Il-Bibbja Twieġeb Mistoqsijiet Vitali taʼ Żmienna
HIJA l-Bibbja rilevanti llum? Biex it-tweġiba tkun iva, żgur li dan il-ktieb antik irid joffri gwida lill-qarrejja tiegħu fuq suġġetti taʼ interess kurrenti u li huma prattiċi. Tipprovdi l-Bibbja pariri taʼ benefiċċju fuq suġġetti li huma tassew importanti fid-dinja tal-lum?
Ejja nagħtu ħarsa lejn żewġ kwistjonijiet kurrenti, u b’hekk neżaminaw x’tgħid il-Bibbja dwarhom.
Alla Għala Jippermetti s-Sofferenza?
Minħabba l-kundizzjonijiet li jeżistu fid-dinja llum, waħda mill-iktar mistoqsijiet komuni li jistaqsu n-nies hi: Alla għala jippermetti li nies innoċenti jsofru? Din il-mistoqsija hija ġustifikata, ladarba iktar u iktar nies qed jiġu effettwati minn kriminalità vjolenti, korruzzjoni, ġenoċidji, traġedji persunali, u affarijiet oħra.
Per eżempju, f’Ġunju taʼ l-1998, ferrovija taʼ veloċità kbira kkraxxjat għal ġo pont fit-tramuntana tal-Ġermanja, u qatlet iktar minn mitt passiġġier. Saħansitra t-tobba u l-pompieri esperti li ħadu ħsieb il-feruti u dawk mejtin baqgħu skurmentati mill-massakru li kien seħħ. Isqof tal-Knisja Evanġelika staqsa: “Alla tal-ħniena, għala kellu jiġri dan?” Lanqas l-isqof innifsu ma kellu l-ħila jwieġeb.
L-esperjenza turi li meta nies innoċenti jsofru mingħajr spjegazzjoni taʼ xejn dwar il-kaġun tas-sofferenzi tagħhom, dawn xi drabi jsiru ostili. Huwa hawnhekk li l-Bibbja tistaʼ tkun t’għajnuna, għax tispjega għala nies innoċenti jiġu suġġettati għall-ħażen u s-sofferenza.
Meta Alla Jehovah ħalaq l-art u kulma hemm fiha, hu ma kellux l-intenzjoni li l-ispeċi umana tgħix fit-tbatija minħabba l-ħażen u s-sofferenza. Kif nistgħu nkunu ċerti? Għax meta spiċċa l-ħolqien tiegħu, “Ħares Alla lejn kull ma kien għamel, u, ara, kollox kien tajjeb ħafna.” (Ġenesi 1:31) Staqsi lilek innifsek, ‘Kieku jkolli nara xi ħaġa ħażina, kont inkun nistaʼ ngħid li hi tajba ħafna?’ Żgur li le! Bl-istess mod, meta Alla qal li kollox kien “tajjeb ħafna,” ma kien hemm ebda traċċa taʼ ħażen fuq l-art. Mela, meta u kif beda l-ħażen?
Ftit wara l-ħolqien taʼ l-ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva, ħliqa spirtu potenti avviċina lill-mara u sfida l-verità taʼ Jehovah u l-jedd tas-sovranità tiegħu. (Ġenesi 3:1-5) Din il-ħliqa kien Satana x-Xitan. Dan, iktar tard, allega li l-bnedmin ma jibqgħux leali lejn Alla meta jkollhom il-gwaj. (Ġob 2:1-5) Jehovah kif irreaġixxa għal din is-sitwazzjoni? Hu ħalla ż-żmien jgħaddi sabiex isir evidenti l-fatt li mingħajr Alla l-bnedmin ma jistax ikollhom suċċess f’li jidderieġu l-passi tagħhom. (Ġeremija 10:23) Meta l-ħlejjaq imorru kontra l-liġijiet u l-prinċipji t’Alla, ir-riżultat ikun id-dnub, u dan iġib kundizzjonijiet taʼ ħsara. (Koħèlet 8:9; 1 Ġwann 3:4) Madankollu, minkejja dawn iċ-ċirkustanzi ostili, Jehovah kien jaf li xi bnedmin kienu se jżommu l-integrità tagħhom lejh.
Għaddew madwar 6,000 sena mindu sar dak l-irvell serju ġewwa Għeden. Huwa dan żmien twil ħafna? Jehovah setaʼ qered lil Satana u lil dawk li jappoġġawh sekli ilu. Imma ma kienx aħjar li Jehovah stenna sakemm jinġieb fix-xejn kull dubju immaġinabbli dwar id-dritt tas-sovranità tiegħu u l-integrità tal-bnedmin lejh? Mhux veru li fis-sistemi ġudizzjali tal-lum, kawża fil-qorti tistaʼ ddum snin sħaħ biex jiġi provat min għandu raġun u min għandu tort?
