Aċċettajt bil-Ferħa d-Direzzjoni taʼ Jehovah
KIF RAKKONTAT MINN ULYSSES V. GLASS
Kienet okkażjoni straordinarja. Kien hemm 127 student biss fil-klassi tal-gradwazzjoni, imma fl-udjenza kien hemm 126,387 persuna entużjasta minn għadd kbir taʼ pajjiżi differenti. Din kienet il-gradwazzjoni tal-21 klassi taʼ l-Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead), li nżammet fil-Yankee Stadium taʼ New York City fid-19 taʼ Lulju, 1953. Din il-ġrajja għala kienet daqshekk sinjifikanti f’ħajti? Ħa nirrakkontalkom ftit fuq il-ħajja tiegħi.
JIEN twelidt f’Vincennes, l-Indjana, fl-Istati Uniti, fis-17 taʼ Frar, 1912, madwar sentejn qabel it-twelid tas-Saltna Messjanika, kif deskritt f’Apokalissi 12:1-5. Is-sena taʼ qabel, il-ġenituri tiegħi kienu bdew jistudjaw il-Bibbja permezz tal-volumi taʼ Studies in the Scriptures. Kull nhar taʼ Ħadd fil-għodu, missieri kien jaqralna silta minn wieħed minn dawk il-kotba, u mbagħad konna niddiskutuha flimkien.
Ommi kienet tuża dak li kienet qed titgħallem biex issawwar l-imħuħ tat-tfal tagħha. Kienet mara taz-zokkor—qalbha f’idha, tant ħerqana li tgħin. Tfal konna erbgħa, imma l-imħabba li wriet ommna kienet tinkludi wkoll lil tfal oħra mill-akkwati. Hi kienet tqattaʼ ħin magħna. Kienet l-għaxqa tagħha tirrakkontalna l-istejjer mill-Bibbja u tkanta magħna.
Hi kienet ukoll tistieden id-dar tagħna lil diversi wħud li kienu jaqdu full-time fil-ministeru. Dawn kienu joqogħdu magħna għal xi ġurnata jew tnejn, u taʼ spiss kienu jorganizzaw il-laqgħat u jagħtu t-taħditiet fid-dar tagħna. L-iktar li konna nieħdu pjaċir bihom kienu dawk li kienu jużaw it-tixbihat u jirrakkontawlna l-istejjer. Darba waħda fl-1919, xi sena wara li ntemmet l-ewwel gwerra dinjija, il-ħu li kien qiegħed iżurna indirizza l-kummenti tiegħu b’mod speċjali lilna t-tfal. Hu ddiskuta l-konsagrazzjoni—dik li issa nirreferu għaliha iktar eżatt bħala d-dedikazzjoni—u għenna biex nifhmu kif din kienet teffettwa l-ħajjiet tagħna. Iktar tard fil-għaxija x’ħin dħalt norqod, tlabt lil Missieri tas-sema u għedtlu li ridt naqdih għal dejjem.
Madankollu, wara l-1922 kelli ħsibijiet oħra fil-ħajja li spiċċaw biex tefgħu dik ir-riżoluzzjoni fit-tieni post. Bdilna l-post fejn noqogħdu kemm-il darba u ma kellna sħubija maʼ ebda kongregazzjoni tan-nies taʼ Jehovah. Missieri ma kienx joqgħod magħna minħabba x-xogħol li kellu mal-ferrovija. L-istudju tagħna tal-Bibbja kien irregolari. Jien ħadt korsijiet skolastiċi bl-iskop li nsir pittur kummerċjali u kont qed nagħmel pjanijiet biex nattendi waħda mill-aħjar universitajiet.
Naġġusta l-Għan Tiegħi fil-Ħajja
Matul nofs is-snin tletin, id-dinja bdiet riesqa għal darb’oħra lejn gwerra dinjija. Konna qed ngħixu fi Cleveland, Ohio, meta wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah ġie jħabbtilna l-bieb. Bdejna naħsbu iktar bis-serjetà dwar dak li konna tgħallimna bħala tfal. Ħija l-kbir, Russell, kien tassew tifel bil-għaqal, u kien l-ewwel wieħed li tgħammed. Jien kont kemxejn iktar moħħ ir-riħ, imma fit-3 taʼ Frar, 1936, jien ukoll tgħammidt. L-apprezzament tiegħi lejn x’kienet tinvolvi d-dedikazzjoni lil Jehovah kien qiegħed jikber, u kont qed nitgħallem naċċetta d-direzzjoni taʼ Jehovah. F’dik l-istess sena ż-żewġ ħuti bniet, Kathryn u Gertrude, tgħammdu wkoll. Ilkoll kemm aħna dħalna fis-servizz full-time bħala pijunieri.
