Ibqaʼ Miexi fit-Triq taʼ Jehovah
“Ittama fil-Mulej u ħares triqtu, hu jerfgħek biex tikseb l-art.”—SALM 37:34.
1, 2. Għas-Sultan David x’kien jinvolvi li jimxi fit-triq taʼ Jehovah, u dan x’jirrikjedi minna llum?
“GĦARRAFNI t-triq li minnha għandi ngħaddi, għax lejk jien nerfaʼ ruħi.” (Salm 143:8) Il-Kristjani llum b’qalbhom kollha jtennu dan il-kliem tas-Sultan David. Huma jridu sinċerament jogħġbu lil Jehovah u jimxu fit-triq tiegħu. Dan x’jinvolvi? Għal David, dan kien ifisser li jħares il-liġi t’Alla. Kien jinvolvi li jafda f’Jehovah minflok f’alleanzi mal-ġnus. Iva, kien ifisser ukoll li jaqdi lealment lil Jehovah u mhux lill-allat tal-popli ġirien. Għall-Kristjani, li jimxu fit-triq taʼ Jehovah jinvolvi iktar minn hekk.
2 Per eżempju, li nimxu fit-triq taʼ Jehovah llum ifisser li neżerċitaw fidi fis-sagrifiċċju li Ġesù Kristu ħallas għall-fidwa, billi nirrikonoxxuh bħala “t-Triq, il-Verità u l-Ħajja.” (Ġwann 3:16; 14:6; Lhud 5:9) Ifisser ukoll li nħarsu “l-liġi taʼ Kristu,” li jinkludi li nuru mħabba lejn xulxin, speċjalment lejn l-aħwa midlukin taʼ Ġesù. (Galatin 6:2; Mattew 25:34-40) Dawk li jimxu fit-triq taʼ Jehovah jħobbu l-prinċipji u l-kmandamenti tiegħu. (Salm 119:97; Proverbji 4:5, 6) Huma jgħożżu l-privileġġ prezzjuż tagħhom li jipparteċipaw fil-ministeru Kristjan. (Kolossin 4:17; 2 Timotju 4:5) It-talb jifforma parti regulari minn ħajjithom. (Rumani 12:12) U ‘jqisu sewwa kif iġibu ruħhom, mhux bħal nies bla dehen, iżda bħal nies għorrief.’ (Efesin 5:15) Huma ċertament ma jissagrifikawx rikkezzi spiritwali għal vantaġġi materjali temporanji jew pjaċiri illeċiti tal-ġisem. (Mattew 6:19, 20; 1 Ġwann 2:15-17) Iktar minn hekk, lealtà lejn Jehovah u fiduċja fih huma vitali. (2 Korintin 1:9; 10:5; Efesin 4:24) Għala? Għaliex is-sitwazzjoni tagħna hija simili ħafna għal dik taʼ Iżrael tal-qedem.
Il-Ħtieġa għall-Fiduċja u l-Lealtà
3. Il-lealtà, il-fidi, u l-fiduċja għala huma t’għajnuna biex iżommuna mexjin fit-triq taʼ Jehovah?
3 Iżrael kien ġens żgħir imdawwar minn ġirien ostili li kienu jieħdu sehem f’ċerimonji moqżieża fil-qima taʼ l-allat idoli. (1 Kronaki 16:26) Iżrael biss kien jaqdi lil Jehovah, l-uniku Alla veru u inviżibbli, u dan kien jesiġi li huma jżommu livelli morali għoljin. (Dewteronomju 6:4) L-istess illum, ftit miljuni taʼ bnedmin biss iqimu lil Jehovah, u dawn jgħixu f’dinja taʼ kważi sitt elef miljun ruħ li l-livelli u l-ħarsa reliġjuża tagħhom huma ferm differenti minn taʼ dawn. Jekk aħna fost dawk il-ftit miljuni, irridu ngħassu biex ma niġux influwenzati ħażin. Kif? Lealtà lejn Alla Jehovah, fidi fih, u fiduċja qawwija li hu se jwettaq il-wegħdi tiegħu se jgħinuna. (Lhud 11:6) Dan se jżommna milli npoġġu l-fiduċja tagħna fl-affarijiet li tittama fihom id-dinja.—Proverbji 20:22; 1 Timotju 6:17.
4. Il-ġnus għala għandhom ‘il-fehma tagħhom imdallma’?
4 L-appostlu Pawlu wera kemm il-Kristjani jridu jkunu differenti mid-dinja meta kiteb: “Jiena dan ngħidilkom u nwissikom quddiem il-Mulej: li ma ġġibux iżjed ruħkom skond ma jġibu ruħhom il-pagani bil-bluha taʼ moħħhom. Il-fehma tagħhom hi mdallma, maqtugħa mill-ħajja taʼ Alla minħabba l-injoranza li għandhom u l-ebusija taʼ qalbhom.” (Efesin 4:17, 18) Ġesù hu d-“dawl veru.” (Ġwann 1:9) Kulmin jiċħdu jew jistqarr li jemmen fih iżda ma jobdix il-“liġi taʼ Kristu” għandu ‘l-fehma tiegħu mdallma.’ Mhux talli m’humiex jimxu fit-triq taʼ Jehovah, iżda huma “maqtugħa mill-ħajja taʼ Alla.” Minkejja kemm jistgħu jaħsbu li huma għorrief b’mod dinji, huma ‘għandhom injoranza’ inkwantu għall-uniku għarfien li jwassal għall-ħajja, dak dwar Alla Jehovah u Ġesù Kristu.—Ġwann 17:3; 1 Korintin 3:19.
5. Għalkemm id-dawl tal-verità qed jiddi fid-dinja, ħafna qlub għala m’humiex disposti?
5 Madankollu, id-dawl tal-verità qiegħed jiddi fid-dinja! (Salm 43:3; Filippin 2:15) “L-għerf jgħajjat fit-triqat.” (Proverbji 1:20) Is-sena l-oħra x-Xhieda taʼ Jehovah qattgħu iktar minn elf miljun siegħa jitkellmu mal-proxxmu tagħhom dwar Alla Jehovah u Ġesù Kristu. Mijiet taʼ eluf aġixxew. Iżda għandna għalfejn niskantaw li ħafna oħra naqsu li jaġixxu? Le. Pawlu tkellem dwar “l-ebusija taʼ qalbhom.” Xi wħud għandhom qalbhom m’hijiex disposta minħabba l-egoiżmu jew l-imħabba għall-flus. Oħrajn huma influwenzati mir-reliġjon falza jew mill-ħarsa sekulari li hija tant mifruxa llum. Xi esperjenzi ibsin fil-ħajja wasslu lil ħafna biex jagħtu daharhom lil Alla. Oħrajn jirrifjutaw li jikkonformaw mal-livelli morali għoljin taʼ Jehovah. (Ġwann 3:20) Tistaʼ qalb xi ħadd li jkun miexi fit-triq taʼ Jehovah titlef is-sensittività tagħha f’dawn l-aspetti?
6, 7. Għalkemm l-Iżraeliti kienu adoraturi t’Alla Jehovah, f’liema okkażjonijiet żvijaw, u għala?
6 Dan fil-fatt ġara lil Iżrael tal-qedem, bħalma wera Pawlu. Hu kiteb: “Dan ġara b’eżempju għalina, biex ma nixxennqux għal ħwejjeġ ħżiena, bħalma xxennqu huma. Tmorrux wara l-allat foloz, kif għamlu xi wħud minnhom, bħalma hemm miktub: ‘Il-poplu qagħad bil-qiegħda jiekol u jixrob, u qamu jixxalaw.’ Anqas ma għandna niżnu, kif xi wħud minnhom żnew, u f’jum wieħed mietu tlieta u għoxrin elf ruħ.”—1 Korintin 10:6-8.
7 Pawlu jirreferi l-ewwel għall-okkażjoni meta Iżrael qiem għoġol tad-deheb taħt il-muntanja Sinaj. (Eżodu 32:5, 6) Dan kien b’diżubbidjenza diretta għal kmand divin li kienu aċċettaw li jobdu biss ftit ġimgħat qabel. (Eżodu 20:4-6; 24:3) Imbagħad, Pawlu jirreferi għal meta l-Iżraeliti mielu quddiem Bagħal mal-bniet taʼ Mowab. (Numri 25:1-9) Il-qima taʼ l-għoġol kienet ikkaratterizzata minn tpaxxija bla rażan, ‘xalar.’a Il-qima lejn Bagħal kienet akkumpanjata minn immoralità sesswali sfaċċata. (Apokalissi 2:14) L-Iżraeliti għala kkommettew dawn id-dnubiet? Għaliex ħallew lil qalbhom ‘tixxennaq għal ħwejjeġ ħżiena’—kemm l-idolatrija jew id-drawwiet moqżieża li kienu jmorru magħha.
8. X’nistgħu nitgħallmu mill-esperjenzi taʼ Iżrael?
8 Pawlu indika li aħna għandna nitgħallmu minn dawn il-ġrajjiet. X’nitgħallmu? Lanqas biss jgħaddilna minn moħħna li xi Kristjan se jmil quddiem xi għoġol tad-deheb jew xi alla Mowabi tal-qedem. Imma xi ngħidu għall-immoralità jew it-tpaxxija bla rażan? Dawn huma komuni llum, u jekk inħallu tikber f’qalbna xewqa għalihom, dawn se jbegħduna minn Jehovah. Ir-riżultat se jkun l-istess daqs li kieku nkunu kkommettejna l-idolatrija—qtugħ minn Alla. (Qabbel Kolossin 3:5; Filippin 3:19.) Tabilħaqq, Pawlu jikkonkludi d-diskussjoni tiegħu dwar dawk il-ġrajjiet billi jħeġġeġ lill-kredenti sħabu: “Aħarbu l-idolatrija.”—1 Korintin 10:14, Saydon.
Għajnuna biex Nimxu fit-Triq t’Alla
9. (a) X’għajnuna nirċievu biex iżżommna mexjin fit-triq taʼ Jehovah? (b) Liema hu mod wieħed kif nisimgħu l-‘kliem minn warajna’?
9 Jekk aħna determinati li nibqgħu nimxu fit-triq t’Alla, ma nitħallewx mingħajr għajnuna. Isaija pprofetizza: “Minn warajk jisimgħu widnejk kliem li jwissik u jgħidlek: ‘Din hi t-triq; għaddi minnha, sew jekk tikser lejn il-lemin, sew lejn ix-xellug.’” (Isaija 30:21) ‘Widnejna’ kif jisimgħu dak ‘il-kliem minn warajna’? Ara, illum ħadd ma jismaʼ leħen litterali jew jirċievi messaġġ persunali mingħand Alla. Il-“kliem” li jinstemaʼ jiġi għandna lkoll bl-istess mod. L-ewwel u qabel kollox, jiġi permezz taʼ l-Iskrittura ispirata, il-Bibbja, li fiha l-ħsibijiet t’Alla u rakkont tal-mod kif hu ttratta mal-bnedmin. Peress li aħna kuljum ninsabu esposti għal propaganda minn sorsi ‘maqtugħin mill-ħajja t’Alla,’ għandna bżonn naqraw il-Bibbja u nimmeditaw fuqha regolarment biex inżommu b’saħħitna spiritwalment. Dan se jgħinna nevitaw “idoli [“affarijiet,” NW] fiergħa” u ‘nkunu perfetti, imħejjijin għal kull ħidma tajba.’ (Atti 14:14, 15; 2 Timotju 3:16, 17) Dan se jsaħħaħna, jiffortifikana, u jgħinna ‘nirnexxu fi triqitna.’ (Ġożwè 1:7, 8) Għaldaqstant, il-Kelma taʼ Jehovah tħeġġeġ: “Issa wliedi, isimgħu lili: henjin dawk li jimxu fi triqati. Isimgħu t-tagħlim u tiksbu l-għerf, u twarrbux it-tagħlim.”—Proverbji 8:32, 33.
10. Liema hu t-tieni mod kif nisimgħu l-‘kliem minn warajna’?
10 ‘Il-kliem minn warajna’ jiġi wkoll permezz taʼ l-“ilsir leali u diskret” li jipprovdi ‘l-ikel fil-ħin.’ (Mattew 24:45-47, NW) Mod wieħed kif jiġi pprovdut dan l-ikel hu f’pubblikazzjonijiet stampati, ibbażati fuq il-Bibbja, u fi snin reċenti din il-provvista taʼ ikel kienet abbundanti. Per eżempju, permezz tar-rivista It-Torri taʼ l-Għassa, ġiet irfinuta l-fehma tagħna dwar il-profeziji. F’dan il-ġurnal, ġejna inkuraġġiti nipperseveraw fix-xogħol taʼ l-ippridkar u li nagħmlu dixxipli minkejja li qed tiżdied l-apatija, ġejna megħjunin nevitaw nasbiet, u ġejna mħeġġin niżviluppaw kwalitajiet Kristjani mill-aħjar. Kemm ngħożżuh dan l-ikel fil-ħin!
11. Spjega t-tielet mod kif nistgħu nisimgħu l-‘kliem minn warajna.’
11 L-ilsir leali u diskret jipprovdi wkoll ikel permezz tal-laqgħat regulari tagħna. Dawn jinkludu l-laqgħat tal-kongregazzjonijiet lokali, laqgħat taʼ darbtejn fis-sena magħrufin bħala assembleat tas-circuit, u konvenzjonijiet akbar annwali. Liema hu dak il-Kristjan leali li ma jgħożżhomx dawn il-laqgħat? Dawn huma għajnuna vitali biex jappoġġawna waqt li nimxu fit-triq taʼ Jehovah. Peress li ħafna jkollhom iqattgħu ħafna ħin fuq ix-xogħol jew l-iskola maʼ dawk li m’għandhomx l-istess twemmin tagħhom, sħubija Kristjana regulari hija litteralment imfassla biex issalva l-ħajja. Il-laqgħat jagħtuna opportunità mill-aħjar biex “[i]nħajjru lil xulxin għall-imħabba u għall-għemil tajjeb.” (Lhud 10:24) Aħna nħobbuhom lil ħutna u nieħdu pjaċir nassoċjaw magħhom.—Salm 133:1.
12. Ix-Xhieda taʼ Jehovah liema determinazzjoni għandhom, u kif esprimewha reċentement?
12 Imsaħħin b’dan l-ikel spiritwali, kważi sitt miljun ruħ illum qed jimxu fit-triq taʼ Jehovah, u miljuni t’oħrajn qed jistudjaw il-Bibbja biex jitgħallmu kif għandhom jagħmlu dan. Iħossuhom huma skuraġġiti jew imdgħajfin mill-fatt li huma ftit fl-għadd meta mqabblin maʼ l-eluf taʼ miljuni tal-popolazzjoni tad-dinja? Bl-ebda mod! Huma determinati li jibqgħu jagħtu kas tal-‘kliem minn warajhom,’ billi jagħmlu lealment ir-rieda taʼ Jehovah. Bħala manifestazzjoni pubblika taʼ din id-determinazzjoni, matul il-Konvenzjonijiet Distrettwali u Internazzjonali taʼ l-1998/99, “Il-Mod taʼ Ħajja t’Alla,” id-delegati adottaw riżoluzzjoni li tesprimi l-waqfa tagħhom li ġejja minn qalbhom. Dan li ġej huwa t-test taʼ dik ir-riżoluzzjoni.
Riżoluzzjoni
13, 14. Ix-Xhieda taʼ Jehovah liema ħarsa realistika għandhom dwar is-sitwazzjoni dinjija?
13 “Aħna, bħala Xhieda taʼ Jehovah miġburin għall-Konvenzjoni “Il-Mod taʼ Ħajja t’Alla”, b’qalbna kollha naqblu li l-mod t’Alla huwa l-aqwa mod taʼ ħajja. Madankollu, aħna nirrikonoxxu li l-biċċa l-kbira taʼ l-umanità llum iħossuhom mod ieħor. Is-soċjetà umana esperimentat b’għadd taʼ konċetti, filosofiji, u ideat reliġjużi fuq dak li jikkostitwixxi l-aħjar mod taʼ ħajja. Ħarsa onesta lejn l-istorja umana u lejn il-kundizzjonijiet tad-dinja llum tixhed il-verità tal-pronunzjament divin iddokumentat f’Ġeremija 10:23: “Anqas min jimxi ma jistaʼ jiddirieġi l-passi tiegħu.”
14 “Kuljum naraw iktar evidenza li tikkonferma l-verità sħiħa taʼ dak il-kliem. Fil-biċċa l-kbira, is-soċjetà umana ma tagħtix kas il-mod taʼ ħajja t’Alla. In-nies isusu wara dak li jidhrilhom li hu tajjeb f’għajnejhom stess. Ir-riżultati kienu traġiċi—il-kollass tal-ħajja tal-familja, li ħalla lit-tfal mingħajr gwida; il-ġiri sfrenat wara l-materjaliżmu, li jirriżulta f’vojt u frustrazzjoni; il-kriminalità u l-vjolenza bla sens, li ħadu l-ħajjiet taʼ vittmi bla għadd; il-ġlied u l-gwerer etniċi, li ħasdu numru waħxi taʼ ħajjiet umani; l-immoralità bla rażan, li stimulat epidemija taʼ mard trasmess sesswalment. Dawn huma biss ftit mill-għadd kbir taʼ problemi komplessi li jfixklu t-tfittxija taʼ l-hena, il-paċi, u s-sigurtà.
15, 16. Rigward il-mod taʼ ħajja t’Alla, x’determinazzjoni ġiet espressa fir-riżoluzzjoni?
15 “Meta nqisu l-istat imwiegħer taʼ dwejjaq taʼ l-ispeċi umana u kemm qegħdin qrib tal-‘gwerra tal-Jum il-kbir taʼ Alla li jistaʼ kollox,’ imsejħa Armageddon (Apokalissi 16:14, 16), aħna bħala Xhieda taʼ Jehovah nirriżolvu li:
16 “L-ewwel: Aħna nqisu lilna nfusna bħala li nappartjenu lil Alla Jehovah, billi ddedikajna ruħna individwalment lilu bla kundizzjoni, u se nżommu fidi li ma titħarrikx fil-provvediment tal-prezz tal-fidwa li Jehovah ħallas permezz taʼ Ibnu, Ġesù Kristu. Aħna determinati li nimxu fil-mod taʼ ħajja t’Alla, billi naqduh bħala x-Xhieda tiegħu u nissottomettu ruħna għas-sovranità tiegħu bħalma hija espressa permezz tal-ħakma taʼ Ġesù Kristu.
17, 18. Ix-Xhieda taʼ Jehovah liema pożizzjoni se jibqgħu jżommu rigward il-livelli morali u l-fratellanza Kristjana?
17 “It-tieni: Se nkomplu nżommu mal-livelli morali u spiritwali għoljin tal-Bibbja. Aħna determinati li ma naċċettawx li nimxu bħalma jimxu l-ġnus fil-bluha taʼ moħħhom. (Efesin 4:17-19) Aħna riżoluti li nibqgħu nodfa quddiem Jehovah u bla tebgħa minn din id-dinja.—Ġakbu 1:27.
18 “It-tielet: Aħna se nżommu sod mal-pożizzjoni Skritturali tagħna bħala fratellanza Kristjana mad-dinja kollha. Se nżommu n-newtralità Kristjana fost il-ġnus, billi ma nħallux lilna nfusna ninqabdu fil-mibegħda jew frid razzjali, nazzjonali, jew etniku.
19, 20. (a) X’se jagħmlu l-ġenituri Kristjani? (b) Il-Kristjani veri kollha kif se jibqgħu jidentifikaw lilhom infushom bħala dixxipli taʼ Kristu?
19 “Ir-rabaʼ: Dawk minna li huma ġenituri se nnaqqxu t-triq t’Alla f’uliedna. Se nkunu t’eżempju fl-għajxien Kristjan, li jinkludi qari regulari tal-Bibbja, studju tal-familja, u sehem b’ruħna kollha fil-kongregazzjoni Kristjana u fil-ministeru taʼ l-għalqa.
20 “Il-ħames: Ilkoll kemm aħna se nistinkaw biex nikkultivaw il-kwalitajiet divini li l-Ħallieq tagħna jagħtina eżempju fihom, u se nagħmlu kulma nistgħu biex nimitaw il-personalità u l-modi tiegħu, bħalma għamel Ġesù. (Efesin 5:1) Aħna riżoluti li nħallu l-affarijiet kollha tagħna jseħħu bl-imħabba, u b’hekk nidentifikaw lilna nfusna bħala dixxipli taʼ Kristu.—Ġwann 13:35.
21-23. Ix-Xhieda taʼ Jehovah x’se jkomplu jagħmlu, u dwar liema ħaġa huma konvinti?
21 “Is-sitta: Se nkomplu nippridkaw bla waqfien l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla, nagħmlu dixxipli, u se nagħtuhom istruzzjonijiet dwar il-mod taʼ ħajja t’Alla u ninkuraġġuhom li jirċievu iktar taħriġ fil-laqgħat tal-kongregazzjoni.—Mattew 24:14; 28:19, 20; Lhud 10:24, 25.
22 “Is-sebaʼ: Bħala individwi u bħala organizzazzjoni reliġjuża, se nkomplu npoġġu r-rieda t’Alla l-ewwel f’ħajjitna. Billi nużaw il-Kelma tiegħu, il-Bibbja, bħala l-gwida tagħna, m’aħniex se niżvijaw lejn il-lemin jew ix-xellug, u b’hekk nikkonfermaw li l-mod t’Alla huwa bil-wisq iktar superjuri mill-modi tad-dinja. Aħna determinati li nsusu wara l-mod taʼ ħajja t’Alla—sodi u leali, issa u għal dejjem!
23 “Aħna nagħmlu din ir-riżoluzzjoni għaliex fiduċjużi bis-sħiħ fil-wegħda kollha mħabba taʼ Jehovah li dak li jagħmel ir-rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem. Nagħmlu din ir-riżoluzzjoni għaliex konvinti illi li ngħixu mal-prinċipji, il-pariri, u t-twissijiet Skritturali se jirriżulta li jkun l-aqwa mod taʼ ħajja llum u jqiegħed pedament mill-aħjar għall-futur, sabiex inkunu nistgħu naqbdu qabda soda fuq il-ħajja vera. (1 Timotju 6:19; 2 Timotju 4:7b, 8) Fuq kollox, nagħmlu din ir-riżoluzzjoni għaliex inħobbu lil Alla Jehovah b’qalbna, b’ruħna, b’moħħna, u b’saħħitna kollha!
24, 25. X’kienet ir-reazzjoni għar-riżoluzzjoni proposta, u x’inhi d-determinazzjoni taʼ dawk li jimxu fit-triq taʼ Jehovah?
24 “Dawk kollha li qed jattendu għal din il-konvenzjoni u jaqblu maʼ l-adottar taʼ din ir-riżoluzzjoni, jekk jogħġobhom jgħidu IVA!”
25 Mijiet taʼ awditorji u stejdjums madwar id-dinja kollha rbombjaw hekk kif dawk kollha preżenti wieġbu “IVA!” b’leħen qawwi. Ix-Xhieda taʼ Jehovah m’għandhom ebda dubju li se jibqgħu jimxu fit-triq taʼ Jehovah. Huma għandhom fiduċja sħiħa f’Jehovah u fidi li hu se jwettaq il-wegħdi tiegħu. Huma jibqgħu leali lejh, jiġri x’jiġri. U huma determinati li jagħmlu r-rieda tiegħu.
“Alla Hu Magħna”
26. X’inhi s-sitwazzjoni hienja taʼ dawk li jimxu fit-triq taʼ Jehovah?
26 Ix-Xhieda taʼ Jehovah jiftakru fit-tħeġġiġ tas-salmista: “Ittama fil-Mulej u ħares triqtu, hu jerfgħek biex tikseb l-art.” (Salm 37:34) Ma jinsewhx il-kliem inkuraġġanti taʼ Pawlu: “Jekk Alla hu magħna min jistaʼ jkun kontra tagħna? Hu, li anqas lil Ibnu stess ma ħafirha, imma tah għalina lkoll, kif ma jagħtiniex ukoll kollox miegħu?” (Rumani 8:31, 32) Iva, jekk nibqgħu nimxu fit-triq taʼ Jehovah, hu jipprovdilna “kollox bix-xabaʼ biex ingawdu bih.” (1 Timotju 6:17) Liema post jistaʼ jkun hemm aħjar milli fejn qegħdin—mexjin fit-triq taʼ Jehovah, maġenb l-għeżież ħutna. B’Jehovah maġenbna, ejja nkunu determinati li nibqgħu hemmhekk u nissaportu sat-tmiem, fiduċjużi bis-sħiħ li fil-ħin tiegħu, se narawh iwettaq sa l-inqas waħda mill-wegħdi tiegħu.—Titu 1:2.
[Nota taʼ taħt]
a B’referenza għall-kelma Griega hawn tradotta “jixxalaw,” wieħed kummentatur jgħid li din tirreferi għaż-żfin li kien isir fil-festi pagani u jżid: “Ħafna minn dan iż-żfin, bħalma hu magħruf sew, kien imfassal direttament biex jipprovoka l-iktar passjonijiet moqżieża.”
Tiftakar Int?
◻ X’inhu meħtieġ biex Kristjan jimxi fit-triq taʼ Jehovah?
◻ Għala hemm bżonn li nikkultivaw fiduċja f’Jehovah u lealtà lejh?
◻ Liema għajnuna hija disponibbli hekk kif nimxu fit-triq taʼ Jehovah?
◻ Agħti xi punti prinċipali mir-riżoluzzjoni adottata fil-Konvenzjonijiet “Il-Mod taʼ Ħajja t’Alla.”
[Stampi f’paġna 18]
Ġiet adottata riżoluzzjoni importanti fil-Konvenzjonijiet Distrettwali u Internazzjonali “Il-Mod taʼ Ħajja t’Alla”