‘Iġri’ b’Dan il-Mod
IMMAĠINA li qiegħed fi stejdjum mimli daqs bajda bin-nies jistennew ħerqanin. L-atleti joħorġu fil-grawnd. In-nies fil-folla jgħajtu kemm jifilħu hekk kif ifeġġu l-eroj tagħhom. Il-membri tal-ġurija jieħdu posthom biex jaraw li r-regoli jiġu osservati. Hekk kif jibda l-logħob, min jgħajjat bil-ferħ u min bid-diżappunt. L-applaws li jagħtu lir-rebbieħa jtarrxek!
Dan m’huwiex xi avveniment sportiv modern, imma wieħed li kien jinżamm xi 2,000 sena ilu fl-Istmu taʼ Korintu. Il-famuż Logħob Istmiku kien jinżamm hawnhekk kull sentejn, mis-sitt seklu Q.E.K. sar-rabaʼ seklu E.K. Għal bosta jiem, dan l-avveniment kien ikun fuq fomm kulħadd fil-Greċja kollha. Il-logħob kien iktar minn sempliċi kompetizzjonijiet atletiċi. L-atleti kienu simbolu taʼ tħejjija militari. Ir-rebbieħa li kienu jitqiesu bħala eroj u idoli, kienu jingħataw kuruni magħmulin mill-weraq tas-siġar. Kienu jingħataw ukoll bosta rigali, u l-belt kienet toħorġilhom pensjoni tajba għal tul ħajjithom.
L-appostlu Pawlu kien familjari mal-Logħob Istmiku ħdejn Korintu u qabbel il-ħajja taʼ Kristjan maʼ kompetizzjoni atletika. Waqt li rrefera għal ġerrejja u atleti oħrajn, hu wera b’sengħa kbira xi premju jistaʼ jinkiseb b’taħriġ tajjeb, bi sforzi fid-direzzjoni t-tajba, u bis-sabar. M’għandniex xi ngħidu, il-Kristjani li lilhom kien qed jikteb, kienu jafu wkoll dwar dan il-logħob. Bla dubju, xi wħud minnhom kienu xi darba jew oħra fost dawk il-folol jgħajtu fl-istejdjum. Għalhekk, kienu se jifhmuhom tajjeb it-tixbihat taʼ Pawlu. Xi ngħidu għalina llum? Aħna wkoll ninsabu f’tellieqa; tellieqa għall-ħajja taʼ dejjem. Kif nistgħu nibbenefikaw minn dak li Pawlu qal dwar dawn il-kompetizzjonijiet?
‘Nimxu Skond ir-Regoli’
Il-ħtiġijiet biex wieħed jieħu sehem fil-logħob tal-qedem kienu stretti ħafna. Uffiċjal kien jippreżenta lil kull atleta lill-ispettaturi u jgħajjat: ‘Hawn xi ħadd li jistaʼ jakkuża lil dan ir-raġel b’xi att kriminali? Qatt seraq jew aġixxa b’mod mill-agħar jew pervers fil-ħajja u fil-manjieri tiegħu?’ Skond l-Archaeologia Graeca, “l-ebda bniedem li kien kriminal magħruf, jew li kellu lil xi ħadd jiġi minnu li kien hekk, ma kien jitħalla jieħu sehem.” U min kien jikser ir-regoli tal-logħob kien jingħata l-piena ħarxa li jitkeċċa mill-kompetizzjonijiet.
Dan il-fatt jgħinna nifhmu l-istqarrija taʼ Pawlu: “Hekk ukoll l-atleta ma jiħux il-premju jekk ma jkunx mexa skond ir-regoli.” (2 Timotju 2:5) Bl-istess mod, biex niġru fit-tellieqa tal-ħajja rridu nimxu mal-ħtiġijiet taʼ Jehovah billi naġixxu fi qbil mal-livelli morali għoljin tiegħu kif imniżżlin fil-Bibbja. Madankollu, il-Bibbja twissina: “Qalb il-bniedem miġbuda għall-ħażen sa minn ċkunitu.” (Ġenesi 8:21) B’hekk, anki wara li nidħlu fit-tellieqa, irridu noqogħdu attenti li nibqgħu nimxu skond ir-regoli sabiex jibqaʼ jkollna l-approvazzjoni taʼ Jehovah u niksbu l-ħajja taʼ dejjem.
L-aqwa għajnuna biex naġixxu b’dan il-mod hija l-imħabba għal Alla. (Mark 12:29-31) Din l-imħabba se ġġagħalna nkunu rridu nogħġbu lil Jehovah u naġixxu skond ir-rieda tiegħu.—1 Ġwann 5:3.
“Inwarrbu Minna Kull Xkiel”
Fil-logħob tal-qedem, il-ġerrejja ma kinux imtaqqlin bil-ħwejjeġ jew b’xi ħaġa oħra. “Fit-tlielaq, . . . il-kompetituri kienu jitfaċċaw għarwenin għalkollox,” jgħid il-ktieb The Life of the Greeks and Romans. Mingħajr ħwejjeġ, l-atleti setgħu jiċċaqalqu iktar bil-ħeffa u bil-kumdità. Ma kinux jaħlu l-enerġija b’xi piż żejjed li jġorru. X’aktarx li Pawlu kellu dan f’moħħu meta kiteb lill-Kristjani Lhud: “Ejjew inwarrbu minna kull xkiel . . . , u [“bis-sabar,” KŻ] nibqgħu niġru t-triq tal-prova li għandna quddiemna.”—Lhud 12:1.
Liema xorta taʼ xkiel jistaʼ jfixkilna fit-tellieqa għall-ħajja? Tistaʼ tkun ix-xewqa li ngeddsu ħafna affarijiet materjali li nistgħu ngħaddu mingħajrhom jew li jkollna stil taʼ ħajja kapriċċuż. Xi wħud forsi jħarsu lejn l-għana bħala sigurtà jew iqisuh bħala mezz taʼ kuntentizza. Dan il-“piż” żejjed jistaʼ jnaqqas ir-ritmu taʼ ġerrej sal-punt li jasal iż-żmien li Alla ma jibqax daqshekk importanti għalih. (Luqa 12:16-21) Il-ħajja taʼ dejjem tistaʼ tibda tidher bħala tama fil-bogħod. ‘Id-dinja l-ġdida għad tiġi xi darba,’ jistaʼ forsi jaħseb dak li jkun, ‘imma sadattant nistaʼ nieħu vantaġġ minn dak li toffri din id-dinja.’ (1 Timotju 6:17-19) Ħarsa materjalistika bħal din tistaʼ faċilment tiżvija lil dak li jkun mit-tellieqa għall-ħajja jew ittellfu saħansitra milli jibdieha.
Fil-Priedka taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù qal: “Ħadd ma jistaʼ jaqdi żewġ sidien; għax jew ikun jobgħod lil wieħed u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat maʼ wieħed u jistmell lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.” Imbagħad, wara li tkellem dwar il-mod kif Jehovah jieħu ħsieb il-bżonnijiet taʼ l-annimali u tal-pjanti u semma li l-bnedmin jiswew iktar minn dawn, hu wissa: “Għalhekk toqogħdux tinkwetaw ruħkom u tgħidu, ‘X’se nieklu?’ jew ‘X’se nixorbu?’ jew ‘X’se nilbsu?’, għax dawn huma kollha ħwejjeġ li jfittxuhom il-pagani. Imma Missierkom li hu fis-smewwiet jaf li dan kollu teħtiġuh. Mela fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja taʼ Alla, u dan kollu jingħatalkom ukoll.”—Mattew 6:24-33.
Niġru bis-Sabar
It-tlielaq tal-qedem mhux kollha kienu qosra. Tellieqa minnhom, imsejħa doʹli·khos, kienet twila madwar erbaʼ kilometri. Kienet prova iebsa taʼ saħħa u sabar. Skond it-tradizzjoni, fis-sena 328 Q.E.K., atleta bl-isem t’Ageas, wara li rebaħ din it-tellieqa, telaq bil-ġiri t-triq kollha lejn beltu, Argos, biex iħabbar ir-rebħa tiegħu. Dakinhar ġera madwar 110 kilometri!
It-tellieqa Kristjana wkoll hija ġirja fit-tul li tpoġġi taħt prova s-sabar tagħna. Jeħtieġ li nissaportu f’din it-tellieqa sat-tmiem biex inkunu nistgħu niksbu l-approvazzjoni taʼ Jehovah u l-premju taʼ ħajja taʼ dejjem. Pawlu ġera t-tellieqa b’dan il-mod. Lejn tmiem ħajtu, setaʼ jgħid: “Tqabadt it-taqbida t-tajba, temmejt il-ġirja, ħarist il-fidi. Mill-bqija hemm merfugħa għalija l-kuruna tal-ġustizzja.” (2 Timotju 4:7, 8) Bħal Pawlu, aħna wkoll irridu ‘ntemmu l-ġirja.’ Jekk jonqsilna s-sabar sempliċement għaliex it-tellieqa narawha xi ftit jew wisq itwal milli stennejna fil-bidu, se nonqsu li niksbu l-premju tagħna. (Lhud 11:6) Xi traġedja tkun din, speċjalment issa li tant qegħdin qrib it-tmiem!
Il-Premju
Ir-rebbieħa fil-kompetizzjonijiet atletiċi Griegi kienu jingħataw kuruni li normalment kienu magħmulin mill-weraq tas-siġar u mżejnin bil-fjuri. Fil-Logħob Pitjan, ir-rebbieħa kienu jirċievu kuruna tar-rand. Fil-Logħob Olimpiku kienu jieħdu kuruni tal-weraq taż-żebbuġ salvaġġ, filwaqt li fil-Logħob Istmiku kienu jingħataw kuruni magħmulin mill-weraq tas-siġar tal-prinjol. “Biex jagħmlu l-kuraġġ lill-kompetituri,” jinnota wieħed studjuż tal-Bibbja, “ġo l-istejdjum waqt il-kompetizzjoni kienu jpoġġu l-kuruni, il-premjijiet tar-rebħa, u l-weraq tal-palm f’post fejn kienu jistgħu jarawhom sew fuq artal, jew mejda bi tliet saqajn.” Għar-rebbieħ kien sinjal taʼ unur kbir li jilbes il-kuruna. Fi triqtu lura lejn id-dar, kien jidħol il-belt riekeb fuq karru b’mod trijonfanti.
B’dan f’moħħu, Pawlu staqsa lill-qarrejja Korintin: “Ma tafux li l-ġerrejja fl-istadju kollha jiġru, imma l-premju wieħed jirbħu? Iġru, mela, ħalli tirbħuh. . . . Dawn [jiġru] biex jirbħu kuruna midbiela, imma aħna, waħda li ma tidbielx.” (1 Korintin 9:24, 25; 1 Pietru 1:3, 4) X’kuntrast! Filwaqt li l-kuruni tal-logħob tal-qedem kienu jidbielu, il-premju li jistenna lil dawk li jiġru t-tellieqa għall-ħajja sat-tmiem qatt ma jispiċċa.
Dwar din il-kuruna ferm iżjed superjuri, l-appostlu Pietru kiteb: “Meta jidher ir-Ragħaj il-Kbir, tiksbu l-kuruna tal-glorja minsuġa minn ward li ma jidbielx.” (1 Pietru 5:4) Jistaʼ xi premju li toffri din id-dinja jħabbatha maʼ l-immortalità, il-premju taʼ ħajja bla taħsir fil-glorja tas-sema maʼ Kristu?
Illum, il-biċċa l-kbira mill-ġerrejja Kristjani m’humiex midlukin minn Alla biex ikunu l-ulied spiritwali tiegħu u m’għandhomx it-tama taʼ ħajja fis-sema. M’humiex jiġru għall-premju taʼ l-immortalità. Madankollu, Alla wkoll ipoġġi premju imprezzabbli quddiemhom, il-ħajja taʼ dejjem fil-perfezzjoni fuq l-art magħmula ġenna taħt is-Saltna tas-sema. Hu liema hu l-premju li l-ġerrej Kristjan qed jirsisti għalih, għandu jiġri b’determinazzjoni u b’ħeġġa akbar minn dawk taʼ kwalunkwe ġerrej f’kompetizzjoni atletika. Għala? Għax il-premju qatt ma se jispiċċa: “Din hi l-wegħda li hu nnifsu għamlilna: il-wegħda tal-ħajja taʼ dejjem.”—1 Ġwann 2:25.
Bi premju bla paragun bħal dan quddiemu, il-ġerrej Kristjan kif għandu jħares lejn dak li d-dinja qed toffri biex tħajru? Il-ħarsa tiegħu għandha tkun bħal dik taʼ Pawlu li qal: “Jiena ngħodd kollox bħala telf ħdejn il-qligħ kbir li hemm filli nagħraf lil Kristu Ġesù Sidi; minħabba fih ridt li nitlef kollox, u ngħodd kollox bħala knis.” Fi qbil maʼ dan, Pawlu ġera b’kemm kellu saħħa! “Ħuti, ma jidhirlix li dan ġa lħaqtu; imma ħaġa waħda ngħid: waqt li ninsa ’l taʼ warajja kollu, jiena nagħmel ħilti kollha biex nilħaq dak li hemm quddiemi; niġri ’l quddiem lejn it-tmiem, biex nikseb il-premju.” (Filippin 3:8, 13, 14) Pawlu ġera b’għajnejh fissi fuq il-premju. Hekk għandna nagħmlu aħna wkoll.
L-Aqwa Eżempju Għalina
Fil-logħob tal-qedem, iċ-champions kienu jgawdu ammirazzjoni kbira. Il-poeti kienu jiktbu dwarhom, u l-iskulturi kienu jagħmlu l-istatwi tagħhom. L-iskrittriċi taʼ l-istorja Věra Olivová tgħid li huma “kienu jgħumu fil-glorja u kienu popolari immens.” Kienu jservu wkoll bħala xempji għall-ġenerazzjoni futura taʼ champions.
Min hu ċ-“champion” li jservi bħala l-aqwa eżempju għall-Kristjani? Pawlu jwieġeb: “Ejjew . . . [bis-sabar] nibqgħu niġru t-triq tal-prova li għandna quddiemna; nżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù, li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna; hu li, [għall]-hena li kellu quddiemu, qagħad għas-salib bla xejn ma qies l-għajb tiegħu, u issa qiegħed fuq in-naħa tal-lemin tat-tron taʼ Alla.” (Lhud 12:1, 2) Iva, jekk irridu nkunu rebbieħa fit-tellieqa tagħna għall-ħajja taʼ dejjem, irridu nitfgħu l-attenzjoni fuq l-Eżemplar tagħna, Ġesù Kristu. Dan nistgħu nagħmluh billi naqraw regolarment ir-rakkonti taʼ l-Evanġelju u nimmeditaw fuq kif nistgħu nimitawh. Dan l-istudju se jgħinna napprezzaw li Ġesù Kristu kien ubbidjenti lejn Alla u wera xi kwalità taʼ fidi kellu permezz tas-sabar tiegħu. Bħala premju għas-sabar tiegħu, hu kiseb l-approvazzjoni t’Alla Jehovah flimkien maʼ ħafna privileġġi taʼ l-għaġeb.—Filippin 2:9-11.
M’għandniex xi ngħidu, l-iktar kwalità li tispikka f’Ġesù kienet l-imħabba tiegħu. “Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu.” (Ġwann 15:13) Hu ta tifsira iktar profonda lill-kelma “mħabba” billi qalilna biex inħobbu saħansitra lill-għedewwa tagħna. (Mattew 5:43-48) Għax kien iħobb lil Missieru tas-sema, Ġesù sab il-ferħ meta kien jagħmel ir-rieda taʼ Missieru. (Salm 40:9, 10; Proverbji 27:11) Ejja nħarsu lejn Ġesù bħala l-Eżemplar tagħna u bħala dak li jistabbilixxi r-ritmu li għandna naqbdu fit-tellieqa strapazzuża għall-ħajja. Dan iqanqalna wkoll biex inħobbu lil Alla u ’l-proxxmu tagħna u biex insibu ferħ ġenwin fis-servizz sagru li nagħtu. (Mattew 22:37-39; Ġwann 13:34; 1 Pietru 2:21) Żomm f’moħħok li Ġesù ma jitlobx l-impossibbli. Hu jiżgurana: “Jiena taʼ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif.”—Mattew 11:28-30.
Bħal Ġesù, irridu nżommu għajnejna fuq il-premju li hu merfugħ għal dawk kollha li jissaportu sat-tmiem. (Mattew 24:13) Jekk nimxu skond ir-regoli, jekk inwarrbu minna kull xkiel, u jekk niġru bis-sabar, nistgħu nkunu fiduċjużi mir-rebħa. Il-mira li tidher quddiemna tħeġġiġna biex nibqgħu nagħmlu ħilitna! Iġġeddilna saħħitna minħabba l-ferħ li timlina bih, ferħ li jagħmel it-triq li rridu ngħaddu minnha tidher eħfef.
[Stampa f’paġna 29]
It-tellieqa Kristjana hija waħda fit-tul u teħtieġ is-sabar
[Stampa f’paġna 30]
Kuntrarju għall-atleti inkurunati bil-weraq, il-Kristjani jistgħu jħarsu ’l quddiem lejn premju li ma jispiċċax
[Stampa f’paġna 31]
Il-premju jieħdu kulmin jissaporti sat-tmiem
[Sors tal-Istampa f’paġna 28]
Copyright British Museum