LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 5/1 pp. 4-7
  • Segwi l-Eżempju taʼ Ġesù u Ħu Interess fil-Foqra

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Segwi l-Eżempju taʼ Ġesù u Ħu Interess fil-Foqra
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ġesù Ħa Interess fil-​Foqra
  • Is-​Segwaċi taʼ Kristu Jinteressahom mill-​Foqra
  • It-​Tagħlim tal-​Bibbja Jipprovdi Għajnuna Dejjiema
  • Dinja Mingħajr Faqar fil-Qrib
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Offri Tama lill-Foqra
    Il-Ministeru tas-Saltna—2007
  • Il-Faqar—Insibu s-Soluzzjoni Dejjiema
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Ġesù Se Jneħħi l-Faqar
    Iktar Suġġetti
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 5/1 pp. 4-7

Segwi l-​Eżempju taʼ Ġesù u Ħu Interess fil-​Foqra

IL-​FAQAR u l-​oppressjoni ilhom jeżistu kważi daqs l-​umanità. Filwaqt li l-​Liġi t’Alla lill-​Iżrael kienet tfittex li tipproteġi lill-​foqra u tnaqqas is-​sofferenza tagħhom, din il-​Liġi spiss ġiet injorata. (Għamos 2:6) Il-​profeta Eżekjel ikkundanna l-​mod kif il-​foqra kienu qed jiġu trattati. Hu qal: “Il-​poplu tal-​pajjiż ħaqruh u serquh, l-​imsejken u l-​fqir għakksuhom, u l-​barrani ħaqruh bla raġun taʼ xejn.”​—Eżekjel 22:29.

Is-sitwazzjoni kienet l-​istess meta Ġesù kien fuq l-​art. Il-​mexxejja reliġjużi ma ħadu ebda interess fil-​foqra u f’dawk li kienu fil-​bżonn. Il-​mexxejja reliġjużi kienu deskritti bħala wħud “li kienu jħobbu l-​flus,” “jibilgħu djar ir-​romol,” u li kienu konċernati iktar f’li jżommu mat-​tradizzjonijiet tagħhom milli jieħdu ħsieb lil dawk imdaħħlin fiż-​żmien u dawk fil-​bżonn. (Luqa 16:14; 20:47; Mattew 15:​5, 6) Huwa taʼ interess li fil-​parabbola taʼ Ġesù tas-​Samaritan it-​tajjeb, x’ħin qassis u Levita raw raġel imweġġaʼ, huma baqgħu mexjin fuq in-​naħa l-​oħra tat-​triq minflok ma waqfu biex jgħinuh.​—Luqa 10:30-37.

Ġesù Ħa Interess fil-​Foqra

Ir-​rakkonti taʼ l-​Evanġelji dwar il-​ħajja taʼ Ġesù juru li hu fehem bis-​sħiħ id-​diffikultajiet tal-​foqra u kien sensittiv ħafna għall-​bżonnijiet tagħhom. Għalkemm Ġesù kien għex fis-​sema, hu xejjen lilu nnifsu, sar uman, u ‘sar fqir minħabba fina.’ (2 Korintin 8:9) X’ħin ra l-​folol, Ġesù “tħassarhom, għax kienu mqaxxrin u mferrxin bħal nagħaġ mingħajr ragħaj.” (Mattew 9:​36) Ir-​rakkont taʼ l-​armla fil-​bżonn juri li Ġesù kien impressjonat, mhux bl-​għotjiet kbar taʼ l-​għonja li taw “miż-​żejjed tagħhom,” imma bil-​kontribuzzjoni żgħira taʼ l-​armla fqira. Dak li għamlet messlu qalbu minħabba li “min-​nieqes tagħha, tefgħet il-​mezz t’għajxien kollu li kellha.”​—Luqa 21:4.

Ġesù mhux biss ħass mogħdrija għall-​foqra, imma ħa wkoll interess persunali fil-​bżonnijiet tagħhom. Hu u l-​appostli tiegħu kellhom fondi bejniethom li minnhom kienu jagħtu lill-​Iżraelin li kienu fil-​bżonn. (Mattew 26:​6-9; Ġwanni 12:​5-8; 13:29) Ġesù ħeġġeġ lil dawk li riedu jkunu s-​segwaċi tiegħu biex jirrikonoxxu l-​obbligu tagħhom li jgħinu lil dawk fil-​bżonn. Hu qal lil wieħed mexxej żagħżugħ għani: “Bigħ kulma għandek u qassam lill-​foqra, u jkollok teżor fis-​smewwiet; u ejja kun segwaċi tiegħi.” Il-​fatt li ż-​żagħżugħ ma kienx lest jitlaq il-​ġid tiegħu wera li l-​imħabba li kellu għall-​ġid kienet akbar mill-​imħabba li kellu għal Alla u għall-​bnedmin sħabu. B’hekk, hu ma kellux il-​kwalitajiet meħtieġa biex ikun dixxiplu taʼ Ġesù.​—Luqa 18:​22, 23.

Is-​Segwaċi taʼ Kristu Jinteressahom mill-​Foqra

Wara l-​mewt taʼ Ġesù, l-​appostli u s-​segwaċi l-​oħra taʼ Kristu komplew jieħdu interess fil-​foqra li kienu fosthom. Madwar is-​sena 49 E.K., l-​appostlu Pawlu ltaqaʼ maʼ Ġakbu, Pietru, u Ġwanni u ddiskuta magħhom l-​inkarigu li kien irċieva mill-​Mulej Ġesù Kristu biex jippriedka l-​aħbar tajba. Huma qablu li Pawlu u Barnaba kellhom imorru għand “il-​ġnus,” billi jikkonċentraw fuq il-​Ġentili fl-​ippridkar tagħhom. Madankollu, Ġakbu u dawk li kienu miegħu ħeġġew lil Pawlu u lil Barnaba biex ‘iżommu l-​foqra f’moħħhom.’ U Pawlu hekk ‘ipprova jagħmel bil-​ħeġġa kollha.’​—Galatin 2:​7-​10.

Matul ir-​renju taʼ l-​Imperatur Klawdju, waqaʼ ġuħ kbir f’postijiet differenti taʼ l-​Imperu Ruman. Il-​Kristjani f’Antjokja wieġbu billi “ddeċidew li jibagħtu l-​għajnuna, kull wieħed skond ma kien jistaʼ, lill-​aħwa li kienu joqogħdu l-​Lhudija, u dan għamluh, billi bagħtuha lill-​anzjani permezz taʼ Barnaba u Sawlu.”​—Atti 11:​28-​30.

Il-Kristjani veri llum ukoll jirrikonoxxu li s-​segwaċi taʼ Ġesù għandhom jieħdu interess fil-​foqra u f’dawk fil-​bżonn, speċjalment fost sħabhom fit-​twemmin. (Galatin 6:​10) Għalhekk, huma juru interess ġenwin fil-​bżonnijiet materjali taʼ dawk li m’għandhomx in-​neċessitajiet tal-​ħajja. Per eżempju, fl-​1998 nixfa qawwija ħarbtet ħafna mill-​postijiet fil-​grigal tal-​Brażil. In-​nixfa qerdet l-​għelieqi tar-​ross, tal-​fażola, u tal-​qamħirrum, u għalhekk il-​ġuħ infirex maʼ kullimkien​—l-​agħar li kien hemm fi 15-il sena. F’xi postijiet, anki l-​ilma tax-​xorb kien skars. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova f’partijiet oħra tal-​pajjiż mill-​ewwel organizzaw kumitati taʼ l-​għajnuna, u fi żmien qasir, ġabru ammonti kbar taʼ ikel u kienu ħallsu l-​ispiża biex l-​affarijiet jiġu trasportati.

Xhieda li kienu qed jappoġġaw din l-​għajnuna kitbu: “Aħna ferħanin ħafna li stajna ngħinu lil ħutna, speċjalment minħabba li aħna ċerti li ferraħna qalb Ġeħova. Qatt ma ninsew il-​kliem taʼ Ġakbu 2:​15, 16.” Dawn il-​versi Bibliċi jgħidu: “Jekk ħu jew oħt m’għandhomx x’jilbsu u huma neqsin mill-​ikel taʼ kuljum, u madankollu wieħed minnkom jgħidilhom: ‘Morru fil-​paċi, isħnu u ixbgħu,’ imma ma tagħtuhomx il-​bżonnijiet għal ġisimhom, x’jiswa?”

F’waħda mill-​kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova fil-​belt taʼ São Paulo, Xhud li hi umli u żeluża, imma fqira materjalment spiss issibha diffiċli biex tmantni lilha nfisha. Hi tgħid: “Għalkemm ngħix fil-​faqar, il-​messaġġ tal-​Bibbja tani tifsir veru għal ħajti. Ma nafx kieku x’sar minni kieku ma rċivejtx għajnuna minn sħabi li huma Xhieda.” Xi ftit taż-​żmien ilu, din il-​mara Kristjana li taħdem tant iebes kellha bżonn operazzjoni, imma ma kellhiex biex tħallas il-​kont taʼ l-​isptar. F’dan il-​każ partikulari, l-​aħwa Kristjani rġiel u nisa fil-​kongregazzjoni kienu f’pożizzjoni li jħallsu huma stess l-​ispejjeż taʼ l-​operazzjoni. Il-​Kristjani veri madwar id-​dinja jagħtu għajnuna lil sħabhom fit-​twemmin li huma fil-​bżonn.

Madankollu, huma kemm huma sbieħ dawn l-​esperjenzi, jidher ċar li sforzi sinċieri bħal dawn mhux se jneħħu l-​faqar għal dejjem. Anki gvernijiet setgħana u aġenziji internazzjonali kbar li jagħtu l-​għajnuna, filwaqt li kellhom xi suċċess, ma rnexxilhomx jeliminaw il-​problema tal-​faqar li ilha minn żmien żemżem. Għalhekk, tqum il-​mistoqsija, X’se tkun is-​soluzzjoni definittiva għall-​faqar u għal problemi oħrajn li jnikktu l-​umanità?

It-​Tagħlim tal-​Bibbja Jipprovdi Għajnuna Dejjiema

Ir-​rakkonti taʼ l-​Evanġelji juru li Ġesù Kristu spiss wettaq għemejjel tajbin għal dawk li kienu foqra jew li kellhom bżonnijiet oħra. (Mattew 14:​14-​21) Però, lil liema attività ta prijorità? F’okkażjoni minnhom, wara li kien qattaʼ xi ħin jgħin lil dawk fil-​bżonn, Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Ejja mmorru xi mkien ieħor, fl-​irħula fil-​qrib, sabiex inkun nistaʼ nippriedka hemmhekk ukoll.” Ġesù għala waqaf mix-​xogħol li kien qed jagħmel għall-​morda u dawk fil-​bżonn sabiex ikompli bl-​attività taʼ l-​ippridkar? Hu spjega billi qal: “Għax għalhekk [jiġifieri, biex nippriedka] ħriġt.” (Marku 1:​38, 39; Luqa 4:​43) Għalkemm kien importanti għal Ġesù li jagħmel it-​tajjeb maʼ dawk fil-​bżonn, l-​ippridkar dwar is-​Saltna t’Alla kien il-​missjoni primarja tiegħu.​—Marku 1:​14.

Ladarba l-​Bibbja tħeġġeġ lill-​Kristjani ‘biex jimxu mill-​qrib wara l-​passi’ taʼ Ġesù, il-​Kristjani llum għandhom gwida ċara rigward il-​prijoritajiet li jagħmlu fl-​isforzi tagħhom biex jgħinu lil oħrajn. (1 Pietru 2:​21) Bħal Ġesù, huma jgħinu lil dawk fil-​bżonn. Madankollu, bħal Ġesù wkoll, huma jagħtu l-​ewwel prijorità lix-​xogħol li jgħallmu l-​messaġġ tal-​Bibbja dwar l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla. (Mattew 5:​14-​16; 24:14; 28:​19, 20) Però, ix-​xandir tal-​messaġġ misjub fil-​Kelma t’Alla għala għandu jkollu prijorità fuq forom oħra t’għajnuna lil oħrajn?

Esperjenzi veri minn madwar id-​dinja juru li meta wħud jifhmu u jsegwu l-​parir prattiku tal-​Bibbja jkunu mħejjijin aħjar biex ikampaw mal-​problemi tal-​ħajja taʼ kuljum, inkluż il-​faqar. Iktar minn hekk, il-​messaġġ tal-​Bibbja dwar is-​Saltna t’Alla li hu pridkat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova llum jagħti lin-​nies tama għall-​futur​—tama li tagħmel il-​ħajja sabiħa, anki taħt ċirkustanzi diffiċli ħafna. (1 Timotju 4:8) Liema tama hi din?

Il-Kelma t’Alla tassigurana rigward il-​futur: “Hemm smewwiet ġodda u art ġdida li aħna qed nistennew skond il-​wegħda [t’Alla], u f’dawn tgħammar il-​ġustizzja.” (2 Pietru 3:​13) Meta l-​Bibbja titkellem dwar l-​“art,” kultant tkun qed tirreferi għan-​nies li jgħixu fuq l-​art. (Ġenesi 11:1) Għalhekk, l-​“art ġdida” taʼ ġustizzja li hi mwiegħda li ġejja hija soċjetà taʼ nies li għandhom l-​approvazzjoni t’Alla. Il-​Kelma t’Alla tkompli biex twiegħed li taħt il-​ħakma taʼ Kristu, dawk approvati minn Alla se jirċievu l-​għotja taʼ ħajja taʼ dejjem u se jgħixu ħajja sodisfaċenti f’ġenna taʼ l-​art. (Marku 10:30) Dan il-​futur mill-​isbaħ hu disponibbli għal kulħadd, inkluż il-​foqra. F’din l-​“art ġdida,” il-​problema tal-​faqar se tintemm għal dejjem.

[Kaxxa f’paġna 7]

ĠESÙ KIF SE “JEĦLES LILL-​FQIR”?​—Salm 72:12

IL-​ĠUSTIZZJA: “Hu jħares id-​dritt taʼ l-​imsejknin tal-​poplu, isalva l-​fqajrin u jrażżan ’il min jgħakkishom.” (Salm 72:​4, korsiv tagħna.) Matul il-​ħakma taʼ Kristu fuq l-​art, se jkun hemm ġustizzja għal kulħadd. Mhux se jkun hemm korruzzjoni, pjaga li ġabet il-​faqar f’ħafna pajjiżi li kieku jistgħu jkunu għonja.

IL-​PAĊI: “Tħaddar f’jiemu l-​ġustizzja, u sliem kotran sa ma jintemm il-​qamar.” (Salm 72:​7, korsiv tagħna.) Ħafna mill-​faqar fid-​dinja jiġi minn konflitti u gwerer tal-​bnedmin. Kristu se jġib paċi perfetta fuq l-​art, u b’hekk se jelimina waħda mill-​kaġuni prinċipali tal-​faqar.

IL-​MOGĦDRIJA: “[“Jiddispjaċih,” NW] għad-​dgħajjef u għall-​fqajjar; il-​ħajja tal-​fqajrin isalva. Jeħlishom mill-​qerq u mill-​moħqrija; demmhom għażiż quddiem għajnejh.” (Salm 72:12-14, korsiv tagħna.) Id-​dgħajfin, il-​foqra, u l-​maħqurin se jsiru parti minn familja waħda ferħana, magħqudin taħt il-​ħakma tas-​Sultan Ġesù Kristu.

IL-​PROSPERITÀ: “Ikun kotran il-​qamħ fuq l-​art.” (Salm 72:​16, korsiv tagħna.) Waqt il-​ħakma taʼ Kristu, se jkun hemm prosperità materjali u abbundanza. Ħadd m’hu se jsofri minn nuqqas taʼ ikel u ġuħ li huma kaġuni komuni tal-​faqar illum.

[Stampa f’paġna 5]

Ġesù ħa interess persunali fil-​bżonnijiet tal-​foqra

[Stampa f’paġna 6]

Il-​messaġġ tal-​Bibbja jagħti tama vera

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja