Imsaħħin Biex Ngħidu Le għall-Għemil Ħażin
“META kont għadni daqsxejn taʼ żagħżugħ u kont naħdem f’ħanut tal-merċa,” jispjega Timothy, “wieħed minn sħabi tax-xogħol stedinni mmur s’għandu. Qalli li l-ġenituri tiegħu kienu se joħorġu, li kien se jkun hemm it-tfajliet, u li kien se jkollna l-opportunità li jkollna x’naqsmu magħhom sesswalment.” Ħafna żgħażagħ illum kieku jaħtfuh fil-kelma. Imma x’kienet it-tweġiba taʼ Timothy? “Għedtlu dak il-ħin stess li ma kontx sejjer u li minħabba l-kuxjenza Kristjana tiegħi, ma ridtx li jkolli x’naqsam sesswalment maʼ persuna li ma kinitx marti.”
Waqt li kien qed jispjega għala rrifjuta, Timothy ma ndunax li kien hemm impjegata żagħżugħa li kienet qed tissemmaʼ kollox. L-innoċenza tiegħu affaxxinatha, u —malajr spiċċa jkollu jgħid le lilha wkoll—f’għadd taʼ okkażjonijiet, kif se naraw iktar ’il quddiem.
M’għandniex xi ngħidu, li jkollna nħabbtu wiċċna mat-tentazzjonijiet m’hijiex xi ħaġa taʼ żmienna biss. Xi 3,000 sena ilu, is-Sultan Salamun kiteb: “Ibni, jekk iħajjruk il-ħżiena, toqgħodx għalihom. . . . Warrab riġlejk minn mogħdijiethom.” (Proverbji 1:10, 15) Jehovah nnifsu kkmanda lill-ġens taʼ Iżrael: “La tmurx mal-kotra biex tagħmel id-deni.” (Eżodu 23:2) Iva, xi drabi rridu ngħidu le, u nirreżistu t-tentazzjoni li nagħmlu l-ħażin, saħansitra jekk ħadd ma jagħmel hekk.
Li Ngħidu Le Huwa Importanti b’Mod Speċjali Llum
Li ngħidu le għall-għemil ħażin qatt ma kien faċli, u llum jistaʼ jkun diffiċli b’mod speċjali, għaliex qegħdin ngħixu f’dak li l-Bibbja ssejjaħlu “l-aħħar” taʼ din is-sistema t’affarijiet. Eżatt bħalma tgħid il-profezija Biblika, in-nies in ġenerali saru jħobbu l-pjaċiri u l-vjolenza, u m’għad fadlilhom ebda traċċa taʼ spiritwalità u moralità. (2 Timotju 3:1-5) Il-president taʼ università Ġiżwita qal: “Kellna sett taʼ livelli tradizzjonali li ġew sfidati u nstab li m’humiex sodisfaċenti jew li m’għadhomx moda. Issa jidher li m’għadhom jeżistu ebda linji taʼ gwida morali.” Fuq nota simili, imħallef taʼ qorti superjuri qal: “M’għadhomx jeżistu l-abjad u l-iswed. Kollox qiegħed fit-triq tan-nofs. . . . Inqas nies jagħrfu d-differenza bejn it-tajjeb u l-ħażin. Id-dnub issa hu li tinqabad, mhux li tagħmel il-ħażin.”
L-appostlu Pawlu kiteb dwar nies li għandhom attitudnijiet bħal dawn: “Il-fehma tagħhom hi mdallma, maqtugħa mill-ħajja taʼ Alla minħabba l-injoranza li għandhom u l-ebusija taʼ qalbhom. Huma tilfu kull sentiment u ntelqu għal ħajja bla rażan, għal kull xorta taʼ żína bla xabaʼ.” (Efesin 4:18, 19) Imma lil dawn gwaj hemm jistenniehom. Isaija ddikjara: “Gwaj għal dawk li jsejjħu tajjeb il-ħażin, u ħażin it-tajjeb; u jibdlu d-dlam mad-dawl.” (Isaija 5:20) Dawn mhux biss qed jaħsdu issa dak li jiżirgħu imma dalwaqt se jesperjenzaw l-akbar “gwaj” tagħhom—ġudizzju mhux favorevoli minn Jehovah.—Galatin 6:7.
“Mqar jekk iħaddru bħall-ħaxix il-ħżiena, u jwarrdu dawk kollha li jagħmlu l-ħażen, lkoll għad jinqerdu għal dejjem,” jgħid Salm 92:8 [Salm 92:7, NW]. Fi kliem ieħor, din l-abbundanza taʼ ħażen m’hijiex se tibqaʼ sejra għal żmien bla limitu, u b’hekk tagħmel il-ħajja insopportabbli għal kulħadd. Fil-fatt, Ġesù qal li n-“nisel” li huwa responsabbli għal dan il-ħażen se jkun l-istess wieħed li Alla se jneħħi waqt “diqa [“tribulazzjoni,” NW] kbira.” (Mattew 24:3, 21, 34) Għalhekk, jekk irridu nsalvaw minn din it-tribulazzjoni, jeħtieġ li nagħrfu t-tajjeb mill-ħażin skond il-livelli t’Alla; u m’għandniex xi ngħidu, neħtieġu wkoll is-saħħa morali biex ngħidu le għall-għemil ħażin fil-forom kollha tiegħu. Għalkemm dan m’huwiex faċli, Jehovah forniena b’xi eżempji inkuraġġanti taʼ żminijiet Bibliċi u tal-lum.
Nitgħallmu minn Żagħżugħ li Qal Le
Li ngħidu le għaż-żína u l-adulterju jidher li hu diffiċli b’mod speċjali, saħansitra għal xi wħud fil-kongregazzjoni Kristjana. Timothy, li ssemma fil-paragrafu tal-ftuħ, ħa bis-serjetà l-eżempju taż-żagħżugħ Ġużeppi, li hu dokumentat fl-Iskrittura f’Ġenesi 39:1-12. Ġużeppi wera saħħa morali meta l-mara taʼ l-uffiċjal Eġizzjan Putifar stednitu għal darba wara l-oħra biex ikollu x’jaqsam magħha. Ir-rakkont jgħid li Ġużeppi “ma riedx, u qal . . . ‘Kif nistaʼ nagħmel dan il-ħażen hekk kbir u nidneb kontra Alla?’”
Ġużeppi kif kiseb is-saħħa morali biex jgħid le lill-mara taʼ Putifar jum wara l-ieħor? L-ewwelnett, hu kien jistma r-relazzjoni tiegħu maʼ Jehovah ferm iktar mill-pjaċiri tal-mument. Iktar minn hekk, għalkemm ma kienx jaqaʼ taħt kodiċi divina tal-liġi (minħabba li l-Liġi taʼ Mosè kienet għad trid tingħata), Ġużeppi kellu fehma ċara tal-prinċipji morali; kien jaf illi jekk jikkommetti ż-żína mal-mara infatwata taʼ Putifar kien se jidneb mhux biss kontra żewġha imma wkoll kontra Alla.—Ġenesi 39:8, 9.
Evidentement Ġużeppi fehem l-importanza li lanqas biss kellu jkebbes ix-xrara taʼ xewqa li setgħet tqabbad ħuġġieġa inkontrollabbli taʼ passjoni. Ikun għaqli għall-Kristjani li jimitaw l-eżempju taʼ Ġużeppi. Il-Watchtower taʼ l-1 taʼ Lulju, 1957, stqarr: “Irid jirrikonoxxi d-dgħjufijiet tal-ġisem tiegħu u ma jaħsibx li jistaʼ jibqaʼ jaġixxi skond ix-xewqat senswali tiegħu sal-limitu Skritturali u jieqaf hemm. Saħansitra jekk jirnexxilu jagħmel dan għal xi żmien, eventwalment se jinġarr lil hinn minn dak il-limitu u jidneb. Dan żgur li jiġri, għaliex xewqat qawwijin li jitħallew jiżviluppaw ikomplu jsiru iktar b’saħħithom u jkollhom ħakma iktar soda fuq dak li jkun. Imbagħad tkun iktar diffiċli għalih li jneħħihom minn moħħu. L-aħjar difiża hi li jirreżistihom mill-bidunett.”
Li nirreżistu mill-bidunett isir iktar faċli hekk kif niżviluppaw imħabba għal dak li hu tajjeb u mibegħda għal dak li hu ħażin. (Salm 37:27) Imma hemm bżonn li nibqgħu naħdmu fuq dan, li nkunu persistenti. Jekk nagħmlu hekk, bl-għajnuna taʼ Jehovah l-imħabba tagħna għat-tajjeb u l-istmerrija tagħna għall-ħażin se jsiru iktar qawwijin. M’għandniex xi ngħidu, sadanittant irridu nibqgħu għassa, bħalma tana d-direzzjoni Ġesù, u nitolbu l-ħin kollu biex niġu mħarsin mit-tentazzjoni u ninħelsu mill-wieħed mill-agħar.—Mattew 6:13; 1 Tessalonikin 5:17.
Ngħidu Le għall-Pressjoni minn Dawk taʼ Madwarna
Xi ħaġa oħra li tinfluwenzana biex nagħmlu l-ħażin hija l-pressjoni minn dawk taʼ madwarna. Waħda żagħżugħa ammettiet: “Jien qed ngħix ħajja doppja—waħda l-iskola u l-oħra d-dar. L-iskola nagħmilha maʼ żgħażagħ li jidgħu maʼ kull kelma li jgħidu. U jien qed insir bħalhom. X’għandi nagħmel?” Dak li hemm bżonn hu l-kuraġġ biex inkunu differenti, u mod wieħed biex inrabbu dan il-kuraġġ hu billi naqraw u nimmeditaw fuq rakkonti Bibliċi li jgħidulna dwar il-qaddejja leali t’Alla, bħal Ġużeppi. Eżempji mill-aħjar oħrajn huma Danjel, Sidrak, Mesak, u Għabednegu—erbat irġiel żgħażagħ li kellhom il-kuraġġ ikunu differenti minn sħabhom.
Waqt li kienu qegħdin jiġu edukati flimkien maʼ rġiel żgħażagħ oħrajn fil-palazz irjali taʼ Babilonja, dawn l-erbaʼ żgħażagħ Iżraeliti ġew ordnati biex “taʼ kuljum jibda jingħatalhom sehem mill-ikel tas-sultan.” Billi ma ridux jiksru l-aspetti tal-Liġi taʼ Mosè li kellhom x’jaqsmu maʼ l-ikel li setgħu jieklu, huma rrifjutawh dan l-ikel. Dan kien jirrikjedi rieda qawwija—iktar u iktar minħabba li dawn l-ikliet, peress li kienu “ikel tas-sultan,” probabbilment kienu pjuttost taʼ tentazzjoni għalihom. X’eżempju mill-aħjar stabbilew dawn iż-żgħażagħ għall-Kristjani llum li għandhom mnejn jiġu ttantati, saħansitra mpoġġijin taħt pressjoni, biex jixorbu ammont eċċessiv t’alkoħol jew biex jieħdu d-drogi u jużaw it-tabakk!—Danjel 1:3-17.
Sidrak, Mesak, u Għabednegu wrew ukoll kemm hu veru dak li qal Ġesù Kristu iktar tard: “Min hu fidil f’ħaġa tassew żgħira, hu fidil ukoll fil-ħafna.” (Luqa 16:10) Il-waqfa kuraġġuża tagħhom rigward il-kwistjoni taʼ l-ikel li, meta toqgħod tqis, hija pjuttost kwistjoni żgħira, kif ukoll ir-riżultat mill-aħjar li Jehovah ta, bla dubju saħħewhom għal prova oħra iktar serja li kellhom jiffaċċjaw iktar tard. (Danjel 1:18-20) Din il-prova ġiet meta kienu kmandati, taħt il-piena tal-mewt bin-nar, biex jieħdu sehem fl-idolatrija. B’kuraġġ, it-tlett irġiel żgħażagħ baqgħu determinati li jqimu biss lil Jehovah, billi fdaw għalkollox fih ikun xi jkun ir-riżultat. Għal darb’oħra Jehovah berikhom għall-fidi u l-kuraġġ li wrew—din id-darba billi pproteġiehom mirakolożament mill-fjammi meta ntefgħu ġo forn li kien ġie msaħħan ferm iktar min-normal.—Danjel 3:1-23, 91-97 [Danjel 3:1-30, NW].
Il-Kelma t’Alla fiha ħafna iktar eżempji taʼ wħud li qalu le għall-għemil ħażin. Mosè qal le għal li “jissejjaħ bin it-tifla tal-Fargħun,” avolja dan kieku kien se jagħtih opportunità kemm irid biex “[i]gawdi l-hena tad-dnub, hena li jgħaddi f’qasir żmien,” fl-Eġittu. (Lhud 11:24-26) Il-profeta Samwel irrifjuta li jaċċetta t-tixħim, u b’hekk jabbuża mill-awtorità li kellu. (1 Samwel 12:3, 4) L-appostli taʼ Ġesù bil-qlubija wieġbu le meta ġew kmandati jieqfu jippridkaw. (Atti 5:27-29) Ġesù nnifsu kien sod f’li jgħid le għal kull xorta taʼ għemil ħażin—sewwa sew sa l-aħħar mumenti taʼ ħajtu meta s-suldati offrewlu “inbid imħallat bil-mirra.” Kieku aċċettah, dan għandu mnejn kien idgħajjiflu d-determinazzjoni tiegħu f’dak il-mument kritiku.—Mark 15:23; Mattew 4:1-10.
Li Ngħidu Le—Kwistjoni taʼ Ħajja jew Mewt
Ġesù qal: “Għaddu mill-bieb id-dejjaq. Għax wiesaʼ l-bieb u spazjuża t-triq li tieħu għat-telfien, u ħafna huma li jgħaddu minnha. Imma kemm huwa dejjaq il-bieb u dejqa t-triq li tieħu għall-ħajja, u ftit huma li jsibuha!”—Mattew 7:13, 14.
It-triq il-wiesgħa hija popolari għaliex huwa faċli li tgħaddi minnha. Dawk li jgħaddu minnha huma nies li jħobbu jpaxxu lilhom infushom, mogħtijin għal ħsibijiet u attitudnijiet karnali, u jridu, mhux li jkunu differenti, imma li jikkonformaw mad-dinja taʼ Satana. Il-liġijiet u l-prinċipji t’Alla jġagħluhom iħossuhom donnhom f’gaġġa moralment. (Efesin 4:17-19) Madankollu, Ġesù qal speċifikament li t-triq il-wiesgħa twassal “għat-telfien.”
Imma Ġesù għala qal li ftit biss jagħżlu t-triq id-dejqa? Primarjament għaliex huma biss minoranza dawk li jridu l-liġijiet u l-prinċipji t’Alla jiggvernawlhom ħajjithom u jgħinuhom jirreżistu l-ħafna tħajjir u opportunitajiet li hemm madwarhom biex jagħmlu l-ħażen. Iktar minn hekk, meta toqgħod tqis, ftit biss huma dawk li huma preparati biex jiġġieldu x-xewqat mhux xierqa, il-pressjoni minn taʼ madwarhom, u l-biżaʼ mit-twaqqigħ għaċ-ċajt li jistgħu jesperjenzaw minħabba t-triq li għażlu li jimxu fiha.—1 Pietru 3:16; 4:4.
Dawn l-uħud jifhmu għalkollox kif ħassu l-appostlu Pawlu meta ddeskriva l-ġlieda li kellu f’li jgħid le għad-dnub. L-istess bħad-dinja tal-lum, id-dinja Rumana u dik Griega fi żmien Pawlu kienu jipprovdu opportunitajiet kemm trid biex wieħed jagħmel il-ħażen. Pawlu spjega li moħħu, li kien jaf x’inhu tajjeb, kellu ‘taqbida’ kontinwa maʼ ġismu, li kien ixaqleb lejn l-għemil ħażin. (Rumani 7:21-24) Iva, Pawlu kien jaf li ġismu kien qaddej tajjeb imma sid ħażin, u allura tgħallem jgħidlu le. “Ngħakkes bl-aħrax lil ġismi u njassru,” kiteb hu. (1 Korintin 9:27) Kif irnexxielu jaħkmu? Mhux bis-saħħa tiegħu stess, li ma kinitx biżżejjed biex twettaq dan, imma bl-għajnuna taʼ l-ispirtu t’Alla.—Rumani 8:9-11.
Bħala riżultat, Pawlu, għalkemm kien imperfett, żamm l-integrità tiegħu lejn Jehovah sa l-aħħar nifs taʼ ħajtu. Mhux wisq qabel mewtu, hu setaʼ jikteb: “Tqabadt it-taqbida t-tajba, temmejt il-ġirja, ħarist il-fidi. Mill-bqija hemm merfugħa għalija l-kuruna tal-ġustizzja.”—2 Timotju 4:7, 8.
Hekk kif nitqabdu kontra l-imperfezzjonijiet tagħna, kemm għandna eżempji inkuraġġanti, mhux minn Pawlu biss, imma anki minn dawk li servew taʼ eżempji għalih—Ġużeppi, Mosè, Danjel, Sidrak, Mesak, Għabednegu, u ħafna oħrajn. Għalkemm kienu bnedmin imperfetti, kull wieħed minn dawn l-irġiel taʼ fidi qal le għall-għemil ħażin, mhux għaliex kien stinat jew rasu iebsa, imma minħabba s-saħħa morali li tah l-ispirtu t’Alla. (Galatin 5:22, 23) Dawn kienu rġiel spiritwali. Kienu jixxennqu għal kull ħaġa li kienet titlissen minn fomm Jehovah. (Dewteronomju 8:3) Il-kelma tiegħu kienet tfisser ħajja għalihom. (Dewteronomju 32:47) Fuq kollox, kienu jħobbu lil Jehovah u kellhom il-biżaʼ tiegħu, u permezz taʼ l-għajnuna li tahom, huma bil-paċenzja kkultivaw mibegħda għall-għemil ħażin.—Salm 97:10; Proverbji 1:7.
Jalla nkunu bħalhom. Tabilħaqq, biex nibqgħu ngħidu le għall-għemil ħażin fil-forom kollha tiegħu, għandna bżonn l-ispirtu taʼ Jehovah daqs kemm kellhom bżonnu huma. Jehovah b’mod ġeneruż jagħtina l-ispirtu tiegħu jekk aħna nitolbu għalih bis-sinċerità, nistudjaw il-Kelma tiegħu, u nattendu regolarment għal-laqgħat Kristjani.—Salm 119:105; Luqa 11:13; Lhud 10:24, 25.
Timothy, li ssemma fil-bidu, kien ferħan li ma ttraskurax il-bżonnijiet spiritwali tiegħu. L-impjegata żagħżugħa li semgħet il-konversazzjoni li kellu maʼ sieħbu tax-xogħol u b’mod żbaljat ħassitha miġbuda lejn l-innoċenza taʼ Timothy, iktar tard stiednet baxx baxx lil Timothy biex imur għandha meta żewġha ma kienx se jkun id-dar. Timothy m’aċċettax. Hi ma qatgħetx qalbha malajr, u bħall-mara taʼ Putifar, reġgħet stednitu diversi drabi oħra. Timothy, b’mod sod imma ġentili, qalilha le kull darba. Hu saħansitra taha xiehda mill-aħjar mill-Kelma t’Alla lil din il-mara. Filwaqt li jħossu grat ferm lejn Jehovah talli tah is-saħħa morali biex jgħid le, Timothy issa żżewweġ mara mill-aħjar li hi Kristjana bħalu, u għandu żwieġ hieni. Tabilħaqq, Jehovah jbierek u jsaħħaħ lil dawk kollha li jridu jżommu l-integrità Kristjana tagħhom billi jgħidu le għall-għemil ħażin.—Salm 1:1-3.