LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 9/1 pp. 13-18
  • Żgħażagħ—Ħarrġu s-Sens Tagħkom Biex Tagħżlu!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Żgħażagħ—Ħarrġu s-Sens Tagħkom Biex Tagħżlu!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kif Tħarreġ is-​Sens Tiegħek biex Tagħżel
  • Uża l-​Għaqal fir-​Rikreazzjoni
  • L-​Għaqal fl-​Ippjanar taʼ l-​Edukazzjoni Tiegħek
  • Inżommu l-​Għerusija Onorabbli
  • Li Tkun Mgħallem ‘sa minn Żgħożitek’
  • Żviluppa s-Sens Tiegħek biex Tagħżel
    Il-Ministeru tas-Saltna—2001
  • Tistaʼ Int ‘Tagħżel Bejn it-Tajjeb u l-Ħażin’?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Kompli Ħarreġ is-Sensi Tiegħek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • “Ibqgħu Agħtu Prova taʼ X’Intom”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 9/1 pp. 13-18

Żgħażagħ—Ħarrġu s-​Sens Tagħkom Biex Tagħżlu!

“L-​ikel qawwi hu għall-​perfetti, għal dawk li, bid-​drawwa, għandhom is-​sens imħarreġ biex jagħżlu t-​tajjeb mill-​ħażin.”—LHUD 5:14, Saydon.

1, 2. (a) Is-​sitwazzjoni tagħna llum kif titqabbel maʼ dik tal-​Kristjani tal-​qedem f’Efesu? (b) Liema abbiltajiet jistgħu jħarsuk mill-​periklu, u kif tistaʼ tiżviluppahom?

“QISU sewwa kif iġġibu ruħkom, mhux bħal nies bla dehen, iżda bħal nies għorrief, li jgħożżu ż-​żmien, għaliex ħżiena huma l-​jiem.” (Efesin 5:15, 16) Mindu l-​appostlu Pawlu kiteb dan il-​kliem elfejn sena ilu, ‘nies ħżiena u wċuħ b’oħra marru mill-​ħażin għall-​agħar.’ Aħna qed ngħixu fi “żmien iebes,” jew kif tpoġġih traduzzjoni oħra, żmien “mimli periklu.”—2 Timotju 3:1-5, 13; Phillips.

2 Madankollu, int tistaʼ tevita li jiġrilek ħsara mill-​perikli li jkunu qed jitlajjaw fil-​mogħdija tiegħek billi tiżviluppa d-​“dehen . . . l-​għerf u l-​għaqal.” (Proverbji 1:4) Proverbji 2:10-12 jgħid: “Għax l-​għerf jidħollok f’moħħok, u t-​tagħrif ikun l-​għaxqa taʼ qalbek. L-​għaqal jgħasses fuqek, il-​fehma tajba tħarsek, teħilsek minn triq il-​ħażen, minn nies taʼ kliem il-​għawġ.” Imma preċiżament kif tistaʼ tiżviluppahom dawn l-​abbiltajiet? Lhud 5:14 (Saydon) jgħid: “L-​ikel qawwi hu għall-​perfetti, għal dawk li, bid-​drawwa, għandhom is-​sens imħarreġ biex jagħżlu t-​tajjeb mill-​ħażin.” Bħal fi kwalunkwe sengħa, biex wieħed ikun jaf juża s-​sens tiegħu biex jagħżel jirrikjedi taħriġ. Il-​kelma Griega li Pawlu uża tfisser letteralment ‘li tkun ġejt imħarreġ bħala ġinnasta.’ Kif tibda tagħmel taħriġ bħal dan?

Kif Tħarreġ is-​Sens Tiegħek biex Tagħżel

3. Kif tistaʼ tuża s-​sens tiegħek biex tagħżel meta jkollok tagħmel xi deċiżjoni?

3 Innota li s-​sens tiegħek biex tagħżel​—l-​abbiltà tiegħek li tinduna x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin—​huwa mħarreġ “bid-​drawwa.” Meta jkollok tagħmel xi deċiżjoni, jekk tipprova taqtaʼ, taġixxi kif ifettillek dak il-​ħin, jew sempliċement timxi mal-​kurrent, rari se jirriżulta f’għażla għaqlija. Biex tagħmel deċiżjonijiet għaqlin trid tuża s-​sens tiegħek biex tagħżel. Kif? Qabel xejn, billi tinvestiga bir-​reqqa s-​sitwazzjoni u ssir taf il-​fatti kollha. Jekk ikun hemm bżonn staqsi xi mistoqsijiet. Iddetermina x’inhuma l-​għażliet li għandek. Proverbji 13:16 jgħid: “L-​għaqli jagħmel kollox bi ħsieb.” Imbagħad, ipprova iddetermina liema liġijiet jew prinċipji Bibliċi japplikaw għal dak is-​suġġett. (Proverbji 3:5) M’għandniex xi ngħidu, biex tagħmel dan irid ikollok għarfien mill-​Bibbja. Għalhekk Pawlu jinkuraġġina ndaħħlu ġo fina “ikel qawwi”​—biex insiru nafu “l-​wisaʼ u t-​tul, l-​għoli u l-​fond” tal-​verità.—Efesin 3:18.

4. Għarfien tal-​prinċipji t’Alla għala huwa essenzjali?

4 Huwa essenzjali li nagħmlu hekk ladarba aħna imperfetti, u faċli nidinbu. (Ġenesi 8:21; Rumani 5:12) “Fuq kollox qalb il-​bniedem kollha qerq u mħassra,” jgħid Ġeremija 17:9. Mingħajr il-​prinċipji divini biex jiggwidawna aħna nistgħu nqarrqu bina nfusna u naħsbu li xi ħaġa ħażina tkun tajba​—sempliċement minħabba li ġisimna jixxennaq għaliha. (Qabbel Isaija 5:20.) Is-​salmista kiteb: “Kif jistaʼ żagħżugħ jimxi safi fi triqtu? Billi jħares il-​kelma tiegħek. Jien ksibt id-​dehen bil-​preċetti tiegħek; għalhekk nobgħod kull triq qarrieqa.”—Salm 119:9, 104.

5. (a) Xi żgħażagħ għala jsegwu mogħdijiet foloz? (b) Waħda żagħżugħa kif għamlitha tagħha l-​verità?

5 Xi żgħażagħ li trabbew ġo familji Kristjani għala segwew mogħdijiet foloz? Jistaʼ jkun għax dawn qatt ma ‘għarfu [‘taw prova għalihom infushom,’ “NW”] x’inhi r-​rieda t’Alla, x’inhu t-​tajjeb li jogħġbu, u x’inhu perfett’? (Rumani 12:2) Xi wħud għandhom mnejn jattendu għal-​laqgħat mal-​ġenituri tagħhom u jkunu jafu x’inhu t-​tagħlim bażiku tal-​Bibbja. Imma meta jiġu mitlubin jagħtu prova tat-​twemmin tagħhom jew biex jispjegaw xi wħud mill-​affarijiet iktar fondi tal-​Kelma t’Alla, l-​għarfien li għandhom jiddiżappuntak daqskemm ikun superfiċjali. Dawn iż-​żgħażagħ jistgħu faċilment jitqarrqu. (Efesin 4:14) Jekk dan japplika fil-​każ tiegħek, għala ma tagħmilx proponiment li tagħmel xi bidliet? Oħt żagħżugħa tiftakar: “Għamilt riċerka. Staqsejt lili nnifsi, ‘Kif naf li din hija l-​vera reliġjon? Kif naf li hemm Alla jismu Jehovah?’”a Meta eżaminat l-​Iskrittura bir-​reqqa kkonvinċiet ruħha li l-​affarijiet li kienet tgħallmet mingħand il-​ġenituri tagħha kienu minnhom!—Atti 17:11.

6. Kif tistaʼ ‘tagħraf dak li jogħġob lill-​Mulej,’ Jehovah?

6 Se jkun iktar faċli li ‘tagħraf dak li jogħġob lill-​Mulej,’ jekk tkun armat b’għarfien dwar il-​prinċipji taʼ Jehovah. (Efesin 5:10) Iżda xi ngħidu jekk ma tkunx ċert liema korsa għaqlija għandek tieħu f’xi sitwazzjoni partikulari? Itlob lil Jehovah għad-​direzzjoni. (Salm 119:144) Ipprova iddiskuti l-​affarijiet mal-​ġenituri jew maʼ xi Kristjan matur. (Proverbji 15:22; 27:17) Tistaʼ wkoll issib direzzjoni li tkun t’għajnuna billi tagħmel riċerka fil-​Bibbja u fil-​pubblikazzjonijiet tal-​Watch Tower. (Proverbji 2:3-5) Iktar ma tużah is-​sens tiegħek biex tagħżel, dan iktar se jitjieb.

Uża l-​Għaqal fir-​Rikreazzjoni

7, 8. (a) Kif tistaʼ tuża s-​sens tiegħek biex tagħżel ħalli tiddetermina jekk għandekx tattendi jew le għal xi laqgħa soċjali? (b) X’inhi l-​ħarsa tal-​Bibbja dwar ir-​rikreazzjoni?

7 Ejja issa nagħtu ħarsa lejn kif tistaʼ tuża s-​sens tiegħek biex tagħżel f’xi sitwazzjonijiet speċifiċi. Immaġina, per eżempju, li ġejt mistieden għal xi laqgħa soċjali. Forsi anki rċivejt xi fuljett li jirriklama din il-​laqgħa soċjali. Ir-​reklam jgħid li se jkun hemm ħafna Xhieda żgħażagħ. Imma se jkollok tħallas xi ħaġa biex ikopru l-​ispejjeż li saru. Għandek int tattendi?

8 Tajjeb, uża s-​sens tiegħek biex tagħżel. L-​ewwel, sir af il-​fatti. Kemm se tkun kbira din il-​laqgħa soċjali? Min se jkun hemm? X’ħin se tibda? X’ħin se tispiċċa? X’attivitajiet huma pjanati? X’tip taʼ superviżjoni se jkun hemm? Imbagħad, agħmel riċerka, billi tfittex dwar “Social Gatherings,” u “Entertainment” fil-​Watch Tower Publications Index.b X’jistaʼ joħroġ minn din ir-​riċerka? Waħda minnhom hi li Jehovah ma jikkundannax li jsiru laqgħat soċjali biex kulħadd jieħu gost. Fil-​fatt Koħèlet 8:15 jgħid li flimkien mat-​taħbit tiegħu, “il-​bniedem m’għandux hena ieħor taħt ix-​xemx ħlief li jiekol u jixrob, u jkun ferħan.” Anki Ġesù Kristu nnifsu attenda ikliet speċjali u minn taʼ l-​inqas tieġ wieħed. (Luqa 5:27-29; Ġwann 2:1-10) Meta jinżamm il-​bilanċ, okkażjonijiet soċjali jistgħu jkunu taʼ benefiċċju.

9, 10. (a) Liema perikli jistaʼ jkun hemm f’xi laqgħat soċjali? (b) Liema mistoqsijiet tistaʼ tistaqsi lilek innifsek qabel ma tiddeċiedi jekk tattendix jew le għal xi laqgħa soċjali?

9 Minkejja dan, f’laqgħat soċjali li ma jiġux organizzati b’mod adegwat jistaʼ jinqalaʼ l-​inkwiet. Fl-​1 Korintin 10:8, qrajna dwar kif sħubijiet m’humiex għaqlin wasslu għaż-​żína u għall-​esekuzzjoni taʼ ‘tlieta u għoxrin elf [Iżraelit mhux leali] f’jum wieħed.’ Twissija oħra li ġġagħlek tidħol f’qoxortok tinsab f’Rumani 13:13: “Ngħixu kif jixraq, bħal f’binhar; mhux bl-​ikel iż-​żejjed u s-​sokor, mhux biż-​żína u t-​tbahrid, mhux bil-​ġlied u l-​għira.” (Qabbel l-1 Pietru 4:3.) Veru, ħadd ma jistaʼ jistabbilixxi xi numru speċifiku taʼ kemm se jattendu laqgħa soċjali. Imma l-​esperjenza turi li iktar ma din tkun kbira, iktar se tkun diffiċli s-​superviżjoni. Laqgħat soċjali iżgħar li jkunu maniġġati tajjeb għandhom inqas ċans li jispiċċaw f’“parties bla rażan.”—Galatin 5:21, Byington.

10 Ir-​riċerka li tagħmel bla ebda dubju se tqajjem iktar mistoqsijiet, bħal ngħidu aħna: Se jkun hemm xi Kristjani adulti maturi f’din il-​laqgħa soċjali? Min verament qed jisponsorjaha? Qegħda din issir biex tippromwovi sħubija bnina jew biex xi ħadd jagħmel profitt minnha? Hemm xi restrizzjonijiet dwar min jistaʼ jattendi? Jekk din il-​laqgħa soċjali ssir fi tmiem il-​ġimgħa, se tispiċċa din f’ħin raġunevoli sabiex dawk li jattendu jkunu jistgħu jieħdu sehem fil-​ministeru Kristjan l-​għada? Jekk se jkun hemm mużika u żfin, se jkunu dawn konsistenti mal-​livelli Kristjani? (2 Korintin 6:3) Li nistaqsu mistoqsijiet bħal dawn jistaʼ ma jkunx faċli. Imma Proverbji 22:3 jwissina: “Min hu bil-​għaqal jara l-​għawġ u jwarrab; min hu moħħu ħafif jidħol fih u jħallas għalih.” Iva, tistaʼ tevita sitwazzjonijiet taʼ riskju billi tuża s-​sens tiegħek biex tagħżel.

L-​Għaqal fl-​Ippjanar taʼ l-​Edukazzjoni Tiegħek

11. Iż-​żgħażagħ kif jistgħu jużaw is-​sens tagħhom biex jagħżlu f’li jippjanaw il-​futur tagħhom?

11 Il-​Bibbja tgħid li huwa għaqli li wieħed jippjana għall-​futur. (Proverbji 21:5) Iddiskutejtu int u l-​ġenituri tiegħek dwar il-​futur tiegħek? Forsi qed tippjana li tidħol fil-​ministeru full-time bħala pijunier. Verament, ma tistax tagħżel karriera li tistaʼ ġġiblek sodisfazzjon akbar. Jekk qed tikkultiva drawwiet tajbin taʼ studju u qed tiżviluppa metodi kif tagħmel il-​ministeru bis-​sengħa, int qed tipprepara għal din il-​karriera eċċitanti. Qatt ħsibt dwar kif se tmantni lilek innifsek fil-​ministeru? Jekk fil-​futur tagħżel li tifforma familja, se tkun int kapaċi tieħu ħsieb dik ir-​responsabbiltà miżjuda? Hemm bżonn li tuża s-​sens tiegħek biex tagħżel ħalli tagħmel deċiżjonijiet bilanċjati u realistiċi dwar dawn l-​affarijiet.

12. (a) Xi familji kif għażlu li jaddattaw għas-​sitwazzjoni ekonomika li dejjem tinbidel? (b) Li wieħed jikseb edukazzjoni supplimentarja huwa xi ħaġa neċessarjament f’konflitt maʼ li wieħed ikollu l-​mira li jkun pijunier? Spjega.

12 F’xi postijiet għadu possibbli li jkollok impjieg li permezz tiegħu tkun qed titħarreġ f’xi sengħa jew professjoni. Hemm żgħażagħ li jitgħallmu jagħmlu l-​istess negozju tal-​familji tagħhom jew jirċievu taħriġ minn ħbieb adulti li għandhom xi negozju. Oħrajn jieħdu korsijiet l-​iskola li jkunu utli biex jaqilgħu l-​għajxien iktar tard fil-​ħajja. Fejn dawn l-​opportunitajiet m’humiex disponibbli, il-​ġenituri, wara ħafna ħsieb, jistgħu jagħmlu arranġamenti biex uliedhom jirċievu edukazzjoni supplimentarja wara li jispiċċaw dik sekondarja. Ippjanar bil-​quddiem b’dan il-​mod, sabiex wieħed jieħu ħsieb ir-​responsabbiltajiet tiegħu bħala adult u speċjalment sabiex ikun jistaʼ jkollu sehem fis-​servizz taʼ pijunier għal tul taʼ żmien, m’huwiex inkompatibbli maʼ li wieħed ifittex is-​Saltna t’Alla l-​ewwel. (Mattew 6:33) U edukazzjoni supplimentarja ma teskludix ix-​xogħol taʼ pijunier. Per eżempju, Xhud żagħżugħa kienet ilha ħafna żmien tixtieq li ssir pijuniera. Wara li spiċċat l-​iskola sekondarja, il-​ġenituri tagħha​—li huma nfushom kienu pijunieri regulari—​għamlu arranġamenti biex hi tkompli tirċievi edukazzjoni supplimentarja. Hi setgħet tkun pijuniera waqt li kienet qed tirċievi din l-​edukazzjoni, u issa għandha sengħa li biha tistaʼ tmantni lilha nfisha hekk kif tkompli tagħmel ix-​xogħol taʼ pijuniera.

13. Il-​familji kif għandhom iqisu dak li hemm involut f’edukazzjoni supplimentarja?

13 Fil-​kwistjoni taʼ edukazzjoni supplimentarja, kull familja għandha d-​dritt u r-​responsabbiltà li tagħmel deċiżjoni għaliha nfisha. Meta edukazzjoni bħal din tintgħażel bil-​għaqal, tistaʼ tkun verament t’għajnuna. Din, iżda, tistaʼ tkun nassa. Jekk qed tikkunsidra edukazzjoni bħal din, x’inhi l-​mira tiegħek? Hija din biex tħejjik ħalli tlaħħaq mar-​responsabbiltajiet t’adult b’mod onorabbli? Jew “qiegħed tfittex ħwejjeġ kbar”? (Ġeremija 45:5; 2 Tessalonikin 3:10; 1 Timotju 5:8; 6:9) Xi ngħidu dwar li tkompli tirċievi edukazzjoni supplimentarja ’l bogħod mid-​dar, forsi billi tmur tgħix maʼ studenti oħrajn? Ikun dan għaqli meta wieħed iqis it-​twissija taʼ Pawlu li “ħbiberija ħażina tħassar id-​drawwiet tajba”? (1 Korintin 15:33; 2 Timotju 2:22) Ftakar, ukoll, li ż-​“żmien qsar.” (1 Korintin 7:29) Kemm se tiddedika ħin għal din l-​edukazzjoni? Se taħlilek l-​aħjar snin taʼ żgħożitek? Jekk inhu hekk, kif se tapplika l-​inkuraġġiment li hemm fil-​Bibbja biex ‘tiftakar f’min ħalqek f’jiem żgħożitek’? (Koħèlet 12:1) Iżjed minn hekk, se jħallulek ħin il-​korsijiet li se tieħu għal attivitajiet Kristjani vitali bħalma huma l-​attendenza għal-​laqgħat, is-​servizz taʼ l-​għalqa, u l-​istudju persunali? (Mattew 24:14; Lhud 10:24, 25) Jekk is-​sens tiegħek biex tagħżel huwa qawwi, dejjem se żżomm miri spiritwali quddiem għajnejk hekk kif int u l-​ġenituri tiegħek tippjanaw għall-​futur tiegħek.

Inżommu l-​Għerusija Onorabbli

14. (a) Liema prinċipji għandhom jiggwidaw lil tnejn għarajjes hekk kif huma juru affezzjoni lejn xulxin? (b) Xi koppji kif urew li ma qagħdux attenti f’dan ir-​rigward?

14 Aspett ieħor fejn għandek bżonn tuża s-​sens tiegħek biex tagħżel huwa ż-​żmien taʼ l-​għerusija. Hija ħaġa naturali li tkun trid turi affezzjoni lejn xi ħadd li tkun tgħożż. Il-​ġuvni u tfajla kasti fl-​Għanja taʼ l-​Għanjiet evidentement urew xi turijiet t’affezzjoni qabel ma żżewġu. (Għanja taʼ l-​Għanjiet 1:2; 2:6; 8:5) Illum xi għarajjes jistgħu bl-​istess mod iħossu li huwa xieraq li jżommu idejn xulxin, jitbewsu, u jitgħannqu, speċjalment jekk ikunu waslu biex jiżżewġu. Imma ftakar: “Min jafda fih innifsu hu iblah.” (Proverbji 28:26) Sfortunatament, għadd taʼ koppji ma qagħdux attenti u daħlu f’sitwazzjonijiet kompromettenti. Turijiet t’affezzjoni saru intensi u bla kontroll; u dawn irriżultaw f’atti mhux nodfa u saħansitra wasslu għall-​immoralità sesswali.

15, 16. Liema prekawzjonijiet raġunevoli jistgħu jieħdu l-​koppji biex jaċċertaw ruħhom li l-​għerusija tagħhom tibqaʼ onorabbli?

15 Jekk qed toħroġ maʼ xi ħadd, ikun għaqli li tevitaw li tkunu flimkien waħedkom f’xi ċirkustanzi mhux addattati. Għalhekk l-​aħjar ħaġa forsi tkun li tgawdu l-​kumpanija taʼ xulxin fi grupp jew f’postijiet pubbliċi. Xi koppji għamlu arranġamenti biex ikunu akkumpanjati minn xi ħadd. Ikkunsidra wkoll il-​kliem taʼ Hosegħa 4:11: “L-​inbid ġdid u l-​qadim itellfu l-​għaqal.” L-​alkoħol jistaʼ jnaqqas l-​abbiltà t’għażla għaqlija u jwassal biex ġuvni u tfajla jaġixxu b’tali mod li iktar tard jiddispjaċihom.

16 Proverbji 13:10 jgħid: “Min hu moħħu ħafif iġib il-​ġlied bi kburitu, min jieħu l-​parir [‘jikkonsulta flimkien,’ NW] isib l-​għerf.” Iva ‘ikkonsultaw flimkien’ u iddiskutu kif se ġġibu ruħkom. Poġġu limiti fuq turijiet t’affezzjoni, billi tirrispettaw is-​sentimenti u l-​kuxjenza taʼ xulxin. (1 Korintin 13:5; 1 Tessalonikin 4:3-7; 1 Pietru 3:16) Li titkellmu dwar dan is-​suġġett sensittiv jistaʼ jkun diffiċli għall-​ewwel, imma dan jistaʼ jevita li jqumu problemi serji iktar ’il quddiem.

Li Tkun Mgħallem ‘sa minn Żgħożitek’

17. David kif għamel lil Jehovah ‘t-​tama tiegħu sa minn żgħożitu,’ u x’lezzjoni hemm f’dan għaż-​żgħażagħ illum?

17 Biex tevita li taqaʼ fin-​nases taʼ Satana jeħtieġ viġilanza l-​ħin kollu min-​naħa tiegħek​—u xi kultant, kuraġġ kbir. Iva, xi drabi tistaʼ ssib ruħek f’konflitt, mhux biss maʼ dawk taʼ mparek imma mad-​dinja kollha. Is-​salmista David talab: “Inti, Sidi, it-​tama tiegħi . . . sa minn żgħożiti. O Alla, sa minn żgħożiti int għallimtni; u jien s’issa għadni nxandar għeġubijietek.” (Salm 71:5, 17)c David huwa magħruf għall-​kuraġġ li kellu. Imma meta żviluppah? Meta kien żagħżugħ! Saħansitra qabel il-​famuża konfrontazzjoni tiegħu maʼ Gulija, David kien wera kuraġġ straordinarju f’li jipproteġi l-​merħliet taʼ missieru​—billi qatel iljun kif ukoll ors. (1 Samwel 17:34-37) Madankollu, David ta l-​kredtu kollu lil Jehovah għal kwalunkwe qlubija li wera, billi sejjaħlu t-​“tama tiegħi . . . sa minn żgħożiti.” L-​abbiltà li David kellu f’li jistrieħ fuq Jehovah għenitu jiffaċċja kwalunkwe prova li ħabbat wiċċu magħha. Int ukoll se ssib li jekk tistrieħ fuq Jehovah, hu se jagħtik il-​kuraġġ u s-​saħħa biex ‘tegħleb lid-​dinja.’—1 Ġwann 5:4.

18. Illum liema inkuraġġiment jingħata liż-​żgħażagħ li jħobbu lil Alla?

18 Eluf taʼ żgħażagħ bħalek ħadu waqfa kuraġġuża u issa qed jaqdu bħala pubblikaturi mgħammdin taʼ l-​aħbar tajba. Kemm nirringrazzjawh lil Alla għall-​fidi u l-​kuraġġ tagħkom iż-​żgħażagħ! Ibqgħu determinati li taħarbu t-​taħsir taʼ din id-​dinja. (2 Pietru 1:4) Ibqgħu użaw is-​sens tagħkom imħarreġ fuq il-​Bibbja biex tagħżlu. Jekk tagħmlu hekk se tiġu protetti mill-​gwaj issa u dan eventwalment se jassigura s-​salvazzjoni tagħkom. Tabilħaqq, bħalma se juri l-​artiklu finali tagħna, intom se tagħmlu ħajjitkom waħda taʼ suċċess.

[Noti taʼ taħt]

a Ara l-​artiklu “Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . . Kif Nistaʼ Nagħmilha Parti Minni l-​Verità?” fil-​ħarġa taʼ Stenbaħ! t’Ottubru-Diċembru, 1998.

b L-artiklu “Divertiment Soċjali​—Gawdi l-​Benefiċċji, Evita n-​Nases” li deher fil-​ħarġa tal-​15 taʼ Novembru, 1992, tat-​Torri taʼ l-​Għassa għandu abbundanza taʼ informazzjoni imprezzabbli dwar is-​suġġett.

c Salm 71 jidher li hu kontinwazzjoni taʼ Salm 70, li hu identifikat fis-​sopraskrizzjoni bħala salm taʼ David.

Mistoqsijiet għal Reviżjoni

◻ Żagħżugħ kif iħarreġ is-​sens tiegħu biex jagħżel?

◻ Żagħżugħ kif jistaʼ juża s-​sens tiegħu biex jagħżel f’konnessjoni maʼ li jattendi laqgħat soċjali Kristjani?

◻ Liema fatturi jistgħu jiġu kunsidrati meta wieħed jippjana l-​edukazzjoni li jrid jirċievi?

◻ Il-​koppji li huma għarajjes kif jistgħu jevitaw in-​nassa taʼ l-​immoralità sesswali?

[Stampa f’paġna 15]

Li titgħallem tagħmel ir-​riċerka se jgħinek tħarreġ is-​sens tiegħek biex tagħżel

[Stampa f’paġna 16]

F’laqgħat soċjali iżgħar hu iktar faċli li jkun hemm superviżjoni tajba u jkun hemm inqas probabbiltà li dawn jinbidlu f’xalar bla kontroll

[Stampa f’paġna 16]

Il-​ġenituri għandhom jgħinu lil uliedhom jippjanaw l-​edukazzjoni tagħhom

[Stampa f’paġna 17]

Li ġuvni u tfajla joħorġu flimkien fi grupp se jkun taʼ protezzjoni

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja