Int Tqattaʼ Ħin mal-Familja Tiegħek?
“IL-MISSIERIJIET Ġappuniżi Huma Maħbubin—Avolja Dejjem Xogħol u qatt ma Jilagħbu maʼ Wliedhom.” Xi ftit snin ilu dan it-titlu deher fil-gazzetta Mainichi Shimbun. L-artiklu rrapporta li 87.8 fil-mija tat-tfal Ġappuniżi li ħadu sehem fi stħarriġ li għamel il-gvern esprimew ix-xewqa li jieħdu ħsieb missierhom meta dan jixjieħ. Madankollu, fl-edizzjoni Ingliża taʼ dik il-gazzetta, l-istess artiklu deher b’titlu differenti. Kien jgħid “Missirijiet u Wlied: Każ taʼ Negliġenza.” Kuntrarju għall-edizzjoni Ġappuniża, l-artiklu enfasizza aspett ieħor taʼ l-istess stħarriġ: Fost il-ġimgħa, il-missirijiet Ġappuniżi kienu qegħdin iqattgħu 36 minuta biss kuljum maʼ wliedhom. Mill-banda l-oħra, il-missirijiet fil-Ġermanja tal-Punent kienu qegħdin iqattgħu 44 minuta maʼ wliedhom fost il-ġimgħa, u fl-Istati Uniti, il-figura kienet taʼ 56 minuta.
M’humiex il-missirijiet biss li qed iqattgħu ftit ħin maʼ wliedhom. Iktar u iktar ommijiet qed joħorġu jaħdmu. Per eżempju, ħafna ommijiet waħedhom ikollhom joħorġu jaħdmu biex imantnu l-familja. Bħala riżultat, l-ammont taʼ ħin li l-ġenituri—kemm missirijiet kif ukoll ommijiet—iqattgħu maʼ wliedhom kważi ġie fix-xejn.
Studju li sar fl-1997 fuq iktar minn 12,000 żagħżugħ u żagħżugħa Amerikani wera li, dawk iż-żgħażagħ li jkollhom relazzjoni mill-qrib mal-ġenituri tagħhom għandhom inqas ċans li jsofru minn stress emozzjonali, ikollhom ħsibijiet suwiċidali, iduru għall-vjolenza, jew jużaw sustanzi li jwassluhom biex jiddependu minnhom. U wieħed mir-riċerkaturi involuti f’dan l-istudju estensiv qal: “Ma tistax tkun qrib taʼ wliedek jekk qatt ma tkun hemm meta jkollhom bżonnok.” Li tqattaʼ ħin maʼ wliedek u tikkomunika magħhom huwa importanti tabilħaqq.
In-Nuqqas taʼ Komunikazzjoni
Dawk il-familji li għandhom iktar riskju li jsofru min-nuqqas taʼ komunikazzjoni huma dawk fejn wieħed mill-ġenituri jgħix ’il bogħod mid-dar għax jaħdem xi mkien imbiegħed. M’għandniex xi ngħidu, in-nuqqas taʼ komunikazzjoni m’huwiex limitat għal familji li għandhom ġenitur jgħix ’il bogħod mid-dar. Xi ġenituri, għalkemm jgħixu d-dar, imorru għax-xogħol qabel ma t-tfal jiftħu għajnejhom u jiġu lura d-dar wara li jkunu diġà daħlu jorqdu. Biex ipattu għan-nuqqas taʼ kuntatt kaġun taʼ dan, ċerti ġenituri jqattgħu ħin mal-familja fi tmiem il-ġimgħa u fil-vaganzi. Dawn jirraġunaw li qed iqattgħu ħin “taʼ kwalità” maʼ wliedhom.
Madankollu, jistaʼ qatt dan il-ħin taʼ kwalità jagħmel tajjeb għan-nuqqas taʼ ħin li jqattgħu mat-tfal? Ir-riċerkatur Laurence Steinberg iwieġeb: “Ġeneralment, dawk it-tfal li jqattgħu iktar ħin mal-ġenituri tagħhom imorru aħjar minn tfal li jqattgħu inqas ħin magħhom. Milli jidher, huwa diffiċli ħafna li tagħmel tajjeb għal dak in-nuqqas taʼ ħin. L-idea tal-ħin taʼ kwalità faħħruha iktar milli jistħoqqilha.” Dan huwa eżattament kif tħossha waħda mara Burmiża. Żewġha—raġel Ġappuniż tipiku—kuljum imur lura d-dar mix-xogħol fis-siegħa jew fis-sagħtejn taʼ fil-għodu. Għalkemm tmiem il-ġimgħa jqattgħu mal-familja tiegħu, martu tgħid: “Billi tkun id-dar fi tmiem il-ġimgħa ma tistax tpatti għal meta ma tkunx mal-familja l-bqija tal-ġimgħa. . . . Tistaʼ taqbeż l-ikliet kollha taʼ matul il-ġimgħa u tiblaʼ l-ikliet kollha tal-ġimgħa fi tmiem il-ġimgħa?”
Meħtieġ Sforz Kuxjenzjuż
M’huwiex faċli daqs kemm wieħed jaħseb biex iżżomm il-komunikazzjoni għaddejja fil-familja. Il-bżonn li taqlaʼ l-għajxien u tipprovdi għall-familja ma jagħmilhiex faċli għall-missier jew għall-omm li toħroġ taħdem biex iqattgħu ħin mal-familja. Ħafna wħud li ċ-ċirkustanzi jġegħluhom jitbegħdu mid-dar jikkomunikaw regolarment permezz tat-telefon jew bl-ittri. Imma kemm jekk il-membri jinsabu flimkien id-dar u kemm jekk le, jeħtieġ sforz kuxjenzjuż biex tinżamm komunikazzjoni tajba fil-familja.
Il-ġenituri li jittraskuraw il-komunikazzjoni fil-familja tagħhom ikollhom ipattu qares għat-traskuraġni tagħhom. Wieħed missier li ftit li xejn kien iqattaʼ ħin mal-familja tiegħu, u li saħansitra lanqas biss jiekol magħhom, kellu jħabbat wiċċu maʼ konsegwenzi serji. Ibnu sar vjolenti, u bintu nqabdet tisraq mill-ħwienet. Darba, hekk kif il-Ħadd fil-għodu l-missier kien qed ilesti biex imur jilgħab il-golf, it-tifel ma felaħx iktar u għajjat: “F’did-dar ommi biss teżisti? Il-Mamà kollox hi tiddeċiedi fil-familja. Pa, int kieku qatt . . . ,” qal it-tifel b’qalbu maqsuma.
Dak il-kliem ġiegħel lill-missier jieqaf u jaħseb. Fl-aħħar iddeċieda li l-ewwel ħaġa li kellu jagħmel kienet li jibda jieħu l-kolazzjon mal-familja tiegħu. Għall-ewwel, kienu jkunu hu u martu biss. Bil-mod il-mod, it-tfal bdew jieklu magħhom, u l-ħin tal-kolazzjon sar menqa taʼ komunikazzjoni. Dan wassal għal ikliet taʼ fil-għaxija flimkien bħala familja. Bis-saħħa t’hekk, il-missier kien qed jagħmel sforz biex jeħles lill-familja tiegħu minn diżastru totali.
Għajnuna mill-Kelma t’Alla
Il-Bibbja tinkuraġġixxi lill-ġenituri biex isibu l-ħin ħalli jikkomunikaw maʼ wliedhom. Permezz tal-profeta Mosè, l-Iżraeliti ġew istruwiti: “Ismaʼ, O Iżrael: Alla tagħna l-Mulej, il-Mulej waħdu. Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’saħħtek kollha. Żomm f’qalbek dan il-kliem u dawn il-kmandamenti li qiegħed nagħtik illum. Tennihom lil uliedek, u tkellem fuqhom meta tkun f’darek, u meta tkun miexi fit-triq, u meta timtedd, u meta tqum.” (Dewteronomju 6:4-7) Iva, dawk minna li huma ġenituri jeħtieġ li jieħdu l-inizjattiva biex iqattgħu ħin mal-familja tagħhom jekk iridu jdaħħlu l-kliem t’Alla fl-imħuħ u fil-qlub taʼ wliedhom.
Taʼ interess, l-istħarriġ taʼ l-1997 taʼ iktar minn 12,000 adolexxent Amerikan li ssemma iktar kmieni wera li “fost il-kważi 88% . . . tal-popolazzjoni li qalu li għandhom reliġjon, l-importanza li ngħatat mit-twelid għar-reliġjon u t-talb kienet taʼ protezzjoni.” Il-veri Kristjani jirrikonoxxu li taħriġ reliġjuż xieraq fid-dar jipproteġi liż-żgħażagħ minn affarijiet bħall-abbuż tad-drogi u l-alkoħol, inkwiet emozzjonali, suwiċidju, vjolenza, u affarijiet bħal dawn.
Xi ġenituri jħossu li huwa iebes li jsibu ħin mal-familja tagħhom. Dan huwa tassew minnu fil-każ taʼ l-ommijiet waħedhom, li jippreferu jqattgħu l-ħin maʼ wliedhom imma jkollhom joħorġu jaħdmu. Minfejn jistgħu jsibu dak in-naqra ħin prezzjuż biex ikunu mal-familja tagħhom? “Issalvagwardja l-għerf prattiku u l-abbiltà tal-ħsieb,” tħeġġeġ il-Bibbja. (Proverbji 3:21, New World Translation) Il-ġenituri jistgħu jużaw “l-abbiltà tal-ħsieb” biex isibu ħin għall-familja. Kif?
Jekk int omm li toħroġ taħdem u li tħossok għajjiena mejta wara ġurnata xogħol, għax ma tistaqsix lit-tfal tiegħek biex jgħinuk tħejji l-ikel? Dan il-ħin li tqattgħu flimkien jipprovdi opportunità biex tersqu eqreb lejn xulxin. Għall-ewwel, għandek mnejn iddum iktar meta tinvolvi lit-tfal. Malajr, iżda, se ssib li se tieħu pjaċir u tiffranka l-ħin ukoll.
Forsi int missier b’lista twila daqsiex t’affarijiet li jkollok tagħmilhom fi tmiem il-ġimgħa. Għala ma tagħmilx xi ftit minn dan ix-xogħol maʼ wliedek? Tistaʼ tikkomunika magħhom hekk kif taħdmu flimkien u fl-istess ħin tagħtihom taħriġ siewi. Il-parir tal-Bibbja li ddaħħal il-kliem t’Alla f’qalb uliedek jinkuraġġik biex titkellem magħhom meta “tkun f’darek, u meta tkun miexi fit-triq”—tabilħaqq, f’kull opportunità li ssib. Hija turija taʼ “għerf prattiku” li tikkomunika maʼ wliedek intom u taħdmu flimkien.
Li tqattaʼ ħin mal-familja tiegħek se jġiblek barkiet fit-tul. “Maʼ dawk li qegħdin jikkonsultaw flimkien hemm l-għerf.” (Proverbji 13:10, NW) Billi ssib ħin biex tikkomunika mal-familja tiegħek, se tkun f’qagħda aħjar biex tipprovdilhom gwida għaqlija għall-problemi taʼ kuljum. Gwida bħal din mogħtija issa tistaʼ tiffranka ħafna ħin u wġigħ taʼ qalb fil-futur. Barra minn hekk, jistaʼ jżid il-ferħ għalik u għall-bqija tal-familja. Biex tagħti gwida bħal din, għandek bżonn tieħu vantaġġ mill-ħażna abbundanti t’għerf li nsibu fil-Kelma t’Alla, il-Bibbja. Użaha biex tgħallem lil uliedek u biex tiggwida l-passi tal-familja tiegħek.—Salm 119:105.
[Stampa f’paġna 4]
Żgħażagħ li jkollhom relazzjoni mill-qrib mal-ġenituri tagħhom għandhom inqas ċans li jsofru minn stress emozzjonali
[Stampa f’paġna 5]
Il-komunikazzjoni tajba tirrendi barkiet abbundanti fil-ħajja tal-familja
[Stampa f’paġna 6]
Hekk kif taħdem flimkien maʼ wliedek, tistaʼ tikkomunika u tipprovdi taħriġ siewi