Madankollu, dan ma jfissirx li ma konna naħsbu fuq xejn iktar. Ftaħt widnejn daqs taʼ ħmar meta l-mara taʼ ħija qaltli dwar tfajla gustuża ħafna jisimha Ann. Din Ann kienet saret tassew eċċitata minn mindu semgħet bil-verità u kienet se tiġi għal-laqgħat fid-dar tagħna. Dak iż-żmien Ann kienet qed taħdem bħala segretarja f’uffiċċju legali, u fi żmien sena tgħammdet. Jien ma kellix f’moħħi li niżżewweġ, imma kien evidenti li Ann kienet favur il-verità mija fil-mija. Hi riedet tkun involuta bis-sħiħ fis-servizz taʼ Jehovah. Qatt ma kienet waħda li tirraġuna, “Tgħid jirnexxili nagħmilha din?” Minflok, kienet tistaqsi, “Liema hu l-aħjar mod kif nagħmilha din il-ħaġa?” U kienet tkun determinata li ħaġa taraha lesta. Din il-ħarsa pożittiva kienet togħġobni. Barra minn hekk, kienet gustuża ħafna, u għadha hekk. Saret marti, u malajr saret is-sieħba tiegħi fis-servizz tal-pijunieri.
Taħriġ Siewi Bħala Pijunieri
Bħala pijunieri tgħallimna s-sigriet taʼ kif inkunu kuntenti kemm meta kellna ftit affarijiet biex ngħaddu u kemm meta konna fix-xabaʼ. (Filippin 4:11-13) Jum wieħed kien kważi qorob fil-għaxija, u konna għadna ma messejna xejn maʼ ħalqna. Kellna biss ħames ċenteżmi bejnietna. Dħalna għand tal-laħam, u staqsejtu, “Tistaʼ tagħtina b’ħames ċenteżmi zalzett?” Dan ħares lejna u mbagħad qatagħlna erbaʼ roti zalzett. Jien ċert li tana iktar mill-ħames ċenteżmi li tajnieh, u xi ftit nutriment ħadna minnu.
Mhux l-ewwel darba li konna niffaċċjaw oppożizzjoni ħarxa aħna u nwettqu l-ministeru tagħna. F’belt żgħira qrib Syracuse, fi New York, konna fit-triq inqassmu l-volantini u lebsin il-kartelluni biex niġbdu l-attenzjoni għal laqgħa pubblika speċjali li kienet se ssir. Żewġt irġiel m’ogħla hawn ħatfuni u bdew jittrattawni bil-goff. Wieħed minnhom kien fizzjal tal-pulizija, imma ma kienx liebes l-uniformi, u ma tax kasi meta tlabtu biex jidentifika ruħu. Proprju f’dak il-ħin wasal Grant Suiter mill-Betel taʼ Brooklyn u qalilna biex immorru l-għassa tal-pulizija ħalli nirranġaw kollox. Imbagħad hu ċempel l-uffiċċju tas-Soċjetà fi Brooklyn, u tnejn minna ntqalilna biex nerġgħu noħorġu dak in-nhar stess bil-kartelluni u l-volantini sabiex nipprovdu l-bażi għal kriterju. Kif kien mistenni, ġejna arrestati. Madankollu, meta għedna lill-pulizija li huma kienu se jiġu mħarrkin fuq arrest falz, dawn ħallewna nitilqu.
L-għada, ċorma żgħażagħ storbjużi invadew il-post fejn konna qed inżommu assemblea wara li kien xewwixhom qassis, u l-pulizija ma kienu jidhru mkien. Il-vandali bdew isabbtu fuq l-art taʼ l-injam bil-mazez tal-baseball, tefgħu għal isfel lil xi nies mill-udjenza li kienu fis-sular taʼ fuq, u telgħu fuq il-pletform, fejn bdew ixejru bandiera Amerikana u jgħajtu, “Selmulha! Selmulha!” Imbagħad bdew ikantaw il-“Beer Barrel Polka.” Tistaʼ tgħid li l-laqgħa ħarbtuha. Konna qed naraw b’għajnejna u mmissu b’idejna dak li Ġesù ried ifisser meta qal: “Billi m’intomx tad-dinja, għax jien ħriġtkom mid-dinja, id-dinja tobgħodkom.”—Ġwann 15:19.
It-taħdita pubblika kienet attwalment reġistrazzjoni tat-taħdita taʼ J. F. Rutherford, li dakinhar kien il-president tal-Watch Tower Society. Jien u Ann bqajna f’dik il-belt għal erbat ijiem oħra u żorna lin-nies biex noffrulhom l-opportunità li jisimgħu t-taħdita ġewwa djarhom. Xi wħud aċċettawha dik l-offerta.
Noffru Lilna Nfusna għas-Servizz Barra l-Pajjiż
Maż-żmien, infetħu oqsma ġodda taʼ servizz. Ħija Russel u martu Dorothy, ġew mistiedna bħala koppja biex jattendu l-ewwel klassi taʼ l-Iskola taʼ Gilgħad, fl-1943, u mbagħad intbagħtu bħala missjunarji f’Kuba. Oħti Kathryn kienet fir-rabaʼ klassi. Hi wkoll ġiet assenjata f’Kuba. Iktar tard intbagħtet fir-Repubblika Dominikana u mbagħad f’Puerto Rico. Xi ngħidu dwari u dwar Ann?
Meta smajna bl-Iskola taʼ Gilgħad u l-fatt li s-Soċjetà xtaqet tibgħat missjunarji f’artijiet oħra, ħassejna li xtaqna noffru lilna nfusna għas-servizz f’pajjiż ieħor. Għall-ewwel, ħsibna li mmorru għal rasna, forsi l-Messiku. Imma mbagħad iddeċidejna li forsi jkun aħjar jekk nistennew u nħallu lis-Soċjetà taħtarna wara li nkunu attendejna l-Iskola taʼ Gilgħad. Irrealizzajna li dan kien arranġament li Jehovah kien qed juża.
Aħna ġejna mistidnin għar-rabaʼ klassi taʼ l-Iskola taʼ Gilgħad. Imma ftit qabel ma kellha tibda l-klassi, N. H. Knorr, li f’dak iż-żmien kien il-president tal-Watch Tower Society, sar iktar konxju tal-limitazzjonijiet li kellha Ann minħabba l-poljo li kellha meta kienet żgħira. Hu kellimni dwar dan u ddeċieda li ma jkunx għaqli li jibagħtuna naqdu f’pajjiż ieħor.
Madwar sentejn wara, meta kont qed nagħmel xogħol bi tħejjija għal konvenzjoni, Ħuna Knorr reġaʼ rani u staqsieni jekk konniex għadna interessati li nattendu Gilgħad. Qalli li ma konniex se nintbagħtu f’inkarigu f’pajjiż barrani; kellu xi ħaġa oħra f’moħħu. Għalhekk, meta ġiet reġistrata d-disaʼ klassi fis-26 taʼ Frar, 1947, ġejna inklużi maʼ l-istudenti.
Ma ninsewhom qatt dawk il-ġranet li qattajna f’Gilgħad. Il-korsijiet kienu spiritwalment abbundanti. Hemm għamilna ħbieb għal għomorna. Imma l-involviment tiegħi maʼ l-iskola kien jinkludi iktar minn hekk.
Minn Washington għal Gilgħad u Viċeversa
L-Iskola taʼ Gilgħad kienet għadha relattivament ġdida. Il-gvern taʼ l-Istati Uniti ma kienx midħla biżżejjed taʼ l-objettivi taʼ l-iskola, u għalhekk bdew iqumu ħafna mistoqsijiet. Is-Soċjetà riedet li jkollha rappreżentant f’Washington, D.C. Kien hemmhekk li ntbgħatna ftit xhur wara li ggradwajna minn Gilgħad. Xogħli kien li ngħin biex jinkisbu l-viżi għal dawk li jkunu ġew mistiedna biex imorru Gilgħad minn pajjiżi oħra u li nikseb id-dokumenti legali sabiex il-gradwati jkunu jistgħu jintbagħtu barra l-pajjiż fuq xogħol missjunarju. Xi uffiċjali ma kinux preġudikati lejna u kienu t’għajnuna. Oħrajn kellhom sentimenti qawwija kontra x-Xhieda. Xi wħud li kellhom opinjonijiet politiċi qawwija sostnew li aħna kellna konnessjonijiet maʼ ċerti elementi li huma kienu jqisu bħala mhux mixtieqa.
F’wieħed mill-uffiċċji li mort, wieħed raġel ikkritikana bl-aħrax talli ma nsellmux il-bandiera jew immorru għall-gwerra. Wara li dam itaqtaq fuq din il-ħaġa għal ftit tal-ħin, fl-aħħar għedtlu: “Irridek tkun taf, u inti tafu dan, li x-Xhieda taʼ Jehovah m’huma involuti fl-ebda gwerra maʼ xi ħadd fid-dinja. Aħna ma ninvolvux ruħna fil-kwistjonijiet tad-dinja. Ma ninvolvux ruħna fil-gwerer tagħhom, fil-politika tagħhom. Aħna newtrali għalkollox. Diġà għelibna l-problemi li intom qed tiffaċċjaw; aħna għandna l-unità fl-organizzazzjoni tagħna. . . . Issa, xi tridna nagħmlu? Tridna mmorru lura għall-mod kif tagħmlu l-affarijiet intom u nabbandunaw tagħna?” Ma qalx kelma oħra wara dan.
Jumejn sħaħ fil-ġimgħa kienu jitħallew għax-xogħol maʼ l-uffiċċji governattivi. Flimkien maʼ dan, konna qed naqdu bħala pijunieri speċjali. Dakinhar, dan kien jinvolvi li nqattgħu 175 siegħa fil-ministeru taʼ l-għalqa kull xahar (iktar tard dan inbidel għal 140 siegħa), u għalhekk taʼ spiss konna ndumu fis-servizz sa tard fil-għaxija. Kien żmien mill-isbaħ. Ikkonduċejna ħafna studji sbieħ maʼ familji sħaħ u dawn għamlu progress ġmielu. Jien u Ann konna ddeċidejna li ma jkollniex tfal, imma f’sens spiritwali, mhux talli kellna tfal imma wkoll tfal tat-tfal u t-tfal tagħhom. Kemm iferrħulna qlubna dawn!
Lejn it-tmiem taʼ l-1948, irċivejt inkarigu ieħor. Ħuna Knorr spjegali li Ħuna Schroeder, ir-reġistratur u wieħed mill-għalliema fl-Iskola taʼ Gilgħad, kien se jkun imħabbat b’xogħol importanti ieħor, u għalhekk talbuni biex ngħallem lill-klassijiet taʼ Gilgħad meta jkun hemm bżonn. B’imsarni f’saqajja, erġajt lura f’Gilgħad, South Lansing, fi New York, flimkien maʼ Ann fit-18 taʼ Diċembru. Għall-ewwel, konna ndumu Gilgħad għal ftit ġimgħat biss kull darba, u mbagħad konna mmorru lura Washington. Eventwalment, madankollu, kont qed inqattaʼ iktar ħin f’Gilgħad milli f’Washington.
Kien f’dan il-perijodu, kif semmejt iktar kmieni, li ggradwat il-21 klassi taʼ Gilgħad fil-Yankee Stadium taʼ New York. Għalhekk bħala wieħed mill-għalliema, kont privileġġat li nieħu sehem fil-programm tal-gradwazzjoni.
Is-Servizz fil-Kwartieri Ġenerali Dinjin
Fit-12 taʼ Frar, 1955, infetaħ inkarigu taʼ servizz ieħor għalina. Sirna membri tal-familja Betel fil-kwartieri ġenerali dinjin taʼ l-organizzazzjoni viżibbli taʼ Jehovah. Imma dan x’kien se jinvolvi? Bażikament, li nkunu lesti li nagħmlu dak kollu li niġu mqabbdin, u nieħdu sehem fi proġetti li kienu jirrikjedu kooperazzjoni m’oħrajn. M’għandniex xi ngħidu, dan ix-xogħol konna diġà għamilnieh, imma issa konna se nkunu parti minn grupp ferm akbar—il-familja Betel tal-kwartieri ġenerali. Aċċettajna bil-qalb kollha dan l-inkarigu ġdid bħala li kien evidenza tad-direzzjoni taʼ Jehovah.
Parti prinċipali mix-xogħol tiegħi kien jinvolvi kwistjonijiet li kellhom x’jaqsmu mal-qasam tax-xandir. Minħabba li n-nies taʼ l-istampa kienu jixtiequ jippubblikaw stejjer sensazzjonali u minħabba li kienu jiksbu l-informazzjoni minn sorsi preġudikati, dawn kienu kitbu affarijiet ftit li xejn sbieħ dwar ix-Xhieda taʼ Jehovah. Aħna għamilna l-almu tagħna biex intejbu din il-qagħda.
Ħuna Knorr ried ikun ċert li kulħadd ikollu ħafna xogħol x’jagħmel, u għalhekk kien hemm inkarigi oħra wkoll. Għal ftit minn dawn l-inkarigi ġejt bżonn it-taħriġ li kont ksibt bħala pittur kummerċjali. Inkarigi oħra kienu jinvolvu l-istazzjon tar-radju tas-Soċjetà, il-WBBR. Kien hemm xogħol xi jsir konness mal-films maħruġa mis-Soċjetà. M’għandniex xi ngħidu, l-istorja teokratika kienet tagħmel parti mill-kors taʼ Gilgħad, imma issa nbdew diversi proġetti sabiex in-nies taʼ Jehovah jsiru iktar midħla tad-dettalji taʼ l-istorja taʼ l-organizzazzjoni teokratika taż-żmien modern u biex dan ikun disponibbli għall-pubbliku wkoll. Aspett ieħor tat-taħriġ f’Gilgħad kien jinvolvi li wieħed jitkellem fil-pubbliku, u kien jeħtieġ ix-xogħol sabiex iktar tagħrif bażiku għat-taħditiet pubbliċi jkun disponibbli għall-aħwa fil-kongregazzjonijiet. Għalhekk kien hemm ħafna xi jsir.
Gilgħad fuq Bażi Regulari
Fl-1961, billi fil-futur qarib kellu jibda t-taħriġ għall-indokraturi li jivvjaġġaw u l-ħaddiema fil-fergħat, l-Iskola taʼ Gilgħad ittieħdet fi Brooklyn, fejn il-Watch Tower Society għandha l-uffiċċji prinċipali tagħha. Għal darb’oħra erġajt spiċċajt fil-klassi—din id-darba mhux bħala għalliem sostitut imma bħala membru regulari tal-fakultà. Xi privileġġ! Jien konvint bis-sħiħ li l-Iskola taʼ Gilgħad hija għotja mingħand Jehovah, għotja li bbenefikat minnha l-organizzazzjoni viżibbli kollha kemm hi tiegħu.
Fi Brooklyn, il-klassijiet taʼ Gilgħad kellhom opportunitajiet li l-istudenti mill-klassijiet taʼ qabel ma kellhomx. Kien hemm iktar lecturers mistiedna u kien hemm sħubija mill-qrib mal-Ġemgħa li Tiggverna u sħubija estensiva mal-familja Betel tal-kwartieri ġenerali. L-istudenti kellhom ukoll il-possibbiltà li jirċievu taħriġ fi proċeduri taʼ l-uffiċċji, f’xogħol prattiku fid-dar Betel, u f’diversi aspetti tax-xogħol fil-fabbriki.
Matul is-snin l-għadd taʼ studenti varja, u l-istess għamel l-għadd t’għalliema. Il-lok taʼ l-iskola nbidel diversi drabi wkoll. Bħalissa l-iskola tinsab f’post mill-isbaħ f’Patterson, New York.
Ix-Xogħol Flimkien maʼ l-Istudenti
Kienet ħaġa mill-isbaħ li ngħallem dawn il-klassijiet! Hemmhekk tara żgħażagħ li m’humiex interessati li jagħmlu affarijiet fis-sistema l-qadima. Huma jħallu warajhom il-familja tagħhom, ħbiebhom, darhom, u n-nies li jitkellmu l-lingwa tagħhom. Il-klima, l-ikel—kollox se jkun differenti. Lanqas biss ikunu jafu f’liema pajjiż sejrin, imma l-mira tagħhom hi li jkunu missjunarji. Nies bħal dawn m’hemmx għalfejn timmotivahom.
Meta kont nidħol fil-klassi, dejjem kelli l-mira li l-istudenti jħossuhom rilassati. Ħadd ma jitgħallem tajjeb meta jkun imħasseb u inkwetat. Veru, jien kont l-għalliem, imma kont naf x’jiġifieri tkun student. Darba jien ukoll poġġejt fuq dawk is-siġġijiet. M’għandniex xi ngħidu, l-istudenti kienu jistudjaw bl-għama u jitgħallmu ħafna f’Gilgħad, imma jien ridthom ukoll li jieħdu pjaċir.
Kont naf li meta dawn kienu jaslu fl-inkarigi tagħhom, kien se jkun hemm ċerti affarijiet li kien se jkollhom bżonn sabiex jirnexxu. Kien se jkollhom bżonn fidi qawwija. Kien se jkollhom bżonn l-umiltà—ħafna wkoll. Kien se jkollhom bżonn jitgħallmu kif jingwalawha maʼ nies oħra, kif jaċċettaw ċerti sitwazzjonijiet, kif jaħfru kemm jistgħu. Kien se jkollhom bżonn jibqgħu jikkultivaw il-frott taʼ l-ispirtu. Kien se jkollhom bżonn ukoll iħobbu lin-nies u jħobbu x-xogħol li jkunu ntbagħtu biex jagħmlu. Dawn huma l-affarijiet li kont il-ħin kollu nipprova nżomm quddiem għajnejn l-istudenti waqt li jkunu f’Gilgħad.
Sinċerament ma nafx kemm-il student għallimt. Imma kif inħossni dwarhom naf. Wara li nkun qattajt ħames xhur magħhom fil-klassi, ma stajtx ma ninġibidx lejhom. Imbagħad meta kont narahom mexjin fuq il-pletform u jirċievu d-diplomi tagħhom f’jum il-gradwazzjoni, kont inkun naf li rnexxielhom itemmu l-kors b’suċċess u li dalwaqt kienu se jħalluna. Kien ikun qisu li parti mill-familja tiegħi kienet sejra. Kif tistaʼ żżomm lura milli tħobb nies li kienu lesti li jagħtu minnhom infushom u jagħmlu x-xogħol li dawn iż-żgħażagħ kienu se jagħmlu?
Snin wara, meta jerġgħu jiġu jżuruna, nismagħhom jirrakkontaw il-ferħ li għandhom fis-servizz, u naf li għadhom jaqdu fl-inkarigi tagħhom, jagħmlu dak li ġew imħarrġin biex jagħmlu. Dan kif iġagħalni nħossni? Ngħidilkom bla tlaqliq, inħossni ferħan għall-aħħar.
Inħares lejn il-Futur
Għajnejja m’għadhomx li kienu issa, u jkolli nissaporti d-dwejjaq li dan iġib miegħu. M’għadnix nistaʼ ngħallem fil-klassi taʼ Gilgħad. Għall-ewwel, dan kien aġġustament iebes għalija, imma matul ħajti tgħallimt naċċetta s-sitwazzjonijiet u nkampa magħhom. Taʼ spiss naħseb fuq l-appostlu Pawlu u x-‘xewka f’ġismu.’ Tliet darbiet Pawlu talab biex jinħeles minn dik l-afflizzjoni, imma l-Mulej qallu: “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef.” (2 Korintin 12:7-10) Pawlu kompla jgħix biha. Jekk hu rnexxielu, jien missni nipprova. Għalkemm m’għadnix nikkonduċi sessjonijiet fil-klassi, ninsab grat li għadni nistaʼ nara lill-istudenti ġejjin u sejrin kuljum. Xi kultant jirnexxili nitkellem ftit magħhom, u jferrħuli qalbi meta naħseb fuq l-ispirtu mill-aħjar li dawn qed juru.
Nitgħaxxaq nimmedita fuq x’hemm merfugħ għall-futur. Bħalissa qed jitqiegħed pedament. Gilgħad lagħab parti prominenti f’dan. Wara t-tribulazzjoni l-kbira, meta jinfetħu l-kotba msemmija f’Apokalissi 20:12, se jkun hemm elf sena taʼ iktar taħriġ intensiv fil-mogħdijiet taʼ Jehovah. (Isaija 11:9) Imma saħansitra dak mhux se jkun it-tmiem. Fil-fatt huwa biss il-bidu. Matul l-eternità, se jkun hemm iktar x’nitgħallmu dwar Jehovah u iktar x’nagħmlu hekk kif naraw l-iskopijiet tiegħu jiżvolġu. Jien fiduċjuż bis-sħiħ li Jehovah se jwettaq il-wegħdi grandjużi kollha li għamel, u jien irrid inkun hemm biex inkun fost dawk li jaċċettaw id-direzzjonijiet li se jagħtina Jehovah dakinhar.
[Stampa f’paġna 26]
Il-gradwazzjoni taʼ Gilgħad fil-Yankee Stadium taʼ New York fl-1953
[Stampa f’paġna 26]
Gertrude, jien, Kathryn, u Russell
[Stampa f’paġna 26]
Waqt xogħol taʼ organizzazzjoni għall-konvenzjoni maʼ N. H. Knorr (fuq ix-xellug fit-tarf) u M. G. Henschel
[Stampa f’paġna 26]
Fl-istudju tax-xandir tal-WBBR
[Stampa f’paġna 29]
Fil-klassi taʼ Gilgħad
[Stampa f’paġna 31]
Maʼ Ann, reċentement