Meta nqisu l-importanza tal-kwistjonijiet li jirrigwardaw lil Jehovah u lill-umanità—is-sovranità universali u l-integrità tal-bnedmin—kemm kien għaqli Alla li ħalla dan iż-żmien kollu jgħaddi! Issa qed naraw biċ-ċar x’jiġri meta l-bnedmin jinjoraw il-liġijiet t’Alla u jmexxu l-affarijiet kif jafu huma. Ir-riżultat hu ħażen maʼ kullimkien. U din hi r-raġuni għala tant nies innoċenti qed isofru llum.
Iżda, kemm aħna grati li l-Kelma t’Alla tindika li l-ħażen mhux se jibqaʼ għal dejjem. Fil-fatt, Jehovah dalwaqt se jtemm kemm il-ħażen u kemm lil dawk li qed jikkaġunawh. “Il-ħżiena,” jgħid Proverbji 2:22, “mill-art jitqaċċtu, u l-qarrieqa jinqalgħu minnha.” Mill-banda l-oħra, dawk leali lejn Alla jistgħu jħarsu ’l quddiem għaż-żmien, li issa jinsab fil-qrib, meta “ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed.”—Apokalissi 21:4.
Mela, allura, il-Bibbja tispjega b’mod ċar għala l-innoċenti jsofru. Din tassigurana wkoll li l-ħażen u s-sofferenza dalwaqt se jispiċċaw. Madankollu, hekk kif nesperjenzaw it-tbatijiet li fil-preżent ikollna fil-ħajja, għandna bżonn it-tweġiba għal mistoqsija vitali oħra.
X’Inhu l-Iskop tal-Ħajja?
Forsi issa iktar minn qatt qabel fl-istorja tal-bniedem, in-nies qed jipprovaw jifhmu x’hemm fil-ħajja. Ħafna jistaqsu lilhom infushom, ‘Għala qed ngħix? Ħajti kif jistaʼ jkollha sinjifikat?’ Diversi ċirkustanzi jqanqluhom biex iqajmu dawn il-mistoqsijiet.
Il-ħajja taʼ individwu tistaʼ titfarrak minħabba xi traġedja persunali. Per eżempju, kmieni fl-1998, ġiet maħtufa tifla taʼ 12-il sena li kienet tgħix fil-Bavarja, il-Ġermanja, u wara din ġiet maqtula. Sena wara, ommha ammettiet li hi kuljum tipprova tfittex għal skop fil-ħajja—imma kollu għal xejn. Xi żgħażagħ jaslu fi stat li ma jkunux jafu x’inhu s-sinjifikat tal-ħajja. Huma jfittxu sigurtà, sodisfazzjon, u għożża, biex imbagħad jispiċċaw jiddispraw minħabba l-ipokresija u l-korruzzjoni li jinsabu maʼ kullimkien. Individwi oħrajn jiċċentraw ħajjithom madwar xi karriera, imma jiskopru li l-poter, il-prestiġju, u l-ġid materjali ma jissodisfawx dik ix-xenqa li jkollhom biex isibu r-raġuni għala jeżistu.
Ikun xi jkun dak li qanqal lil persuna tistaqsi dwar l-iskop tal-ħajja, il-mistoqsija tagħha jistħoqqilha tweġiba serja u sodisfaċenti. Għal darb’oħra, il-Bibbja tistaʼ tkun taʼ benefiċċju kbir. Din tidentifika lil Jehovah bħala Alla taʼ skop, dak li għandu raġunijiet sodi għal kull ħaġa li jagħmel. Aħna nistaqsu, Kieku int taqbad u tibni dar mingħajr ma taf ir-raġuni għala se tibniha? Żgur li le, ladarba biex tibni dar jirrikjedi investiment kbir taʼ flus u xhur jew snin sħaħ biex tibniha. Din tibniha sabiex int jew xi ħadd ieħor ikun jistaʼ jgħix fiha. L-istess loġika tistaʼ tiġi applikata f’konnessjoni maʼ Jehovah. Hu ma ħax dik il-biċċa xogħol kollha biex joħloq l-art u l-affarijiet ħajjin li hawn fuqha mingħajr ma kellu xi raġuni, skop. (Qabbel Lhud 3:4.) X’inhu l-iskop tiegħu għall-art?
Il-profezija taʼ Isaija tidentifika lil Jehovah bħala “li hu tassew Alla, li sawwar l-art, [li] għamilha.” Tabilħaqq, hu Dak li “wettaqha [l-art], ma ħalaqhiex għall-baħħ, sawwarha biex jgħammru fiha.” (Isaija 45:18) Iva, mindu nħolqot l-art, l-iskop taʼ Jehovah kien li din tiġi abitata. Salm 115:16 jgħid: “Is-smewwiet huma s-smewwiet tal-Mulej; imma l-art hu taha lill-bnedmin.” B’hekk, il-Bibbja turi li Jehovah ħalaq l-art biex tiġi abitata minn bnedmin ubbidjenti, li jieħdu ħsiebha.—Ġenesi 1:27, 28.
L-irvell taʼ Adam u Eva biddluh l-iskop taʼ Jehovah? Le. Kif nistgħu nkunu daqshekk ċerti? Sewwa, ikkunsidra dan il-punt: Il-Bibbja nkitbet eluf taʼ snin wara li sar l-irvell ġewwa Għeden. Li kieku Alla abbanduna l-iskop oriġinali tiegħu, dan għala ma jissemmiex fil-Bibbja? Il-konklużjoni ovvja hi li l-iskop tiegħu għall-art u għall-umanità baqaʼ ma nbidilx.
Iktar minn hekk, l-iskop taʼ Jehovah qatt ma jfalli. Permezz taʼ Isaija, Alla jipprovdi din l-assiguranza: “Bħalma x-xita u s-silġ jinżlu mis-smewwiet, u ma jerġgħux lura mnejn ġew bla ma jsaqqu l-art, imma jġagħluha tnissel u tnibbet, u tagħti ż-żerriegħa ’l min jiżraʼ u l-ħobż ’il min jiekol, hekk jiġri minn kelmti: hija toħroġ minn fommi, u ma terġax lura vojta, imma tagħmel dak li jogħġob lili, u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel.”—Isaija 55:10, 11.
Dak li Alla Jistenna Minna
Mela jidher ċar li aħna jistaʼ jkollna fiduċja fit-twettiq taʼ l-iskop t’Alla biex hu jkollu l-art abitata għal dejjem minn bnedmin ubbidjenti. Jekk nixtiequ nkunu fost dawk privileġġati li jgħixu għal dejjem fuq l-art, irridu nagħmlu dak li qal is-Sultan għaref Salamun: “Ibżaʼ minn Alla, u ħares il-kmandamenti tiegħu: għax dan hu d-dmir taʼ kull bniedem.”—Ekkleżjażti 12:13, Karm Żammit; Ġwann 17:3.
Li wieħed jgħix fi qbil maʼ l-iskop taʼ Jehovah għall-umanità jfisser li jsir jaf lil dak Alla veru u jgħix fi qbil mal-ħtiġijiet tiegħu kif preżentati fl-Iskrittura Mqaddsa. Jekk nagħmlu dan issa, se nkunu nistgħu nħaddnu t-tama taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-art magħmula ġenna, li fiha qatt ma se nieqfu nitgħallmu affarijiet ġodda dwar Alla u dwar il-ħolqien meraviljuż tiegħu. (Luqa 23:43) Xi prospett kommoventi!
Ħafna li qed ifittxu skop fil-ħajja qegħdin iduru lejn il-Bibbja u jsibu ferħ kbir issa stess. Per eżempju, wieħed żagħżugħ jismu Alfred ma setaʼ jsib l-ebda sinjifikat f’ħajtu. Kien diżgustat bl-indħil tar-reliġjon fil-gwerer, u kien skurmentat bl-ipokresija u l-korruzzjoni fil-politika. Alfred mar iżur l-Indjani taʼ l-Amerka taʼ Fuq bit-tama li jikseb xi tidwil dwar l-iskop tal-ħajja, imma rritorna lejn l-Ewropa diżappuntat. Iddisprat, beda jagħtiha għad-drogi u għall-mużika sfrenata. Madankollu, meta iktar tard Alfred beda jeżamina l-Bibbja regolarment u bir-reqqa, dan għenu jirrikonoxxi l-veru skop tal-ħajja u jsib il-ferħ.
Dawl taʼ Min Jorbot Fuqu għall-Mogħdija Tagħna
Mela, x’nistgħu nikkonkludu dwar il-Bibbja? Hija din rilevanti llum? Tabilħaqq li hi għaliex toffri gwida fuq kwistjonijiet kurrenti. Il-Bibbja tispjega li l-ħażen m’huwiex ġej minn Alla u tgħinna nsibu skop sodisfaċenti fil-ħajja. Barra minn hekk, il-Bibbja għandha ħafna xi tgħid fuq kwistjonijiet oħrajn li huma taʼ interess kbir illum. Suġġetti bħalma huma ż-żwieġ, it-trobbija tat-tfal, ir-relazzjonijiet umani, u t-tama għall-mejtin huma kollha diskussi fil-Kelma t’Alla.
Jekk għadek m’għamiltx dan, jekk jogħġbok eżamina mill-qrib il-kontenut tal-Bibbja. Malli tiskopri x’valur veru għandhom il-linji taʼ gwida tagħha għall-ħajja, int tistaʼ tassew tħossok bħas-salmista li kien idur lejn Alla Jehovah għall-gwida u jgħanni: “Fanal għal riġlejja l-kelma tiegħek, u dawl fil-mogħdija tiegħi.”—Salm 119:105.
[Stampa f’paġna 6]
Taf għala Alla jippermetti li l-innoċenti jsofru?
[Stampa f’paġna 7]
Int tistaʼ tgawdi ħajja mimlija skop