qamħ kienu jħottu. (Atti 28:11-13) Minn Putijoli—Pozzuoli tal-lum—it-tagħbija kienet tinġarr fuq l-art jew inkella tiġi ttrasportata fuq bastimenti iżgħar li kienu jbaħħru mal-kosta lejn it-tramuntana u mbagħad mix-Xmara Tiber, ’il fuq lejn il-qalba taʼ Ruma.
Passiġġieri fuq Bastimenti tat-Tagħbija?
Pawlu u s-suldati li kienu jgħassuh għala vvjaġġaw fuq bastiment tat-tagħbija? Biex inwieġbu din il-mistoqsija, irridu nkunu nafu x’kien ifisser li tivvjaġġa bil-baħar bħala passiġġier dak iż-żmien.
Fl-ewwel seklu E.K., ma kinux jeżistu vapuri tal-passiġġieri. Il-vapuri li kienu jintużaw biex jivvjaġġaw fuqhom kienu vapuri tal-merkanzija. U kull tip taʼ nies—inkluż uffiċjali taʼ l-Istat, nies intellettwali, predikaturi, sħaħar, pitturi, atleti, merkanti, turisti, u pellegrini—x’aktarx li vvjaġġaw fuqhom.
M’għandniex xi ngħidu, kien hemm bastimenti żgħar li kienu jittrasportaw il-passiġġieri u t-tagħbija mal-kosta tal-pajjiż. Pawlu għandu mnejn uża xi bastiment bħal dan biex minn Troas ‘imur il-Maċedonja.’ Għandu mnejn ivvjaġġa fuq iġfna żgħar biex imur Ateni u lura f’iktar minn okkażjoni waħda. Pawlu x’aktarx uża bastimenti żgħar ukoll fil-vjaġġ li għamel iktar tard minn Troas għal Patara, mill-gżejjer taʼ maġenb il-kosta taʼ l-Asja Minuri. (Atti 16:8-11; 17:14, 15; 20:1-6, 13-15; 21:1) L-użu taʼ iġfna żgħar bħal dawn kien jiffranka ħafna ħin, imma dawn ma setgħux joħorġu ’l barra ħafna mill-art. Għalhekk, il-bastimenti li ħadu lil Pawlu sa Ċipru u mbagħad sal-Pamfilja, u dawk li vvjaġġa fuqhom minn Efesu sa Ċesarija u minn Patara sa Tir bilfors li kienu akbar mhux ħażin. (Atti 13:4, 13; 18:21, 22; 21:1-3) Il-ġifen li Pawlu kien fuqu meta esperjenza n-nawfraġju f’Malta x’aktarx li wkoll kien ikkunsidrat bħala wieħed kbir. Kemm setgħu kienu kbar bastimenti bħal dawn?
Sorsi letterarji wasslu biex wieħed studjuż jgħid: “L-iżgħar bastiment li l-antiki ġeneralment kienu jsibuh utli kien ikun taʼ xi 70 jew 80 tunnellata. Daqs li kien popolari ħafna, għall-inqas fil-perijodu Ellenistiku, kien dak taʼ 130 tunnellata. Bastiment taʼ 250 tunnellata, għalkemm kien komuni, żgur li kien akbar min-normal. Fi żmien ir-Rumani, il-bastimenti li kienu jintużaw fis-servizz taʼ trasport imperjali kienu jerġaʼ akbar, billi l-ammont ippreferut li jiflaħ jgħabbi bastiment kien taʼ 340 tunnellata. L-akbar bastimenti li kienu jbaħħru kienu jaslu sa 1,300 tunnellata, possibbilment xi ftit akbar.” Skond deskrizzjoni li nkitbet fit-tieni seklu E.K., il-bastiment tal-qamħ Isis, li kien bastiment taʼ Lixandra, kien twil iktar minn 55 metru, kien wiesaʼ madwar 14-il metru, kellu stiva fonda madwar 13-il metru, u probabbilment kien jistaʼ jġorr ’il fuq minn elf tunnellata qamħ u forsi xi ftit mijiet taʼ passiġġieri.
X’tip taʼ akkomodazzjoni kien ikollhom dawk li jkunu qegħdin jivvjaġġaw fuq bastiment tal-qamħ? Ladarba l-bastimenti kienu primarjament għat-tagħbija, l-akkomodazzjoni tal-passiġġieri kienet xi ħaġa sekondarja. Ma kienu jipprovdulhom ebda ikel jew servizzi, ħlief ilma. Kienu jorqdu fuq il-gverta tal-bastiment, forsi taħt speċi taʼ kamp li kienu jarmawh bil-lejl u jżarmawh kull fil-għodu. Għalkemm jistaʼ jkun li dawk li jivvjaġġaw kienu jitħallew jużaw il-kċina tal-bastiment biex isajru, kien ikollhom jaħsbu huma għal dak kollu li kienu jeħtieġu biex isajru, jieklu, jinħaslu, u jorqdu—minn borom u twaġen sa lożor u kutri.
L-Ivvjaġġar bil-Baħar—Kemm Kien Perikoluż?
Billi ma kellhomx strumenti—lanqas saħansitra boxxla—il-baħħara taʼ l-ewwel seklu kienu joqogħdu biss fuq dak li kienu jaraw. Għalhekk, l-ivvjaġġar kien l-inqas perikoluż meta l-viżibilità kienet tkun l-aħjar—ġeneralment mill-aħħar ġimgħa taʼ Mejju sa nofs Settembru. Matul ix-xahrejn taʼ qabel u wara dak il-perijodu, in-negozjanti forsi kienu jieħdu ċans u jbaħħru. Imma matul ix-xitwa, biċ-ċpar u s-sħab li kien ikun hemm, la l-art, la x-xemx bi nhar, u lanqas l-istilel bil-lejl ma kienu jkunu jidhru. In-navigazzjoni kienet ikkunsidrata wieqfa (bil-Latin, mare clausum) mill-11 taʼ Novembru sa l-10 taʼ Marzu, ħlief f’każi taʼ bżonn assolut jew t’urġenza. Dawk li kienu jivvjaġġaw tard fl-istaġun kienu jissograw li jkollhom jgħaddu x-xitwa f’port barrani.—Atti 27:12; 28:11.
Minkejja l-fatt li kien perikoluż u kien isir biss fl-istaġun tiegħu, kien l-ivvjaġġar bil-baħar iktar vantaġġuż minn dak fuq l-art? Iva, tabilħaqq! L-ivvjaġġar bil-baħar kien inqas taʼ strapazz, orħos, u kien jieħu inqas żmien. Meta r-riħ kien ikun favorevoli, bastiment forsi setaʼ jkopri distanza taʼ xi 150 kilometru kuljum. Ir-rata normali taʼ vjaġġ twil bil-mixi kienet minn 25 sa 30 kilometru kuljum.
Il-veloċità fuq il-baħar kienet tiddependi tistaʼ tgħid għalkollox fuq ir-riħ. Il-vjaġġ mill-Eġittu sa l-Italja kien ġlieda kontinwa kontra r-riħ faċċata, anki fl-aqwa taʼ l-istaġun taʼ l-ivvjaġġar bil-baħar. L-iqsar rotta normalment kienet minn Rodi jew Mira jew xi port ieħor fil-kosta taʼ Liċja, fl-Asja Minuri. F’okkażjoni minnhom, wara li ltaqaʼ mal-maltemp u tilef ir-rotta, il-bastiment tal-qamħ Isis ankra f’Pirew 70 jum wara li salpa minn Lixandra. Kieku r-riħ mill-majjistral baqaʼ jonfoħ minn wara, il-vjaġġ lura mill-Italja probabbilment setaʼ jsir f’20 jew 25 ġurnata. Kieku l-vjaġġ sar fuq l-art, l-istess vjaġġ ’l hemm jew ’l hawn kien jieħu 150 ġurnata f’temp tajjeb.
L-Aħbar Tajba Mxerrda lejn Xtut ’il Bogħod
Evidentement, Pawlu kien konxju tal-perikli taʼ l-ivvjaġġar bil-baħar barra mill-istaġun. Hu saħansitra wissa kontra l-ivvjaġġar bil-baħar fl-aħħar taʼ Settembru jew il-bidu t’Ottubru, meta qal: “Ħbieb, qiegħed nara li s-safra se tkun taʼ ħsara u telf kbir, mhux biss għat-tagħbija u l-ġifen, imma għal ħajjitna wkoll.” (Atti 27:9, 10) Madankollu, iċ-ċenturjun inkarigat injora dan il-kliem, u dan irriżulta fin-nawfraġju f’Malta.
Sa tmiem il-karriera missjunarja tiegħu, Pawlu esperjenza nawfraġju mill-inqas erbaʼ darbiet. (Atti 27:41-44; 2 Korintin 11:25) Madankollu, il-predikaturi bikrin taʼ l-aħbar tajba ma ħallewx l-ansjetà bla bżonn dwar eventwalitajiet bħal dawn iżżommhom lura milli jivvjaġġaw bil-baħar. Huma għamlu użu sħiħ minn kull mezz disponibbli taʼ vvjaġġar biex ixerrdu l-messaġġ tas-Saltna. U b’ubbidjenza għall-kmand taʼ Ġesù, ngħatat xiehda f’ħafna postijiet. (Mattew 28:19, 20; Atti 1:8) Grazzi għaż-żelu tagħhom, għall-fidi taʼ dawk li segwew l-eżempju tagħhom, u għall-gwida taʼ l-ispirtu qaddis taʼ Jehovah, l-aħbar tajba laħqet l-irkejjen l-iktar imbegħdin taʼ l-art abitata.
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 31]
Pictorial Archive (Near Eastern History) Est.