LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 10/1 pp. 17-21
  • Int Tistaʼ Tissaporti sat-Tmiem

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Int Tistaʼ Tissaporti sat-Tmiem
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Nutriment Tajjeb​—Ħtieġa
  • Spettaturi biex Jinkuraġġuk
  • Stabbilixxi bil-​Għaqal b’Liema Pass se Tiġri
  • Żomm Għajnejk fuq il-​Premju
  • Hekk kif it-​Tmiem Joqrob Dejjem Iżjed
  • Niġru t-Tiġrija bis-Sabar
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Iġri t-Tiġrija bis-Sabar
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Kif Qegħed Tiġri fit-Tellieqa Għall-Ħajja?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • ‘Iġri’ b’Dan il-Mod
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 10/1 pp. 17-21

Int Tistaʼ Tissaporti sat-​Tmiem

“Ħa niġru bis-​sabar il-​ġirja li għandna quddiemna.”—LHUD 12:1, Karm Żammit.

1, 2. X’ifisser li wieħed ikollu s-​sabar?

“TEĦTIEĠU s-​sabar.” Hekk kiteb l-​appostlu Pawlu lill-​Kristjani Lhud taʼ l-​ewwel seklu. (Lhud 10:36) Waqt li enfasizza l-​importanza taʼ din il-​kwalità, l-​appostlu Pietru b’mod simili ħeġġeġ lill-​Kristjani: ‘Żidu mal-​fidi . . . s-​sabar.’ (2 Pietru 1:5, 6) Imma x’inhu eżattament is-​sabar?

2 Dizzjunarju mill-​Grieg għall-​Ingliż jagħti definizzjoni tal-​verb Grieg “stabar” bħala “li wieħed jibqaʼ minflok ma jaħrab . . . li wieħed iżomm postu, jissaporti.” Rigward in-​nom Grieg għal “sabar,” xogħol wieħed taʼ referenza jgħid: “Huwa l-​ispirtu li jistaʼ jiflaħ l-​affarijiet, mhux sempliċement b’rassenjazzjoni, imma b’tama ferventi . . . Huwa l-​kwalità li żżomm lil raġel fuq saqajh b’wiċċu lejn ir-​riħ. Huwa l-​virtù li tistaʼ ddawwar il-​prova l-​iktar iebsa fi glorja għaliex lil hinn mill-​uġigħ tara l-​mira.” Mela, is-​sabar jgħin lil dak li jkun iżomm sod meta jiffaċċja xi ostakli u tbatijiet u ma jitlifx it-​tama. Min, b’mod speċjali, għandu bżonnha din il-​kwalità?

3, 4. (a) Min għandu bżonn is-​sabar? (b) Aħna għala rridu nissaportu sat-​tmiem?

3 Il-​Kristjani kollha qegħdin b’mod figurattiv jieħdu sehem f’ġirja li tirrikjedi s-​sabar. Madwar is-​sena 65 E.K., l-​appostlu Pawlu kiteb dan il-​kliem rassiguranti lil Timotju, ħaddiem sieħbu u kumpann leali fil-​vjaġġi tiegħu: “Tqabadt it-​taqbida t-​tajba, temmejt il-​ġirja, ħarist il-​fidi.” (2 Timotju 4:7) Bl-​espressjoni “temmejt il-​ġirja,” Pawlu kien qed iqabbel ħajtu bħala Kristjan maʼ ġirja, b’korsa stabbilita u linja li timmarka t-​tmiem. Sa dak iż-​żmien, Pawlu kien qed joqrob b’mod trijonfanti lejn tmiem il-​ġirja, u kien qed iħares ’il quddiem b’fiduċja sħiħa lejn li jirċievi l-​premju. “Mill-​bqija,” kompla jgħid, “hemm merfugħa għalija l-​kuruna tal-​ġustizzja, li biha f’dak il-​Jum iħallasni l-​Mulej, l-​Imħallef ġust.” (2 Timotju 4:8) Pawlu kien ċert li kien se jikseb il-​premju għaliex kien issaporta sat-​tmiem. Xi ngħidu għalina?

4 Biex jinkuraġġixxi lil dawk li bdew il-​ġirja, Pawlu kiteb: “Ħa niġru bis-​sabar il-​ġirja li għandna quddiemna.” (Lhud 12:1, KŻ) Bħala Kristjani, aħna nidħlu f’din il-​ġirja li teħtieġ is-​sabar meta niddedikaw ruħna lil Alla Jehovah permezz taʼ Ġesù Kristu. Bidu tajjeb fil-​korsa bħala dixxipli huwa importanti, imma fl-​aħħar mill-​aħħar, l-​iktar li jgħodd hu li nispiċċaw dik il-​korsa. Ġesù ddikjara: “Min jibqaʼ jżomm sħiħ sa l-​aħħar, dan isalva.” (Mattew 24:13) Rigal taʼ ħajja taʼ dejjem hemm jistenniehom lil dawk li jispiċċaw il-​ġirja b’suċċess! Għaldaqstant, billi għandna mira f’moħħna, irridu nissaportu sat-​tmiem. X’se jgħinna nilħqu dan l-​għan?

Nutriment Tajjeb​—Ħtieġa

5, 6. (a) Liema affarijiet irridu nagħtuhom attenzjoni jekk irridu li nissaportu fil-​ġirja għall-​ħajja? (b) Liema provvedimenti spiritwali rridu nieħdu vantaġġ minnhom, u għala?

5 Qrib il-​belt taʼ Korintu, fil-​Greċja, kien hemm is-​sit fejn, fl-​antik, kien jinżamm il-​famuż Logħob Istmiku. Bla dubju, Pawlu kien konxju li l-​aħwa taʼ Korintu kienu familjari mal-​kompetizzjonijiet atletiċi u kompetizzjonijiet oħrajn li kienu jsiru hemmhekk. Billi bbaża fuq l-​għarfien li kellhom, hu fakkarhom fil-​ġirja għall-​ħajja li kienu qed jieħdu sehem fiha: “Ma tafux li l-​ġerrejja fl-​istadju kollha jiġru, imma l-​premju wieħed jirbħu? Iġru, mela, ħalli tirbħuh.” Pawlu enfasizza l-​importanza li wieħed jibqaʼ fil-​ġirja u jistinka ’l quddiem sat-​tmiem. Imma x’kien se jgħinhom jagħmluh dan? “Kull atleta jiċċaħħad minn kollox,” hu żied. Iva, il-​kontestanti fil-​logħob tal-​qedem kienu jissottomettu ruħhom għal taħriġ strett, joqogħdu attenti b’mod skrupluż x’jieklu u x’jixorbu, u jikkontrollaw kull attività li kellhom sabiex jirbħu.—1 Korintin 9:24, 25.

6 Xi ngħidu għall-​ġirja li daħlu fiha l-​Kristjani? “Jeħtieġ li tieħu biżżejjed nutriment spiritwali jekk trid li tissaporti fil-​ġirja għall-​ħajja,” jgħid anzjan li jaqdi f’waħda mill-​kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Ikkunsidra x’ikel spiritwali pprovdielna Jehovah, dak “Alla . . . li minnu ġej kull sabar.” (Rumani 15:5) Is-​sors prinċipali tagħna taʼ nutriment spiritwali hu l-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja. M’għandniex aħna nżommu skeda tajba taʼ qari mill-​Bibbja? Permezz taʼ “l-​ilsir leali u diskret,” Jehovah pprovdielna wkoll il-​ġurnali f’waqthom It-​Torri taʼ l-​Għassa u Stenbaħ! u pubblikazzjonijiet oħrajn li huma bbażati fuq il-​Bibbja. (Mattew 24:45, NW) Jekk nistudjawhom b’mod ħabriek, dawn se jsaħħuna spiritwalment. Iva, irridu nieħdu l-​ħin​—‘nirbħu ż-​żmien’ opportun—​għall-istudju persunali.—Efesin 5:16, Saydon.

7. (a) Għala m’għandniex inkunu sodisfatti b’li sempliċement inkunu nafu d-​duttrini Kristjani bażiċi? (b) Kif nistgħu “nimxu ’l quddiem lejn [“il-​maturità,” NW]”?

7 Biex nibqgħu fil-​korsa li qbadna bħala dixxipli, hemm bżonn li mhux biss inqisu l-​“ewwel elementi tat-​tagħlim” imma “nimxu ’l quddiem lejn [“il-​maturità,” NW].” (Lhud 6:1) Għalhekk, irridu niżviluppaw interess fil-​“wisaʼ u t-​tul, l-​għoli u l-​fond” tal-​verità u niksbu nutriment mill-​“ikel sħiħ [li] hu tal-​kbar [“maturi,” NW].” (Efesin 3:18; Lhud 5:12-14) Per eżempju, ejja nieħdu l-​erbaʼ rakkonti taʼ min joqgħod fuqhom tal-​ħajja taʼ Ġesù fuq l-​art​—l-​Evanġelji taʼ Mattew, Mark, Luqa, u  Ġwanni. Jekk nistudjaw bir-​reqqa dak li hemm miktub f’dawn l-​Evanġelji, mhux biss insiru nafu x’għemejjel wettaq Ġesù u x’tip taʼ persuna kien, imma wkoll se nagħrfu l-​mod taʼ ħsieb li qanqlu jagħmel dawk l-​għemejjel. Imbagħad jistaʼ jkollna “l-​ħsieb taʼ Kristu.”—1 Korintin 2:16.

8. Il-​laqgħat Kristjani kif jgħinuna nissaportu fil-​ġirja għall-​ħajja?

8 Pawlu wissa lil adoraturi sħabu: “Naraw kif nistgħu nħajjru lil xulxin għall-​imħabba u għall-​għemil tajjeb. Ma ninqatgħux mil-​laqgħat tagħna flimkien, kif ħadu d-​drawwa jagħmlu xi wħud; agħmlu l-​qalb lil xulxin; u dan wisq aktar għandkom tagħmluh, aktar ma taraw li qiegħed joqrob il-​Jum.” (Lhud 10:24, 25) X’sors taʼ inkuraġġiment huma dawn il-​laqgħat Kristjani! U kemm hu rifreskanti li nkunu m’aħwa rġiel u nisa li juru tant imħabba u interess fina u li jridu jgħinuna nissaportu sat-​tmiem! Ma nistgħux ma niħduhx bis-​serjetà dan il-​provvediment taʼ mħabba mingħand Jehovah. Bl-​istudju persunali li nagħmlu b’mod ħabriek u bl-​attendenza regulari għal-​laqgħat, ejja nsiru ‘rġiel magħmula fi ħsibijietna.’—1 Korintin 14:20.

Spettaturi biex Jinkuraġġuk

9, 10. (a) L-​ispettaturi kif jistgħu jkunu sors taʼ inkuraġġiment f’ġirja li teħtieġ is-​sabar? (b) X’inhi ‘s-​sħaba hekk kbira taʼ xhud li aħna mdawrin biha’ msemmija f’Lhud 12:1?

9 Madankollu, ikun kemm ikun preparat tajjeb il-​ġerrej, matul it-​triq jistgħu jiġru affarijiet li jistgħu jġagħluh jieħu xi gambetta. “Kontu tiġru sewwa. Min fixkilkom li ma toqogħdux għas-​sewwa?” staqsa Pawlu. (Galatin 5:7) L-​evidenza turi li xi wħud mill-​Kristjani Galatin bdew jagħmluha maʼ kumpanija ħażina, u b’riżultat taʼ dan, aljenaw ruħhom mill-​ġirja tagħhom għall-​ħajja. Mill-​banda l-​oħra, il-​ġirja tiegħek tistaʼ ssir eħfef biex tissaporti fiha jekk oħrajn jagħtuk l-​appoġġ u l-​inkuraġġiment tagħhom. Dan jixbah ħafna l-​effett li jistaʼ jkollhom l-​ispettaturi fuq il-​parteċipanti waqt xi logħba. L-​entużjażmu tal-​folla jintensifika l-​eċċitament li jġiegħel lill-​kontestanti jibqgħu motivati mill-​bidu sat-​tmiem. L-​għajat taʼ dawk li jkunu qed jarawhom, li taʼ spiss ikun akkumpanjat minn mużika li ttarrxek u ċapċip, jistaʼ jagħti dik l-​ispinta li l-​parteċipanti jkollhom bżonn hekk kif huma jaslu sat-​tmiem. Tabilħaqq, spettaturi li jissimpatizzaw jistaʼ jkollhom influwenza pożittiva fuq il-​ġerrejja.

10 Min huma l-​ispettaturi fil-​ġirja għall-​ħajja li l-​Kristjani daħlu fiha? Wara li semma lista sħiħa taʼ xhieda Kristjani leali taʼ Jehovah li għexu qabel Kristu, li nsibuha f’Lhud kapitlu 11, Pawlu kiteb: “Għalhekk mela aħna, billi qegħdin naraw ukoll kif aħna mdawrin bi sħaba hekk kbira taʼ xhud, . . . ħa niġru bis-​sabar il-​ġirja li għandna quddiemna.” (Lhud 12:1, KŻ) Meta Pawlu uża l-​metafora taʼ sħaba, m’użax il-​kelma Griega li tiddeskrivi sħaba li kulħadd jistaʼ jara d-​daqs u s-​sura definita li għandha. Minflok uża kelma li skond il-​lessikografu W. E. Vine “tindika massa taʼ sħab bla forma, li tiksi s-​sema.” Jidher ċar li Pawlu kellu f’moħħu kotra kbira taʼ xhieda​—li tant kienu numerużi li kienu qishom massa taʼ sħab.

11, 12. (a) Xhieda leali li għexu qabel Kristu kif jistgħu, bħallikieku, jagħmlulna l-​qalb biex niġru l-​ġirja bis-​sabar? (b) Kif nistgħu nibbenefikaw iktar bis-​sħiħ minn din is-​“sħaba hekk kbira taʼ xhud”?

11 Jistgħu xhieda leali li għexu qabel Kristu jkunu spettaturi letterali llum? Żgur li le. Huma kollha jinsabu reqdin fil-​mewt u qed jistennew li jiġu rxoxtati. Madankollu, meta kienu ħajjin anki huma kellhom suċċess bħala ġerrejja u l-​eżempju tagħhom għadu ħaj fil-​paġni tal-​Bibbja. Aħna u nistudjaw l-​Iskrittura, dawn l-​uħud leali jistgħu jerġgħu jieħdu l-​ħajja fl-​immaġinazzjoni tagħna, u jkunu bħallikieku jistgħu jagħmlulna l-​qalb biex niġru sat-​tmiem.—Rumani 15:4.a

12 Per eżempju, meta niġu ttantati minħabba opportunitajiet dinjin, ma taħsibx li jekk nirriflettu dwar kif Mosè rrifjuta l-​affarijiet glorjużi taʼ l-​Eġittu, dan se jqanqalna biex nibqgħu fil-​korsa li qbadna? Jekk il-​prova li nkunu qed niffaċċjaw tkun tidher iebsa, nagħmlu tajjeb li niftakru fil-​prova kbira li ffaċċja Abraham meta ġie mitlub joffri lil ibnu Iżakk, għaliex dan se jinkuraġġina biex ma naqtgħux qalbna f’din il-​ġirja tal-​fidi. Kemm din is-​“sħaba hekk kbira” taʼ dawn ix-​xhieda se tinkuraġġina b’dan il-​mod jiddependi fuq kemm qed narawhom ċar bl-​għajnejn tal-​fehma tagħna.

13. Xhieda taʼ Jehovah fi żmienna b’liema mod jinkuraġġuna fil-​ġirja għall-​ħajja?

13 Anki fi żmienna, aħna ninsabu mdawrin b’numru kbir taʼ Xhieda taʼ Jehovah. X’eżempji mill-​aħjar taʼ fidi ħallewlna Kristjani midlukin kif ukoll irġiel u nisa li huma parti mill-​“kotra kbira”! (Apokalissi 7:9) Kultant żmien nistgħu naqraw ir-​rakkonti tal-​ħajja tagħhom f’din ir-​rivista u f’pubblikazzjonijiet oħrajn tal-​Watch Tower.b Hekk kif nirriflettu fuq il-​fidi tagħhom, niġu inkuraġġiti biex nissaportu sat-​tmiem. U kemm hi ħaġa sabiħa li jkollna l-​appoġġ tal-​ħbieb tal-​qalb u l-​qraba li wkoll qegħdin jaqdu lil Jehovah fedelment! Iva, għandna ħafna min jinkuraġġina f’din il-​ġirja għall-​ħajja.

Stabbilixxi bil-​Għaqal b’Liema Pass se Tiġri

14, 15. (a) Għala huwa importanti li nistabbilixxu bil-​għaqal b’liema pass se niġru? (b) Għala jeħtieġ li nkunu raġunevoli meta nistabbilixxu l-​miri tagħna?

14 Ġerrej li jkun qed jieħu sehem f’ġirja twila, bħal f’xi maratona, irid jistabbilixxi bil-​għaqal b’liema pass se jiġri. “Meta wieħed jibda l-​ġirja billi joħroġ b’kemm ikollu saħħa, dan se jirriżulta f’telfa,” tgħid ir-​rivista New York Runner. “Ir-​riżultat x’aktarx ikun li hu jaqlaʼ fwiedu fl-​aħħar ftit kilometri jew inkella li ma jkomplix jiġri.” Wieħed li taʼ spiss jieħu sehem f’maratona jiftakar: “F’diskors li attendejt għalih bħala preparazzjoni għall-​ġirja, il-​kelliemi wissiena b’mod ċar: ‘Tipprovawx tilħqu lil xi ġerrej li qed jiġri iktar minnkom. Iġru bil-​pass tagħkom. Inkella se tegħjew u jkollkom tieqfu.’ Il-​fatt li mxejt fuq dan il-​parir għeni biex nispiċċa l-​ġirja.”

15 Fil-​ġirja għall-​ħajja, il-​qaddejja t’Alla jridu jitħabtu b’mod vigoruż. (Luqa 13:24) Madankollu, id-​dixxiplu Ġakbu kiteb: “L-​għerf minn fuq huwa . . . raġunevoli.” (Ġakbu 3:17, NW) Waqt li l-​eżempju tajjeb t’oħrajn jistaʼ jinkuraġġina biex nagħmlu iktar, li nkunu raġunevoli se jgħinna nistabbilixxu miri realistiċi skond l-​abbiltajiet u ċ-​ċirkustanzi tagħna. L-​Iskrittura tfakkarna: “[Ħalli] kull wieħed jgħarbel għemilu, mbagħad ikun jistaʼ jiftaħar [“jifraħ,” NW] bih innifsu, u mhux b’ħaddieħor. Kull wieħed għandu t-​tagħbija tiegħu x’jerfaʼ.”—Galatin 6:4, 5.

16. Il-​modestja kif tgħinna nistabbilixxu b’liema pass se niġru?

16 Mikea 6:8 (NW), jistaqsi din il-​mistoqsija li ġġagħalna naħsbu: “X’qiegħed jitlob lura minnek Jehovah ħlief . . . li tkun modest f’li timxi maʼ Alla tiegħek?” Il-​modestja tinkludi li nkunu konxji tal-​limitazzjonijiet tagħna. Qegħdin aħna nħossu li nuqqas taʼ saħħa jew età avanzata qed jillimitawlna dak li nistgħu nagħmlu fis-​servizz tagħna lejn Alla? Ħalli ma naqtgħux qalbna. Jehovah jaċċetta l-​isforzi u s-​sagrifiċċji tagħna ‘skond ma għandna, u mhux skond li ma għandniex.’—2 Korintin 8:12; qabbel Luqa 21:1-4.

Żomm Għajnejk fuq il-​Premju

17, 18. Ġesù liema ħaġa li għenitu jissaporti z-​zokk tat-​tortura żamm quddiem għajnejh?

17 Meta lill-​Kristjani f’Korintu Pawlu ġibdilhom l-​attenzjoni lejn il-​ħtieġa li jissaportu fil-​ġirja għall-​ħajja, hu semma aspett ieħor tal-​Logħob Istmiku li kienu jagħmlu tajjeb li jikkunsidrawh. Rigward il-​kontestanti f’dak il-​logħob, Pawlu kiteb: “U dawn [jiġru] biex jirbħu kuruna midbiela, imma aħna, waħda li ma tidbielx. Jien issa hekk niġri, mhux qisni bl-​addoċċ; ma nissarax bħallikieku qiegħed nagħti fil-​vojt.” (1 Korintin 9:25, 26) Bħala premju r-​rebbieħ f’dak il-​logħob tal-​qedem kien jingħata kuruna, jew girlanda, magħmula minn weraq tal-​prinjol jew taʼ xi pjanti oħrajn, jew saħansitra minn karfus salvaġġ imnixxef​—verament “kuruna midbiela.” Iżda, x’hemm lest għall-​Kristjani li jissaportu sat-​tmiem?

18 Waqt li rrefera għall-​Eżemplar tagħna, Ġesù Kristu, l-​appostlu Pawlu kiteb: “[Għall-]hena li kellu quddiemu, qagħad għas-​salib [“ssaporta zokk tat-​tortura,” NW] bla xejn ma qies l-​għajb tiegħu, u issa qiegħed fuq in-​naħa tal-​lemin tat-​tron taʼ Alla.” (Lhud 12:2) Ġesù ssaporta sa tmiem il-​ħajja umana tiegħu billi ma qiesx biss iz-​zokk tat-​tortura imma ra l-​premju li kien hemm wara. Dan kien jinkludi l-​hena li għandu f’li jikkontribwixxi għat-​taqdis taʼ l-​isem taʼ Jehovah, f’li jħallas il-​prezz tal-​fidwa mill-​mewt għall-​familja umana, u f’li jaħkem bħala Sultan u Qassis il-​Kbir waqt li jirrestawra lill-​bnedmin ubbidjenti għal ħajja bla tmiem fuq art magħmula ġenna.—Mattew 6:9, 10; 20:28; Lhud 7:23-26.

19. X’għandna nżommu quddiem għajnejna hekk kif insegwu l-​korsa bħala dixxipli Kristjani?

19 Ikkunsidra l-​ferħ li jitpoġġa quddiemna hekk kif insegwu l-​korsa bħala dixxipli Kristjani. Jehovah tana x-​xogħol sodisfaċenti ferm li nxandru l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla u li nagħtu lil oħrajn l-​għarfien mill-​Bibbja li jistaʼ jsalvalhom ħajjithom. (Mattew 28:19, 20) Kemm nieħdu gost meta nsibu lil xi ħadd interessat f’dak Alla veru u ngħinuh jidħol fil-​ġirja għall-​ħajja! U kemm jekk in-​nies li nippridkawlhom iwieġbu u kemm jekk le, għalina xorta hu privileġġ li nieħdu sehem fix-​xogħol konness mat-​taqdis taʼ isem Jehovah. Meta nissaportu fil-​ministeru minkejja l-​indifferenza jew l-​oppożizzjoni li nsibu min-​naħa taʼ dawk li nagħtuhom xiehda fit-​territorju tagħna, aħna xorta waħda nkunu henjin li qed inferrħu qalb Jehovah. (Proverbji 27:11) U l-​premju grandjuż li jwegħedna huwa ħajja taʼ dejjem. Kemm se nkunu ferħanin! Għandna bżonn inżommu dawn il-​barkiet quddiem għajnejna u nippersistu f’din il-​ġirja.

Hekk kif it-​Tmiem Joqrob Dejjem Iżjed

20. Il-​ġirja għall-​ħajja kif għandha mnejn issir dejjem iktar diffiċli hekk kif it-​tmiem ikompli joqrob iżjed?

20 Fil-​ġirja tagħna għall-​ħajja, ikollna nissieltu kontra l-​għadu ewlieni tagħna, Satana x-​Xitan. Hekk kif nersqu lejn it-​tmiem, hu qed jagħmel ħiltu kollha biex jipprova jwaqqagħna jew iġagħalna nnaqqsu l-​pass. (Apokalissi 12:12, 17) U m’huwiex faċli li nkomplu nkunu proklamaturi tas-​Saltna dedikati u leali meta wieħed iqis il-​gwerer, il-​ġuħ, il-​mard, u t-​tbatijiet l-​oħrajn kollha li jimmarkaw iż-​“żmien taʼ l-​aħħar.” (Danjel 12:4; Mattew 24:3-14; Luqa 21:11; 2 Timotju 3:1-5) Iktar minn hekk, it-​tmiem xi kultant għandu mnejn jidher iktar ’il bogħod milli ssopponejna, partikolarment jekk ilna għaxriet taʼ snin li dħalna f’din il-​ġirja. Madankollu, il-​Kelma t’Alla taċċertana li t-​tmiem se jiġi żgur. Jehovah jgħid li m’huwiex se jiddawwar. It-​tmiem qed jintlemaħ.—Ħabakkuk 2:3; 2 Pietru 3:9, 10.

21. (a) X’se jsaħħaħna hekk kif inkomplu fil-​ġirja għall-​ħajja? (b) X’għandha tkun id-​determinazzjoni tagħna hekk kif it-​tmiem ikompli joqrob dejjem iktar?

21 Mela, biex ikollna suċċess fil-​ġirja għall-​ħajja rridu niksbu s-​saħħa minn dak li Jehovah bl-​imħabba kollha pprovdielna biex ikollna nutriment spiritwali. Għandna bżonn ukoll taʼ l-​inkuraġġiment kollu li nistgħu niksbu minn sħubija regulari maʼ sħabna fit-​twemmin, li wkoll qed jieħdu sehem f’din il-​ġirja. Anki jekk sadattant niffaċċjaw xi persekuzzjoni ħarxa u ġrajjiet mhux mistennijin li jagħmlulna l-​ġirja tagħna iktar diffiċli, aħna nistgħu nissaportu sat-​tmiem għaliex Jehovah jipprovdilna l-​“qawwa [“iktar min-​normal,” NW].” (2 Korintin 4:7) Kemm inħossuna rassigurati li nkunu nafu li Jehovah jridna nispiċċaw il-​korsa tagħna b’mod trijonfanti! Ħalli b’determinazzjoni soda “niġru bis-​sabar il-​ġirja li għandna quddiemna,” b’fiduċja sħiħa li “jekk ma naqtgħux qalbna, naħsdu fi żmienu.”—Lhud 12:1, KŻ; Galatin 6:9.

[Noti taʼ taħt]

a Għal diskussjoni dwar Lhud 11:1–12:3, ara It-​Torri taʼ l-​Għassa tal-​15 t’April, 1987, paġni 10-​20.

b  Xi eżempji reċenti taʼ dawn l-​esperjenzi inkuraġġanti jistgħu jinstabu fit-​Torri taʼ l-​Għassa taʼ l-​1 taʼ Ġunju, 1998, paġni 28-​31; l-​1 taʼ Settembru, 1998, paġni 24-8; l-​1 taʼ Frar, 1999, paġni 25-​9.

Tiftakar Int?

◻ Għala rridu nissaportu sat-​tmiem?

◻ Liema provvedimenti taʼ Jehovah m’għandniex nittraskuraw?

◻ Għala huwa importanti li nistabbilixxu bil-​għaqal b’liema pass se niġru?

◻ Liema hena huwa mqiegħed quddiemna hekk kif inkomplu f’din il-​ġirja?

[Stampa f’paġna 18]

Ikseb inkuraġġiment mil-​laqgħat Kristjani

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja