LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 5/15 pp. 25-28
  • Il-Kongregazzjoni Kristjana—Sors t’Għajnuna li Ssaħħaħ

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Kongregazzjoni Kristjana—Sors t’Għajnuna li Ssaħħaħ
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Appoġġ u Assistenza
  • Għajnuna Mingħand Indokraturi li Jħobbu
  • Għajnuna Vera fiż-​Żmien Xieraq
  • Għerf li Jiġi mis-​Sema
  • Saħħu lil Xulxin
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Ħa Tinbena l-Kongregazzjoni
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Ħalli l-Kongregazzjoni Tfaħħar lil Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sib is-Sigurtà Fost il-Poplu t’Alla
    Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 5/15 pp. 25-28

Il-​Kongregazzjoni Kristjana—Sors t’Għajnuna li Ssaħħaħ

Popi, mara li kellha ftit iktar minn għoxrin sena, kienet tħossha frustrata minħabba sitwazzjoni taʼ wġigħ fil-​familja tagħha, li kienet tinvolvi nuqqas taʼ komunikazzjoni aperta mal-​ġenituri tagħha.a Wara li fetħet qalbha m’anzjan Kristjan u martu, hi kitbitilhom: “Grazzi ħafna talli ħadtu l-​ħin biex titkellmu miegħi. Għadkom ma tafux kemm ifisser għalija l-​fatt li jimpurtakom minni. Nirringrazzja lil Jehovah talli tani nies li nistaʼ nafdahom u nitkellem magħhom.”

Toula, mara li romlot dan l-​aħħar u li għandha żewġt itfal adolexxenti, sabet ruħha f’baħar taʼ diffikultajiet emozzjonali u finanzjarji inkwetanti. Hi u wliedha kellhom b’mod regulari ż-​żjarat li tant isaħħu taʼ koppja Kristjana miżżewġa mill-​kongregazzjoni. Wara li rnexxielha tkampa mas-​sitwazzjoni tagħha, hi bagħtitilhom kartolina, li kienet tgħid: “Jien dejjem niftakar fikom fit-​talb tiegħi. Inġib quddiem għajnejja l-​ħafna drabi li waqaftu miegħi u tajtuni l-​appoġġ tagħkom.”

Tħossok int xi kultant ‘imtaqqal’ minħabba l-​pressjonijiet li dejjem jiżdiedu taʼ din id-​dinja? (Mattew 11:28) “Iż-​żmien u ċ-​ċirkustanzi” ħassrulek ħajtek b’xi esperjenzi taʼ wġigħ? (Koħèlet 9:11) Mela m’intix waħdek. Imma bħalma diġà skoprew eluf taʼ nies li għaddew minn xi inkwiet, int ukoll tistaʼ ssib għajnuna siewja fil-​kongregazzjoni Kristjana tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Fl-​ewwel seklu E.K., l-​appostlu Pawlu sab li xi wħud minn sħabu fit-​twemmin kienu taʼ “faraġ kbir [“għajnuna li ssaħħaħ,” NW]” b’mod speċjali. (Kolossin 4:10, 11) Int jistaʼ jkollok esperjenza simili.

Appoġġ u Assistenza

Fl-​Iskrittura Griega Kristjana, il-​kelma “knisja” jew “kongregazzjoni” hija tradotta mit-​terminu Grieg ek·kle·siʹa, li jfisser grupp taʼ nies miġburin flimkien. Din il-​kelma tinkorpora l-​ideat taʼ solidarjetà u appoġġ lejn xulxin.

Il-kongregazzjoni Kristjana tappoġġa l-​verità tal-​Kelma t’Alla u tiddikjara l-​aħbar tajba tas-​Saltna tiegħu. (1 Timotju 3:15; 1 Pietru 2:9) Madankollu, il-​kongregazzjoni tipprovdi wkoll appoġġ u assistenza spiritwali għal dawk imseħbin fiha. Hemmhekk, wieħed jistaʼ jsib grupp taʼ ħbieb li jħobbu, jieħdu interess ġenwin, jimpurtahom, u li minn qalbhom huma lesti li jgħinu u jfarrġu lil oħrajn fi żminijiet taʼ stress.—2 Korintin 7:5-7.

L-adoraturi taʼ Jehovah dejjem ħassewhom protetti u fis-​sigurtà fil-​kongregazzjoni tiegħu. Is-​salmista indika li hu esperjenza ferħ u ħassu fis-​sigurtà fost il-​poplu kkongregat t’Alla. (Salm 27:4, 5; Salm 55:15 [Salm 55:14, NW]; Salm 122:1) B’mod simili llum, il-​kongregazzjoni Kristjana hija sħubija taʼ wħud bl-​istess twemmin li jibnu u jinkuraġġixxu lil xulxin.—Proverbji 13:20; Rumani 1:11, 12.

Membri tal-​kongregazzjoni jiġu mgħallmin biex ‘jagħmlu l-​ġid maʼ kulħadd, l-​iktar maʼ qrabathom fil-​fidi.’ (Galatin 6:10) L-​edukazzjoni li jirċievu, li hija bbażata fuq il-​Bibbja, tqanqalhom biex juru mħabba taʼ l-​aħwa u affezzjoni tenera lejn xulxin. (Rumani 12:10; 1 Pietru 3:8) Aħwa spiritwali fil-​kongregazzjoni huma mqanqlin biex ikunu qalbhom tajba, paċifiċi, u juru mogħdrija tenera. (Efesin 4:3) Minflok ma jkunu sempliċement adoraturi formali, huma juru interess ġenwin f’oħrajn, imqanqlin mill-​imħabba.—Ġakbu 1:27.

Għalhekk, fil-​kongregazzjoni, uħud imtaqqlin isibu atmosfera mkebbsa bl-​imħabba, bħalma jkun hemm ġewwa familja. (Mark 10:29, 30) Il-​fatt li jħossuhom parti minn grupp taʼ nies li huma qrib ħafna taʼ xulxin u li jafu jħobbu jsaħħaħhom. (Salm 133:1-3) Permezz tal-​kongregazzjoni, “l-​ilsir leali u diskret” jipprovdi “ikel” spiritwali sustanzjuż “fiż-​żmien xieraq.”—Mattew 24:45, NW.

Għajnuna Mingħand Indokraturi li Jħobbu

Il-​membri tal-​kongregazzjoni Kristjana jistgħu jistennew li fiha jsibu rgħajja kkwalifikati li juru mħabba u komprensjoni, u li jipprovdu appoġġ spiritwali u inkuraġġiment. Rgħajja li għandhom kwalitajiet bħal dawn huma bħal “ilqugħ għar-​riħ, u kenn fit-​tempesta.” (Isaija 32:1, 2) Anzjani, jew indokraturi, maħturin bl-​ispirtu jieħdu ħsieb il-​poplu bħal nagħaġ t’Alla, jinkuraġġixxu lill-​morda u lil uħud dipressi, u jfittxu li jirrestawraw lil dawk li żbaljaw.—Salm 100:3; 1 Pietru 5:2, 3.

M’għandniex xi ngħidu, il-​ġemgħa taʼ l-​anzjani tal-​kongregazzjoni m’hijiex xi grupp taʼ terapisti professjonali jew professjonisti fil-​qasam tas-​saħħa, li huma kapaċi jikkuraw problemi fiżiċi jew mentali li jiffaċċjaw sħabhom fit-​twemmin. F’din is-​sistema t’affarijiet, dawk li m’humiex f’saħħithom xorta għad “għandhom bżonn it-​tabib.” (Luqa 5:31) Minkejja dan, rgħajja bħal dawn jistgħu jgħinu lil dawk li huma fil-​bżonn spiritwalment. (Ġakbu 5:14, 15) Kulmeta jkun possibbli, l-​anzjani jagħmlu arranġamenti wkoll għal assistenza oħra.—Ġakbu 2:15, 16.

Min hemm wara arranġament taʼ mħabba bħal dan? Alla Jehovah nnifsu! Il-​profeta Eżekjel jagħti stampa taʼ Jehovah bħala li qed jiddikjara: “Jien se nfittex in-​nagħaġ tiegħi u nieħu ħsiebhom. . . . [i]nsalvahom minn kull fejn xterdu. Jiena stess nirgħa n-​nagħaġ tiegħi, u jiena nserraħhom.” Alla jinteressah ukoll min-​nagħaġ debboli u dgħajfin.—Eżekjel 34:11, 12, 15, 16.

Għajnuna Vera fiż-​Żmien Xieraq

Hija għajnuna vera attwalment disponibbli fil-​kongregazzjoni Kristjana? Iva, u l-​eżempji li ġejjin juru l-​varjetà taʼ ċirkustanzi li fihom il-​kongregazzjoni tagħti assistenza.

◆ Telfa taʼ xi ħadd maħbub. Ir-​raġel t’Anna miet wara marda kronika. “Minn dak iż-​żmien ’l hawn, il-​fratellanza Kristjana wriet ħafna mħabba miegħi,” tgħid hi. “Il-​kliem ħlejju u kontinwu t’appoġġ u inkuraġġiment minn sħabi fit-​twemmin, inkluż li ħaddnuni magħhom, żammew lil qalbi tħabbat minflok ma nqasmet kompletament, u għal dan nirringrazzja lil Jehovah. L-​imħabba tagħhom ġegħlitni nħoss li kelli appoġġ kbir, li verament ħadt ir-​ruħ, u li kien hemm min jieħu ħsiebi b’mod teneru.” Int ukoll għandu mnejn kellek l-​esperjenza trawmatika taʼ li titlef lil xi ħadd maħbub fil-​mewt. Fi żminijiet bħal dawn, il-​membri tal-​kongregazzjoni jistgħu jipprovdu l-​faraġ u l-​appoġġ emozzjonali li tant ikunu meħtiġin.

◆ Mard. Arthur, indokratur li jivvjaġġa li huwa mill-​Polonja, kien iżur regolarment lil xi kongregazzjonijiet fl-​Asja Ċentrali sabiex isaħħaħhom spiritwalment. Waqt waħda minn dawn iż-​żjarat, hu marad sew, u waqt li kien qed jirkupra nqalgħulu komplikazzjonijiet serji. “Nixtieq ngħidilkom kemm ħadu ħsiebi l-​aħwa f’[belt fil-​Kazakstan],” jiftakar Arthur b’apprezzament profond. “Aħwa rġiel u nisa, li ħafna minnhom lanqas biss nafhom​—u saħansitra wħud interessati—​ġabuli flus, ikel, u mediċina. . . . U dan għamluh b’ferħ kbir.

“Immaġina kif ħassejtni meta rċivejt envelop b’xi flus ġo fih, flimkien maʼ din l-​ittra: ‘Għażiż Ħija, inselli għalik ħafna. Il-​mummy tatni l-​flus għall-​ġelat, imma jien iddeċidejt li nagħtihomlok biex tixtri l-​mediċina. Jekk jogħġbok fiq malajr. Jehovah għandu bżonna għal ħafna żmien. Xewqat sbieħ. U għidilna iżjed stejjer sbieħ biex nitgħallmu minnhom. Vova.’” Iva, l-​istess bħalma ntwera f’dan il-​każ, żgħar u kbar fil-​kongregazzjoni jistgħu jipprovdu għajnuna li ssaħħaħ fi żminijiet taʼ mard.—Filippin 2:25-29.

◆ Dipressjoni. Teri kellha f’qalbha x-​xewqa li taqdi bħala pijuniera, jew proklamatriċi tas-​Saltna full-time. Iżda minħabba xi diffikultajiet, kellha tieqaf mix-​xogħol taʼ pijuniera. “Ħassejt ħtija tremenda talli pprovajt naqdi f’dan l-​inkarigu u lanqas biss irnexxieli ndum sena sħiħa,” tgħid hi. Teri kellha l-​idea żbaljata li l-​approvazzjoni taʼ Jehovah kienet tiddependi biss fuq l-​ammont taʼ servizz li tagħtih. (Ara l-​kuntrast f’Mark 12:41-44.) Billi kienet tħossha dipressa ħafna, hi iżolat lilha nfisha. Imma mbagħad, irċiviet għajnuna rifreskanti mill-​kongregazzjoni.

Teri tiftakar: “Oħt pijuniera li kienet akbar fl-​età kienet lesta li tgħinni u qagħdet tismagħni meta ftaħt qalbi magħha. Meta tlaqt mid-​dar tagħha, ħassejtni bħallikieku neħħejt balla minn fuq l-​istonku tiegħi. Minn dak in-​nhar ’il quddiem, din l-​oħt pijuniera u żewġha, anzjan fil-​kongregazzjoni, ipprovdewli għajnuna siewja. Kuljum kienu jċempluli biex jistaqsuni kif kont sejra. . . . Xi drabi, ħallewni noqgħod għall-​istudju tagħhom tal-​familja, li impressjona fuqi l-​importanza li l-​familji jibqgħu magħqudin mill-​qrib.”

M’hijiex xi ħaġa stramba għal ħafna​—saħansitra għal Kristjani ddedikati—​li jsiru dipressi, skuraġġiti, jew li jibdew iħossuhom waħedhom. Kemm għandna għalfejn inkunu grati li għandna disponibbli assistenza b’imħabba u mingħajr egoiżmu fil-​kongregazzjoni t’Alla!—1 Tessalonikin 5:14.

◆ Diżastri u aċċidenti. Poġġi lilek innifsek fis-​sitwazzjoni taʼ familja t’erbgħa min-​nies li tilfu dak kollu li kienu jippossiedu meta nħarqitilhom id-​dar. Malajr għaddew minn dik li huma sejħulha “esperjenza inkuraġġanti li se tibqaʼ tmissilna qalbna għal dejjem u li impressjonatna ħafna bl-​imħabba vera li hemm fost il-​poplu taʼ Jehovah.” Huma jispjegaw: “Tistaʼ tgħid mill-​ewwel ġejna bbombardjati b’telefonati sinċieri t’appoġġ u simpatija mingħand ħutna spiritwali. It-​telefon ma qataʼ xejn. It-​tħassib ġenwin u l-​imħabba li ntwerejna tant qanqluna li bkejna biki taʼ gratitudni.”

F’qasir żmien, l-​anzjani tal-​kongregazzjoni organizzaw grupp kbir t’aħwa, u fi ftit jiem, dawn bnew dar ġdida għal din il-​familja. Waħda mill-​ġirien esklamat: “Trid tarahom! Hemm kull tip taʼ nies jaħdmu hemmhekk​—irġiel, nisa, suwed, Spanjoli!” Din kienet evidenza ċara taʼ mħabba taʼ l-​aħwa.—Ġwann 13:35.

Kristjani sħabhom tawhom ukoll ħwejjeġ, ikel, u flus. Il-​missier jikkummenta: “Dan ġara matul l-​istaġun tal-​Milied, meta kulħadd ikun qed jagħti r-​rigali, imma nistgħu ngħidu bl-​onestà kollha li ma kien hemm ħadd li gawda t-​tip taʼ ġenerożità ġenwina u kbira ferm li ntwerejna aħna.” U huma jżidu: “Il-​memorji tal-​ħruq tad-​dar bil-​mod il-​mod qegħdin jgħibu u minflokhom hemm memorji għeżież t’atti taʼ qalb tajba, u taʼ ħbieb li jħobbuna tassew. Ir-​ringrazzjament tagħna jmur għal Missierna tas-​sema, Jehovah, talli għandna din il-​familja meraviljuża u magħquda t’aħwa fuq l-​art, u aħna tassew grati li aħna parti minnha!”

M’għandniex xi ngħidu, intervent bħal dan m’huwiex possibbli, u lanqas huwa mistenni, f’kull traġedja simili li tiġri. Imma dan il-​każ ċertament juri l-​appoġġ li tistaʼ tipprovdi l-​kongregazzjoni.

Għerf li Jiġi mis-​Sema

Ħafna sabu sors ieħor t’għajnuna u saħħa fil-​kongregazzjoni Kristjana. Dan x’inhu? Il-​pubblikazzjonijiet li huma ppreparati mill-​“ilsir leali u diskret.” Prominenti fost dawn insibu l-​ġurnali It-​Torri taʼ l-​Għassa u Stenbaħ! Sabiex jipprovdu pariri b’dehen u istruzzjoni prattika, dawn il-​pubblikazzjonijiet jiddependu prinċipalment mill-​għerf divin li jinsab fil-​Bibbja. (Salm 119:105) L-​informazzjoni Skritturali hija ssupplimentata minn riċerka responsabbli u awtoritattiva fuq suġġetti bħalma huma dipressjoni mentali, irkuprar mill-​abbuż, diversi problemi soċjali u ekonomiċi, sfidi li jiffaċċjaw iż-​żgħażagħ, u diffikultajiet partikulari ffaċċjati f’pajjiżi sotto-żviluppati. Fuq kollox, dawn il-​pubblikazzjonijiet jappoġġaw il-​mod t’Alla bħala l-​aħjar mod taʼ ħajja.—Isaija 30:20, 21.

Kull sena, il-​Watch Tower Society tirċievi eluf taʼ ittri t’apprezzament. Per eżempju, wieħed żagħżugħ mir-​Russja kiteb hekk rigward artiklu li deher fi Stenbaħ! dwar is-​suwiċidju: “Minħabba t-​tendenza li għandi għad-​dipressjoni, . . . kien hemm ħafna drabi li kkunsidrajt is-​suwiċidju. Dan l-​artiklu saħħaħ it-​twemmin tiegħi li Alla se jgħinni nittratta mal-​problemi tiegħi. Hu jridni ngħix. Nirringrazzjah għal dan l-​appoġġ li tani permezz taʼ dan l-​artiklu.”

Jekk il-​mewġ tempestuż taʼ inkwiet f’din id-​dinja jidher qawwi wisq biex jirnexxilek iżżomm fil-​wiċċ, tistaʼ tibqaʼ ċert li hemm menqa taʼ sigurtà fil-​kongregazzjoni Kristjana. Tabilħaqq, jekk id-​deżert niexef qoxqox taʼ din is-​sistema mingħajr imħabba qed jherrilek saħħtek, tistaʼ ssib oasi li jerġaʼ jagħtik l-​enerġija fl-​organizzazzjoni taʼ Jehovah. Wara li tesperjenza appoġġ bħal dan, int ukoll tistaʼ ttenni l-​kliem taʼ mara Kristjana li kampat b’suċċess mal-​marda serja taʼ żewġha u kitbet: “Minħabba l-​imħabba li wrewna u l-​mod kif ħadu ħsiebna, inħossni bħallikieku Jehovah żammna fil-​pala taʼ idu sakemm għaddejna minn din il-​kriżi. Kemm jien rikonoxxenti li nagħmel parti mill-​organizzazzjoni manjifika taʼ Jehovah!”

[Nota taʼ taħt]

a L-ismijiet ġew mibdulin.

[Stampi f’paġna 26]

Aħna nistgħu nipprovdu għajnuna li ssaħħaħ lill-​morda, lil dawk imnikktin minħabba l-​mewt taʼ xi ħadd maħbub, u oħrajn

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja