LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 9/15 pp. 4-7
  • Xi Ħadd li Verament Jimpurtah

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Xi Ħadd li Verament Jimpurtah
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Għala l-​Faqar u l-​Oppressjoni?
  • Problema li l-​Bnedmin m’Humiex Kapaċi Jsolvu
  • “Ikun li Trid Int . . . fl-​Art”
  • Jistaʼ Xi Ħadd Ibiddel Verament id-Dinja?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Segwi l-Eżempju taʼ Ġesù u Ħu Interess fil-Foqra
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Dinja Mingħajr Faqar fil-Qrib
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Il-Faqar—Insibu s-Soluzzjoni Dejjiema
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 9/15 pp. 4-7

Xi Ħadd li Verament Jimpurtah

HEMM eluf taʼ nies li juru li verament jimpurtahom. Dawn m’għandhomx il-​ħarsa bla qalb u egoistika li l-​problemi taʼ ħaddieħor m’humiex biċċa tagħhom. Minflok, dawn jagħmlu dak kollu li jistgħu​—xi kultant billi saħansitra jpoġġu ħajjithom stess fil-​periklu—​sabiex itaffu s-​sofferenza taʼ ħaddieħor. Din hija biċċa xogħol enormi, xogħol li jikkomplika ruħu b’forzi qawwija lil hinn mill-​kontroll tagħhom.

Fatturi bħalma huma r-​regħba, intriċċi politiċi, gwerer, u diżastri naturali jistgħu jxejnu saħansitra “l-​iktar sforzi determinati u b’intenzjoni tajba sabiex jinqataʼ l-​ġuħ,” jgħid wieħed ħaddiem li jagħti l-​għajnuna. L-​eliminar tal-​ġuħ huwa biss wieħed mill-​ħafna problemi li jiffaċċjaw dawk in-​nies li jimpurtahom minn ħaddieħor. Dawn iħabbtu wiċċhom ukoll mal-​mard, mal-​faqar, maʼ l-​inġustizzja, u mas-​sofferenza enormi li ġġib magħha l-​gwerra. Imma qiegħed jirnexxilhom?

Il-​kap ewlieni taʼ waħda mill-​aġenziji li jagħtu l-​għajnuna qal li dawk li jagħmlu “sforzi determinati u b’intenzjoni tajba” bħal dawn biex itaffu l-​ġuħ u l-​uġigħ huma bħas-​Samaritan mimli mogħdrija deskritt fit-​tixbieha taʼ Ġesù Kristu. (Luqa 10:29-37) Imma jagħmlu x’jagħmlu, hu qal, l-​għadd taʼ vittmi sempliċement ikompli jiżdied. Għalhekk staqsa: “X’għandu jagħmel is-​Samaritan it-​tajjeb li kieku kellu jivvjaġġa kuljum mill-​istess rotta għal snin sħaħ u kull ġimgħa jsib vittma tal-​ħallelin mixħut mal-​ġenb tat-​triq?”

Huwa faċli li wieħed jaqaʼ vittma taʼ dak li ġie deskritt bħala ‘l-​marda qerrieda taʼ l-​għeja fost id-​donaturi’ u sempliċement iċedi b’qalb maqtugħa. Biex inkunu għedna t-​tajjeb tagħhom, dawk li verament jimpurtahom ma jaqtgħux qalbhom. (Galatin 6:9, 10) Per eżempju, wieħed raġel li kiteb lill-​Jewish Telegraph fl-​Ingilterra faħħar lix-​Xhieda taʼ Jehovah, li matul il-​perijodu tal-​Ġermanja Nazista “għenu lil eluf taʼ Lhud jibqgħu ħajjin minkejja l-​miżerji f’Auschwitz.” “Meta l-​ikel kien skars,” qal il-​kittieb, “dawn qasmu ħobżhom maʼ ħutna [Lhud] irġiel u nisa!” Ix-​Xhieda baqgħu jagħmlu dak li jistgħu bir-​riżorsi li kellhom.

Madankollu, ir-​realtà hija li l-​ebda ammont taʼ qsim taʼ ħobż ma jistaʼ jġib tmiem aħħari għas-​sofferenza umana. Dan bl-​ebda mod m’huwa maħsub biex inaqqas il-​valur taʼ dak li għamlu n-​nies li jħossu għal ħaddieħor. Kwalunkwe azzjoni li b’mod xieraq tnaqqas is-​sofferenza hija vallapena. B’xi mod dawk ix-​Xhieda taffew l-​uġigħ taʼ sħabhom il-​ħabsin, u eventwalment in-​Naziżmu nqered. Madankollu, is-​sistema dinjija li tikkaġuna oppressjoni bħal din għadha magħna, u nies li ma jimpurtahom minn ħadd għadhom jeżistu bil-​bosta. Tabilħaqq, jeżistu “xi wħud li għandhom snienhom sjuf u drashom skieken; jaħtfu l-​fqir minn fuq l-​art, u l-​imsejken minn fost il-​bnedmin.” (Proverbji 30:14) X’aktarx li int titħasseb għala dan huwa l-​każ.

Għala l-​Faqar u l-​Oppressjoni?

Darba Ġesù Kristu qal: “Il-​foqra ssibuhom dejjem magħkom, u tistgħu tgħinuhom kull meta tridu.” (Mark 14:7) Ried ifisser Ġesù li l-​faqar u l-​oppressjoni ma kellhom jintemmu qatt? Kien hu jemmen bħal xi nies, li sofferenza bħal din hija parti minn pjan li għandu Alla biex in-​nies li jagħdru jkollhom l-​opportunità li juruh kemm jimpurtahom? Le! Ġesù ma kienx jemmen hekk. Hu kien sempliċement qed joħroġ il-​punt li l-​faqar kellu jkun parti mill-​ħajja dment li tibqaʼ teżisti din is-​sistema t’affarijiet. Imma Ġesù kien jaf dan ukoll: Ma kienx l-​iskop oriġinali taʼ Missieru tas-​sema li jkun hawn kundizzjonijiet bħal dawn fuq l-​art.

Alla Jehovah ħalaq l-​art biex tkun ġenna, u mhux post mifni bil-​faqar, bl-​inġustizzja, u bl-​oppressjoni. Hu wera kemm kien jimpurtah mill-​familja umana billi għamel provvedimenti taʼ l-​għaġeb li jżidu l-​pjaċir fil-​ħajja. Biex tara kemm dan huwa minnu, ikkunsidra l-​istess isem tal-​ġnien li sabu ruħhom fih l-​ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva! Dan kien jissejjaħ Għeden, li tfisser “Pjaċir.” (Ġenesi 2:8, 9) Jehovah ma riedx li l-​bnedmin ikollhom il-​bżonnijiet biss biex jgħixu, f’xi ambjent taʼ dwejjaq u oppressiv. Fit-​tmiem tax-​xogħol kreattiv tiegħu, Jehovah osserva dak li kien għamel u ddikjarah li kien “tajjeb ħafna.”—Ġenesi 1:31.

Mela, allura, għala huma l-​faqar, l-​oppressjoni, u kawżi oħra tas-​sofferenza prevalenti mad-​dinja kollha llum? Is-​sistema preżenti t’affarijiet mill-​agħar teżisti għar-​raġuni li l-​ġenituri oriġinali tagħna għażlu li jirribellaw kontra Alla. (Ġenesi 3:1-5) Dan qajjem il-​kwistjoni dwar jekk kienx sewwa li Alla jitlob l-​ubbidjenza mill-​ħlejjaq tiegħu. Għalhekk Jehovah ta lid-​dixxendenti t’Adam perijodu limitat taʼ indipendenza. Xorta waħda, Alla baqaʼ jimpurtah minn dak li kien se jiġri mill-​familja umana. Hu għamel provvediment biex ireġġaʼ lura l-​ħsara kollha li kellha tipproduċi r-​ribelljoni kontrih. U dalwaqt ħafna, Jehovah se jtemm il-​faqar u l-​oppressjoni​—fil-​fatt, is-​sofferenza kollha.—Efesin 1:8-10.

Problema li l-​Bnedmin m’Humiex Kapaċi Jsolvu

Matul is-​sekli sa mill-​ħolqien tal-​bniedem, l-​umanità baqgħet dejjem titbiegħed mil-​livelli taʼ Jehovah. (Dewteronomju 32:4, 5) Waqt li komplew jiċħdu l-​liġijiet u l-​prinċipji t’Alla, il-​bnedmin iġġieldu kontra xulxin, u ‘bniedem ħakem fuq ieħor u għamillu l-​ħsara.’ (Koħèlet 8:9) Kull sforz li sar biex tinġieb soċjetà tassew ġusta, ħielsa minn dak kollu li jifni lill-​kotra taʼ nies li jsofru, kien imfixkel mill-​egoiżmu taʼ dawk li jridu jagħmlu taʼ rashom minflok ma jbaxxu rashom għas-​sovranità t’Alla.

Teżisti problema oħra​—problema li ħafna għandhom mnejn iqisuha xi ħaġa superstizzjuża u bla sens. Ix-​xewwiex tar-​ribelljoni kontra Alla għadu għaddej iħajjar lin-​nies għall-​ħażen u l-​egoiżmu. Dan huwa Satana x-​Xitan, u Ġesù Kristu sejjaħlu “l-​Prinċep taʼ din id-​dinja.” (Ġwann 12:31; 14:30; 2 Korintin 4:4; 1 Ġwann 5:19) Fir-​rivelazzjoni mogħtija lill-​appostlu Ġwanni, Satana huwa identifikat bħala s-​sors predominanti tal-​gwaj​—il-​wieħed primarjament responsabbli taʼ li ‘jqarraq bid-​dinja kollha.’—Apokalissi 12:9-12.

Jimpurtahom kemm jimpurtahom xi nies dwar il-​bnedmin sħabhom, qatt ma se jirnexxilhom ineħħu min-​nofs lil Satana x-​Xitan jew ibiddlu din is-​sistema li tkompli żżid maʼ l-​għadd taʼ vittmi. X’inhu, allura, meħtieġ biex jissolvew il-​problemi taʼ l-​umanità? Is-​soluzzjoni m’hijiex sempliċement xi ħadd li jimpurtah. Hemm bżonn taʼ xi ħadd bir-​rieda u l-​qawwa li jwarrab min-​nofs lil Satana u s-​sistema inġusta tiegħu kollha kemm hi.

“Ikun li Trid Int . . . fl-​Art”

Alla jwiegħed li se jeqred din is-​sistema t’affarijiet mill-​agħar. Hu għandu kemm ir-​rieda u kemm il-​qawwa meħtieġa biex jagħmel dan. (Salm 147:5, 6; Isaija 40:25-31) Fil-​ktieb Bibliku u profetiku taʼ Danjel, huwa mbassar: “Alla tas-​sema jqajjem saltna li ma tinqered qatt, u li l-​ħakma tagħha ma tgħaddix għal poplu ieħor. Hija tfarrak u ttemm is-​saltniet l-​oħra kollha, waqt li hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem”​—iva, għal dejjem. (Danjel 2:44) Ġesù Kristu kellu f’moħħu dan il-​gvern tas-​sema dejjiemi u karitattiv meta għallem lid-​dixxipli tiegħu jitolbu lil Alla: “Tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-​sema, hekkda fl-​art.”—Mattew 6:9, 10.

Jehovah se jwieġbu talb bħal dan għax hu verament jimpurtah mill-​familja umana. Skond il-​kliem profetiku taʼ Salm 72, Alla se jawtorizza lil Ibnu, Ġesù Kristu, biex iġib serħan dejjiemi lill-​foqra, lill-​milqutin, u lill-​oppressi li jappoġġaw it-​tmexxija taʼ Ġesù. B’hekk, is-​salmista mnebbaħ kanta: “Hu [is-Sultan Messjaniku t’Alla] jħares id-​dritt taʼ l-​imsejknin tal-​poplu, isalva l-​fqajrin u jrażżan ’il min jgħakkishom. Għax hu jeħles lill-​fqir li jsejjaħlu, u lill-​imsejken li m’għandux min jgħinu. Iħenn għad-​dgħajjef u għall-​fqajjar; il-​ħajja tal-​fqajrin isalva. Jeħlishom mill-​qerq u mill-​moħqrija; demmhom għażiż quddiem għajnejh.”—Salm 72:4, 12-14.

F’viżjoni li tinvolvi lil żmienna, l-​appostlu Ġwanni ra “sema ġdida u art ġdida,” sistema t’affarijiet kompletament ġdida stabbilita minn Alla. X’barka għall-​bnedmin li qed isofru! Billi jbassar x’kellu jagħmel Jehovah, Ġwanni kiteb: “U smajt leħen qawwi ġej mit-​tron jgħid: ‘Din hi l-​għamara taʼ Alla mal-​bnedmin; u hu jgħammar magħhom, u huma jkunu l-​poplu tiegħu, u Alla nnifsu jkun magħhom, Alla tagħhom. Hu jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-​ħwejjeġ taʼ qabel.’ Mbagħad dak li hu bilqiegħda fuq it-​tron qal: ‘Ara, se nġedded kollox.’ Qalli: ‘Ikteb, għax dawn il-​kelmiet huma minnhom u taʼ min joqgħod fuqhom.’”—Apokalissi 21:1-5.

Iva, dan il-​kliem nistgħu nemmnuh, għax huwa minnu u taʼ min joqgħod fuqu. Jehovah dalwaqt se jaġixxi biex jeħles lill-​art mill-​faqar, mill-​ġuħ, mill-​oppressjoni, mill-​mard, u mill-​inġustizzji kollha. Bħalma taʼ spiss uriet mill-​Iskrittura din ir-​rivista, hemm abbundanza t’evidenza li turi li aħna qegħdin ngħixu fiż-​żmien meta se jitwettqu dawn il-​wegħdi. Id-​dinja ġdida mwegħda minn Alla tinsab fil-​qrib! (2 Pietru 3:13) Dalwaqt, Jehovah se “jeqred il-​mewt għal dejjem” u se “jixxotta . . . id-​dmugħ minn fuq kull wiċċ.”—Isaija 25:8.

Sakemm dan iseħħ, nistgħu nifirħu li saħansitra issa jeżistu nies li jimpurtahom ġenwinament. Raġuni għal ferħ akbar hija li Alla Jehovah nnifsu verament jimpurtah. Hu dalwaqt se jelimina l-​oppressjonijiet u s-​sofferenzi kollha.

Int jistaʼ jkollok fiduċja assoluta fil-​wegħdi taʼ Jehovah. Il-​qaddej tiegħu Ġożwè żgur li kellu. Bla ebda riżerva, hu qal lill-​poplu tal-​qedem t’Alla: “Kunu afu b’qalbkom kollha u b’ruħkom kollha li ebda waħda mill-​wegħdiet taʼ ġid li għamlilkom il-​Mulej, Alla tagħkom, ma naqset. Kollha seħħulkom, ebda waħda minnhom ma marret fix-​xejn!” (Ġożwè 23:14) Għalhekk, dment li tibqaʼ teżisti din is-​sistema preżenti t’affarijiet mill-​agħar, tħallix lilek innifsek tingħeleb mill-​provi li għandu mnejn ikollok tiffaċċja. Ixħet l-​ansjetajiet kollha tiegħek fuq Jehovah, għax hu verament jimpurtah.—1 Pietru 5:7.

[Stampi f’paġna 7]

Fid-​dinja ġdida mwegħda t’Alla, l-​art se tkun ħielsa mill-​faqar, mill-​oppressjoni, mill-​mard, u mill-​inġustizzja

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja