LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • km 11/01 pp. 5-6
  • Żviluppa s-Sens Tiegħek biex Tagħżel

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Żviluppa s-Sens Tiegħek biex Tagħżel
  • Il-Ministeru tas-Saltna—2001
  • Materjal Simili
  • Programm Ġdid tal-Jum t’Assemblea Speċjali
    Il-Ministeru tas-Saltna—2000
  • Żgħażagħ—Ħarrġu s-Sens Tagħkom Biex Tagħżlu!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Tistaʼ Int ‘Tagħżel Bejn it-Tajjeb u l-Ħażin’?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Kompli Ħarreġ is-Sensi Tiegħek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
Ara Iżjed
Il-Ministeru tas-Saltna—2001
km 11/01 pp. 5-6

Żviluppa s-​Sens Tiegħek biex Tagħżel

1 Iż-​żminijiet tant diffiċli taʼ l-​aħħar, li qed ngħixu fihom bħalissa, ġabu iktar pressjonijiet u provi serji taʼ kull tip fuq in-​nies t’Alla maʼ kullimkien. (2 Tim. 3:1-5) Ilkoll kemm aħna għandna bżonn l-​inkuraġġiment biex inżommu sħaħ fil-​fidi. (1 Kor. 16:13) Dan nistgħu nagħmluh bl-​għajnuna taʼ Jehovah hekk kif inkomplu nieklu b’mod regulari mill-​Kelma tiegħu, nistrieħu fuq l-​ispirtu tiegħu, u nżommu qrib taʼ l-​organizzazzjoni tiegħu.—Salm 37:28; Rum. 8:38, 39; Apk. 2:10.

2 Mhux taʼ b’xejn li t-​tema “Kunu Rġiel Magħmula fil-​Qawwiet tal-​Fehma” ġiet żviluppata fil-​programm tas-​sena l-​oħra tal-​jum t’assemblea speċjali. Kienet ibbażata fuq l-​1 Korintin 14:20, fejn naqraw il-​kliem taʼ l-​appostlu Pawlu: “Ħuti, tkunux bħat-​tfal fi ħsiebkom; kunu tfal fil-​ħażen, imma kunu rġiel magħmula fi ħsibijietkom.” X’deherlek mill-​programm?

3 “Kemm inkuraġġieni!” “Kien eżatt dak li kellna bżonn!” Dawk kienu biss tnejn mill-​istqarrijiet li saru. Anki raġel li m’huwiex Xhud li ġie għall-​jum t’assemblea speċjali biex jara lil bintu taʼ 12-il sena titgħammed, qal li baqaʼ impressjonat ħafna bil-​programm u li setaʼ jara kif kien se jkun taʼ benefiċċju għall-​familja tiegħu. Tħossok bħalu int? Ejja nagħtu ħarsa lejn xi punti prinċipali mill-​programm.

4 L-​Għarfien Eżatt Huwa Neċessarju biex Niżviluppaw is-​Sens Tagħna biex Nagħżlu: Fit-​taħdita tal-​ftuħ, “Żviluppa l-​Qawwiet tal-​Fehma Tiegħek Issa,” il-​kelliemi x’enfasizza li għandna bżonn sabiex jgħinna niffaċċjaw l-​isfidi taʼ llum? Iktar mill-​abbiltà tal-​ħsieb. Għandna niżviluppaw u nkabbru l-​qawwiet tagħna biex nifhmu l-​Bibbja, jekk ma rridux ninħakmu mill-​ħażen kollu li niffaċċjaw. Għal din il-​fehma hemm bżonn taʼ direzzjoni divina. Bħas-​salmista, bit-​talb għandna nistaqsu lil Jehovah biex jgħinna nifhmu l-​liġijiet u t-​tfakkiriet tiegħu sabiex inkunu nistgħu naqduh b’qalb sħiħa.—Salm 119:1, 2, 34.

5 Fil-​parti li kien imiss, l-​indokratur tas-​circuit wera li Jehovah, permezz tal-​Kelma u l-​organizzazzjoni tiegħu, jipprovdilna ‘Għajnuniet biex Insiru Maturi f’li Nifhmu l-​Bibbja.’ Il-​fehma ġiet spjegata bħala li hija “l-​abbiltà li wieħed janalizza kwistjoni u jagħraf minn xiex inhi komposta billi jifhem il-​konnessjonijiet bejn il-​partijiet tagħha u l-​kwistjoni kollha kemm hi, u b’hekk jieħu s-​sens tagħha.” Min jistaʼ jgħinna niżviluppaw din l-​abbiltà? Jehovah ipprovdielna għotjiet fi rġiel biex jgħinuna nagħmlu progress spiritwali. (Efes. 4:11, 12) L-​organizzazzjoni taʼ l-​art tiegħu tħeġġiġna biex naqraw il-​Kelma t’Alla kuljum u nattendu l-​laqgħat kollha tal-​kongregazzjoni b’mod regulari. (Salm 1:2) Niġu mgħallmin kif għandna nużaw il-​Bibbja u l-​pubblikazzjonijiet Kristjani tagħna fl-​istudju persunali u tal-​familja kif ukoll fil-​preparazzjoni għal-​laqgħat u għas-​servizz taʼ l-​għalqa. Qiegħed tieħu vantaġġ minn dawn il-​provvedimenti kollha? Qiegħed iżżomm maʼ programm persunali u regulari taʼ qari tal-​Bibbja? Dan huwa essenzjali jekk irridu li nkunu protetti milli naqgħu vittmi tax-​xejriet, il-​modi, il-​filosofiji, u l-​influwenzi qarrieqa tad-​dinja.—Kol. 2:6-8.

6 Għandna Nħarrġu s-​Sens Tagħna biex Nagħżlu: Fl-​ewwel taħdita tiegħu li kien jisimha “Ipproteġi l-​Ispiritwalità Billi Tħarreġ is-​Sens biex Tagħżel,” il-​kelliemi li kien qed iżurna spjega li dawk fid-​dinja ma jistgħux jagħrfu bejn it-​tajjeb u l-​ħażin. (Is. 5:20, 21) Dan hu għaliex in-​nies tad-​dinja jirrifjutaw li jagħrfu u jimxu mal-​livelli ġusti t’Alla. F’kuntrast maʼ dan, aħna li rċivejna taħriġ spiritwali mill-​organizzazzjoni taʼ Jehovah nirrikonoxxu l-​livelli t’Alla, li jiswew biex jiggwidawna fl-​attivitajiet u l-​kondotta tagħna. Għalhekk, aħna ninsabu f’pożizzjoni li nagħtu prova lilna nfusna taʼ x’inhu tajjeb u xieraq f’għajnejn Jehovah u x’inhu fi qbil mar-​rieda perfetta tiegħu.—Rum. 12:2.

7 Biex nevitaw il-​mod imħawwad taʼ kif taħseb id-​dinja u r-​riżultati ħżiena li jiġu minn dan, għandna nħarrġu b’mod kontinwu s-​sens tagħna biex nagħżlu. Dan kif jistaʼ jsir? Bħalma hemm imniżżel f’Lhud 5:12-14, l-​appostlu Pawlu enfasizza l-​bżonn li nitimgħu lilna nfusna iktar milli sempliċement nieħdu l-​“ħalib” tal-​kelma. Għandna bżonn ikel spiritwali sħiħ, bħalma qed nirċievu aħna u nistudjaw il-​profezija taʼ Isaija fl-​Istudju tal-​Ktieb tal-​Kongregazzjoni. Imbagħad irridu nkunu lesti li napplikaw f’ħajjitna dak li nitgħallmu. Meta nagħmlu hekk, se nsiru konvinti minn kemm huma ġusti l-​prinċipji u l-​livelli taʼ Jehovah. Dan iħarreġ is-​sens tagħna biex nagħżlu ħalli nagħrfu b’mod ċar it-​tajjeb u l-​ħażin.

8 Jiddispjaċina ngħidu li xi wħud iddgħajfu spiritwalment. Għala? Għax ma żammewx l-​attenzjoni tagħhom iffokata fuq dak li hu tajjeb u ġust f’għajnejn Jehovah. B’riżultat taʼ dan, xi wħud waqgħu vittmi taʼ programmi taʼ diskussjoni fuq ir-​radju u t-​televixin li dak li fihom imur kontra l-​Iskrittura, mużika degradanti, jew influwenzi ħżiena miċ-​chat rooms tal-​kompjuter. Billi naġixxu bil-​għaqal, se nevitaw li niġu influwenzati minn nies immorali, stupidi, jew ħżiena.—Prov. 13:20; Gal. 5:7; 1 Tim. 6:20, 21.

9 Iż-​Żgħażagħ Għandhom Ikunu “Tfal fil-​Ħażen”: Il-​programm kellu żewġ partijiet li ħeġġew b’mod speċifiku liż-​żgħażagħ sabiex jiżviluppaw is-​sens tagħhom biex jagħżlu. Il-​kelliema wrew li biex inkunu “tfal fil-​ħażen” ifisser li nibqgħu bla esperjenza, jiġifieri, innoċenti bħat-​trabi fejn jidħlu l-​affarijiet li m’humiex nodfa f’għajnejn Jehovah. (1 Kor. 14:20) Ilkoll kemm aħna ġejna mħeġġin biex ngħassu sew kif nużaw il-​ħin tagħna sabiex nirreżistu li nkunu esposti għal kull tip taʼ ħażen u nevitaw li niġu infettati minnu. (Efes. 5:15-17) Ġejna mħeġġin biex nikkalkulaw kemm inqattgħu ħin naqraw materjal li ma jgħinniex direttament f’li nkabbru l-​fehma tagħna taʼ l-​affarijiet spiritwali. Għamilt hekk int? X’riżultati kellek? Minbarra li taqra l-​Bibbja kuljum, kun determinat li tlaħħaq mal-​qari tal-​materjal li tipprovdi l-​organizzazzjoni. Jekk nagħmlu dan se jgħinna lkoll, inkluż iż-​żgħażagħ, biex ‘niksbu d-​dehen.’—Prov. 4:7-9.

10 “Ibbenefika Milli Tapplika l-​Prinċipji tal-​Bibbja bil-​Fehma”: Din kienet it-​tema tat-​taħdita taʼ l-​għeluq għall-​programm tal-​jum t’assemblea speċjali. Il-​kelliemi mistieden spjega li Jehovah huwa s-​Sors tal-​fehma li tagħti l-​ħajja, li hi bil-​wisq iktar superjuri minn dik taʼ l-​umanità kollha. Immaġina ftit li jkollok l-​opportunità biex tieħu li trid mill-​fehma taʼ Jehovah! Hu jagħtiha b’mod ġeneruż lil dawk kollha li jfittxuha sinċerament u jistaqsu għaliha bil-​fidi. (Prov. 2:3-5, 9; 28:5) Qiegħed tieħu vantaġġ sħiħ mill-​offerta tiegħu?

11 Ġejna mħeġġin biex nitgħallmu nagħrfu l-​prinċipji hekk kif inkunu qed naqraw il-​Bibbja. (2 Tim. 3:16, 17) Studjahom bir-​reqqa biex ikollok fehma eżatta taʼ dak li Jehovah qed jgħid. Ħu l-​ħin biex timmedita fuq dawn il-​prinċipji u daħħalhom sew f’moħħok u f’qalbek. Dan se jħarreġ is-​sens tiegħek biex tagħżel ħalli tirnexxi meta tagħmel deċiżjonijiet f’ħajtek. (Ġoż. 1:8) Ejja nikkunsidraw xi sitwazzjonijiet li ħafna jiffaċċjaw u naraw kif li napplikaw il-​prinċipji Bibliċi jistaʼ jgħinna nirnexxu.

12 ‘Għandi jien nimita ċertu stil fl-​ilbies u d-​dehra?’ Il-​modi li jiġu u jmorru tad-​dinja fl-​ilbies u d-​dehra taʼ spiss jirriflettu spirtu ribelluż. Spirtu bħal dan jinfluwenza lin-​nies biex jilbsu lbies traskurat u ikrah jew biex jiġbdu l-​attenzjoni lejn is-​sesswalità tagħhom. Liema prinċipji mill-​Bibbja li għandhom x’jaqsmu maʼ dan se jgħinuna niġġieldu kontra tendenzi bħal dawn? Billi nkunu ħarriġna s-​sens tagħna biex nagħżlu, se nikkunsidraw il-​prinċipju li nsibu fl-​1 Timotju 2:9, 10, li nilbsu “bil-​modestja u bl-​għaqal . . . bl-​għemil it-​tajjeb, kif jixraq lil [nies] li jridu jkunu twajbin.” Prinċipji oħra li japplikaw jinkludu dawk li jissemmew fit-​2 Korintin 6:3 u f’Kolossin 3:18, 20.

13 ‘X’nistaʼ nagħmel biex inżomm ir-​rabta tal-​familja tiegħi b’saħħitha?’ Komunikazzjoni tajba bejn il-​membri tal-​familja hija vitali. Ġakbu 1:19 jgħidilna: “Araw li kull bniedem ikun ħafif biex jismaʼ, tqil biex jitkellem, tqil biex jinkorla.” Il-​membri tal-​familja għandhom kemm jisimgħu kif ukoll ikellmu lil xulxin għax il-​komunikazzjoni fil-​familja għandha tiġi minn żewġ naħat. Anki meta dak li nkunu qed ngħidu jkun veru, jekk ngħiduh b’kattiverija, kburija, jew mingħajr ma nagħtu kas kif iħossu ħaddieħor, se jagħmel iktar deni milli ġid. Mela sew jekk aħna rġiel jew nisa miżżewġin, ġenituri jew ulied, għandna nqisu li kliemna jkun dejjem ‘kollu ħlewwa, imħawwar bil-​melħ.’—Kol. 4:6.

14 ‘Qed jeffettwani l-​materjaliżmu?’ Il-​materjaliżmu huwa pressjoni mid-​dinja li jikkomplika l-​ħajja taʼ dak li jkun. Ma jwassalx għall-​ferħ veru. (Koħ. 5:9 [5:10, NW]; Lq. 12:15; 1 Tim. 6:9, 10) Biex jgħinna nevitaw in-​nasba tal-​materjaliżmu, Ġesù għallimna dan il-​prinċipju importanti: Żomm għajnek sempliċi. Li ngħixu ħajja bilanċjata u inqas komplikata jinvolvi li nżommu l-​ħarsa tagħna ffokata fuq l-​interessi tas-​Saltna, filwaqt li nħallu l-​affarijiet l-​oħra kollha jiġu wara.—Mt. 6:22, 23, 33.

15 X’Għandu Jkun l-​Objettiv Tagħna: Fil-​Kelma t’Alla għandna sors taʼ min joqgħod fuqu taʼ prinċipji ġusti biex jiggwidawna fid-​deċiżjonijiet li nieħdu. Għandna bżonn nitgħallmu dawn il-​prinċipji, nimmeditaw fuqhom, u nifhmu kif għandna napplikawhom f’ħajjitna. Mela billi nħarrġu s-​sens tagħna biex ‘nagħżlu bejn it-​tajjeb u l-​ħażin,’ se nibbenefikaw aħna u se nagħtu unur lil Jehovah.—Lhud 5:14.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja