‘Jehovah Jagħti l-Għerf’
FUQ liema miri tqattaʼ l-ħin u tuża l-enerġija tiegħek? Li jkollok reputazzjoni tajba hija xi ħaġa importanti għalik? Moħħok int f’li ssir sinjur? Xi ngħidu dwar li taqbad xi professjoni partikulari jew li tispeċjalizza f’xi wieħed jew iktar mill-oqsma tat-tagħlim? Li jkollok relazzjonijiet tajba m’oħrajn huwa importanti għalik? Li tibqaʼ f’saħħtek huwa l-interess primarju tiegħek?
Dawn l-affarijiet li semmejna, kollha għandhom mnejn jidhru li huma taʼ xi valur. Imma liema ħaġa għandha l-akbar importanza? Il-Bibbja twieġeb: “L-aqwa ħaġa, li tikseb l-għerf.” (Proverbji 4:7) Mela, kif nistgħu niksbuh l-għerf, u x’benefiċċji nistgħu nieħdu minnu? It-tieni kapitlu tal-ktieb Bibliku taʼ Proverbji jipprovdi t-tweġibiet.
‘Agħti Widen għall-Għerf’
Bi kliem taʼ missier kollu mħabba, l-għaref Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-qedem jgħid: “Ibni, jekk int tilqaʼ kliemi, u taħżen ġo fik il-kmandamenti tiegħi billi tagħti widen għall-għerf, u [“tmejjel lil qalbek lejn id-dixxerniment,” “NW”] . . . ; jekk issejjaħ [“għall-fehma,” “NW”] . . . , u tgħolli leħnek [“għad-dixxerniment,” “NW”] . . . ; jekk tfittex l-għerf bħall-fidda, u tħaffer għalih bħal teżor moħbi; mbagħad tifhem il-biżaʼ tal-Mulej, u ssib it-tagħrif taʼ Alla.”—Proverbji 2:1-5.
Tistaʼ tara taʼ min hi r-responsabbiltà li wieħed jakkwista l-għerf? F’dawn il-versi, il-kelma “jekk”, li qegħda għall-espressjoni “jekk int”, tidher tliet darbiet. B’hekk, jidher ċar li huwa f’idejn kull wieħed u waħda minna biex infittxu l-għerf u l-assistenti indispensabbli tiegħu—id-dixxerniment u l-fehma. L-ewwel, iżda, għandna bżonn ‘nilqgħu’ u ‘naħżnu’ f’moħħna l-kliem taʼ għerf dokumentat fl-Iskrittura. Biex nagħmlu dan irridu nistudjaw il-Bibbja.
L-għerf huwa l-abbiltà li tagħmel użu xieraq mit-tagħrif mogħti minn Alla. U kemm hu sabiħ il-mod kif il-Bibbja tagħmel l-għerf disponibbli! Iva, fiha nsibu kliem taʼ għerf, bħal dak dokumentat fil-kotba taʼ Proverbji u Koħèlet, kliem li aħna għandna bżonn nagħtuh l-attenzjoni tagħna. Fil-paġni tal-Bibbja, insibu wkoll ħafna eżempji li juru l-benefiċċji taʼ li napplikaw il-prinċipji t’Alla u l-perikli taʼ li wieħed jinjorahom. (Rumani 15:4; 1 Korintin 10:11) Per eżempju, ikkunsidra r-rakkont tax-xħiħ Geħażi, il-qaddej tal-profeta Eliżew. (2 Slaten 5:20-27) Ma jgħallimniex dan l-għerf taʼ li ma nkunux xħaħ? U xi ngħidu dwar il-konsegwenzi traġiċi taż-żjajjar li għamlet Dina, bint Ġakobb, lil “bniet taʼ l-art” taʼ Kangħan, żjajjar li ma kien jidher li hemm xejn ħażin fihom? (Ġenesi 34:1-31) Ma nagħrfux aħna biċ-ċar il-bluha taʼ sħubija ħażina?—Proverbji 13:20; 1 Korintin 15:33.
Li wieħed jagħti widen għall-għerf ifisser li niksbu d-dixxerniment u l-fehma. Skond Webster’s Revised Unabridged Dictionary, id-dixxerniment huwa “l-qawwa jew il-fakultà tal-moħħ li biha dan jiddistingwi ħaġa minn oħra.” Id-dixxerniment imsejjes fuq il-prinċipji u l-liġijiet t’Alla huwa l-abbiltà li tiddistingwi t-tajjeb mill-ħażin u li mbagħad tagħżel il-korsa ġusta. Kif nistgħu nibqgħu fit-“triq li tieħu għall-ħajja,” jekk aħna ma ‘ninklinawx lil qalbna’ għad-dixxerniment jew jekk m’aħniex ħerqanin biex nakkwistawh? (Mattew 7:14; qabbel Dewteronomju 30:19, 20.) Id-dixxerniment jiġi bl-istudju u bl-applikazzjoni tal-Kelma t’Alla.
Kif nistgħu aħna ‘nsejħu għall-fehma’—l-abbiltà li tara kif l-aspetti taʼ suġġett huma relatati wieħed maʼ l-ieħor u mas-suġġett kollu? L-età u l-esperjenza, bla dubju, huma fatturi li jistgħu jgħinuna niżviluppaw fehma aħjar—imma mhux bilfors. (Ġob 12:12; 32:6-12) “Aktar mix-xjuħ jien [‘nifhem,’ NW],” qal is-salmista, “għax inħares il-preċetti [taʼ Jehovah].” Hu kanta wkoll: “It-tifsir taʼ kelmtek jagħti d-dawl, ifiehem lil min ma jafx.” (Salm 119:100, 130) Jehovah hu x-“Xiħ fl-għomor,” u għandu fehma superjuri b’mod infinit għal dik taʼ l-umanità kollha. (Danjel 7:13) Alla jistaʼ jagħti fehma lil wieħed bla esperjenza, u jgħinu jispikka f’din il-kwalità saħansitra iktar minn dawk taʼ età akbar. B’hekk, għandna nkunu diliġenti f’li nistudjaw u napplikaw il-Kelma t’Alla, il-Bibbja.
Wara l-frażi ripetuta ‘jekk int’ fil-ftuħ tat-tieni kapitlu taʼ Proverbji, niltaqgħu maʼ espressjonijiet bħal “tilqaʼ”, “taħżen”, “issejjaħ”, “tfittex”, u “tħaffer”. Il-kittieb għala juża espressjonijiet bħal dawn taʼ intensità li dejjem tikber? Xogħol taʼ referenza wieħed jgħid: “L-għaref [hawn] qed jenfasizza s-serjetà fl-istinkar tagħna biex nakkwistaw l-għerf.” Iva, aħna għandna nistinkaw bis-serjetà kollha għall-għerf u l-kwalitajiet relatati miegħu—id-dixxerniment u l-fehma.
Se Tagħmel Sforz?
Fattur importanti ferm fl-istinkar tagħna għall-għerf huwa l-istudju diliġenti tal-Bibbja. Dan l-istudju, iżda, m’għandux ikun biss sempliċi qari biex tieħu xi informazzjoni. Meditazzjoni bi skop fuq dak li nkunu qed naqraw hija parti essenzjali mill-istudju taʼ l-Iskrittura. Li nakkwistaw l-għerf u d-dixxerniment jinvolvi li naħsbu fuq kif aħna nistgħu nużaw dak li qed nitgħallmu biex insolvu problemi u nagħmlu deċiżjonijiet. Li nakkwistaw fehma jfisser ukoll li nimmeditaw kif il-materjal il-ġdid jamalgama maʼ dak li diġà nafu. Min sejjer jiċħad il-fatt li studju riflessiv bħal dan tal-Bibbja jirrikjedi ħin u sforz enerġetiku? L-ammont taʼ ħin u enerġija li tinvesti huwa simili għal dak użat meta ‘tfittex għall-fidda, u tħaffer għal teżor moħbi.’ Se tagħmel int l-isforz meħtieġ? Sejjer int ‘tirbaħ ż-żmien’ sabiex tagħmel hekk?—Efesin 5:15, 16, Saydon.
Ikkunsidra x’teżori kbar hemm jistennewna jekk aħna b’qalb onesta nħaffru fil-fond fil-Bibbja. Iva, se nsibu “t-tagħrif taʼ Alla”—it-tagħrif li jagħti l-ħajja u taʼ min joqgħod fuqu dwar il-Ħallieq tagħna! (Ġwann 17:3) “Il-biżaʼ tal-Mulej” huwa teżor ieħor li tistaʼ takkwista. Kemm huwa prezzjuż li jkollna biżaʼ riverenzjali bħal dan! Il-biżaʼ bnin li ma nogħġbuhx għandu jiddomina kull aspett tal-ħajja tagħna, billi jżid sinjifikat spiritwali għal kull ħaġa li nagħmlu.—Koħèlet 12:13.
Xewqa ħerqana biex infittxu u nħaffru għal teżori spiritwali għandha tkun tħeġġeġ ġewwa fina. Biex it-tfittix tagħna jsir iktar faċli, Jehovah pprovda għodod taʼ tħaffir eċċellenti—ir-rivisti f’waqthom taʼ veritajiet, It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ!, kif ukoll pubblikazzjonijiet oħrajn li huma bbażati fuq il-Bibbja. (Mattew 24:45-47) Għall-edukazzjoni tagħna fil-Kelma u l-modi tiegħu, Jehovah pprovda wkoll il-laqgħat Kristjani. Għandna bżonn nattendu għal dawn b’mod regulari u nagħtu widen għal dak li jintqal. Jeħtieġ ukoll li nagħmlu sforz sħiħ biex nikkonċentraw fuq u naħżnu bħal teżor ħsibijiet fundamentali, u naħsbu profondament dwar ir-relazzjoni tagħna maʼ Jehovah.—Lhud 10:24, 25.
M’Intix se Tfalli
Taʼ spiss, it-tfittxija għal ħaġar prezzjuż, deheb, jew fidda moħbijin ma tagħti l-ebda frott. Dan m’għandux ikun il-każ fit-tfittxija għal teżori spiritwali. Għala le? “Għax il-Mulej jagħti l-għerf,” jassigurana Salamun, “minn fommu ġej it-tagħrif u [“d-dixxerniment,” “NW”].”—Proverbji 2:6.
Is-Sultan Salamun kien magħruf għall-għerf li kellu. (1 Slaten 5:10-12 [1 Slaten 4:30-32, NW]) L-Iskrittura tirrivelalna li hu kellu tagħrif fuq varjetà taʼ suġġetti, inkluż il-pjanti, l-annimali, in-natural tal-bniedem, u l-Kelma t’Alla. Id-dixxerniment li wera bħala sultan żagħżugħ f’li jsolvi l-kwistjoni bejn żewġ nisa, li t-tnejn li huma qalu li kienu omm l-istess tifel, għen biex iwasslu għal fama internazzjonali. (1 Slaten 3:16-28) X’kien is-sors tat-tagħlim kbir tiegħu? Salamun talab lil Jehovah għall-“għerf u [“t-tagħrif,” NW]” u l-abbiltà li “jagħraf it-tajjeb mill-ħażin.” Jehovah dawn tahomlu.—2 Kronaki 1:10-12; 1 Slaten 3:9.
Aħna wkoll għandna nitolbu għall-għajnuna taʼ Jehovah hekk kif nistudjaw b’mod diliġenti l-Kelma tiegħu. Is-salmista talab: “Urini, Mulej, triqatek, biex nimxi fis-sewwa tiegħek; agħtini qalb waħda, biex ikolli l-biżaʼ taʼ ismek.” (Salm 86:11) Jehovah approva dik it-talba, għax ġiegħel li tiġi dokumentata fil-Bibbja. Aħna nistgħu nibqgħu fiduċjużi li t-talb sinċier u spiss tagħna għall-għajnuna tiegħu biex insibu teżori spiritwali fil-Bibbja se jinstemaʼ.—Luqa 18:1-8.
Salamun jiġbed għall-attenzjoni: “Hu jaħżen [“l-għerf prattiku,” “NW”] . . . għal min hu sewwa, hu tarka għal min jimxi bla ħtija; hu jħares it-triqat tal-ġusti, u jgħasses it-triq tat-twajbin tiegħu. Mbagħad int tifhem il-ħaqq u s-sewwa, u timxi f’kull triq li hi tajba.” (Proverbji 2:7-9) Kemm iqawwilna qalbna dan! Jehovah mhux biss jagħti għerf veru lil dawk li sinċerament ifittxuh imma juri wkoll li hu tarka protettiva għal dawk retti għaliex huma juru l-għerf veru u b’mod leali jikkonformaw mal-livelli taʼ tjieba tiegħu. Jalla nkunu fost dawk li Jehovah jgħinhom ikollhom il-fehma taʼ “kull triq li hi tajba.”
Meta “t-Tagħrif Ikun l-Għaxqa taʼ Qalbek”
Studju persunali tal-Bibbja—ħtieġa neċessarja biex tfittex l-għerf—mhux bilfors li jinstemaʼ bħala xi ħaġa sabiħa għal ħafna min-nies. Per eżempju, Lawrence raġel taʼ 58 sena jgħid: “Jien dejjem kelli xogħol manwali. Jien insibha diffiċli biex nistudja.” U Michael, li għandu 24 sena u ma kienx iħobb jistudja meta kien l-iskola, qal: “Kien ikolli nġiegħel lili nnifsi noqgħod bil-qegħda u nistudja.” Madankollu, xewqa biex tistudja tistaʼ tiġi kultivata.
Ikkunsidra x’għamel Michael. Hu jgħid: “Jien iddixxiplinajt lili nnifsi biex nistudja għal nofs siegħa kuljum. Malajr stajt nara l-effett fuq l-attitudni tiegħi, fil-kummenti tiegħi waqt il-laqgħat Kristjani, u fil-konversazzjonijiet tiegħi maʼ oħrajn. Issa nħares ’il quddiem għall-ħin li nqattaʼ nistudja, u nobgħod li jkolli xi ħaġa li tistaʼ ttellifni.” Iva, l-istudju persunali jsir xi ħaġa li tieħu pjaċir tagħmlu meta naraw lilna nfusna nipprogressaw. Lawrence ukoll beda jagħmel studju tal-Bibbja u, maż-żmien, beda jaqdi bħala anzjan f’kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah.
Biex tagħmel l-istudju persunali xi ħaġa pjaċevoli jirrikjedi sforz konsistenti. Il-benefiċċji, madankollu, huma kbar. “Għax l-għerf jidħollok f’moħħok, u t-tagħrif ikun l-għaxqa taʼ qalbek,” jgħid Salamun, “l-għaqal jgħasses fuqek, [“id-dixxerniment innifsu se jissalvagwardjak,” “NW”].”—Proverbji 2:10, 11.
“Teħilsek minn Triq il-Ħażen”
B’liema mod jistgħu l-għerf, it-tagħrif, l-għaqal, u d-dixxerniment jissalvagwardjawk? “Teħilsek minn triq il-ħażen,” jgħid Salamun, “minn nies taʼ kliem il-għawġ; li tilfu t-triq it-tajba, biex jimxu f’toroq mudlama; li l-hena tagħhom jagħmlu l-ħażen, l-għaxqa tagħhom il-ħażen mill-agħar; nies li triqathom mgħawwġa, u l-mixi tagħhom barra mit-triq.”—Proverbji 2:12-15.
Iva, dawk li jgħożżu l-veru għerf jaħarbu minn sħubija maʼ dawk li huma “taʼ kliem il-għawġ,” jiġifieri, kliem kontra dak li hu tajjeb u ġust. L-abbiltà tal-ħsieb u d-dixxerniment ifornu protezzjoni kontra dawk li jwarrbu l-verità biex sempliċement jimxu fil-mogħdijiet tad-dlam, u kontra dawk li huma diżonesti u li jieħdu pjaċir jagħmlu dak li huwa ħażin.—Proverbji 3:32.
Kemm nistgħu nkunu grati li l-veru għerf u l-kwalitajiet assoċjati miegħu jipproteġuna wkoll mit-triq il-ħażina taʼ rġiel u nisa immorali! Salamun iżid li dawn il-kwalitajiet qegħdin biex jeħilsuk “[“mill-mara stranġiera,” “NW”], mill-mara barranija li tmelles bi kliemha, li twarrab sieħeb żgħożitha, u tinsa l-patt li għamlet maʼ Alla tagħha; darha lejn il-mewt nieżla, u l-mixi tagħha lejn Art l-Imwiet; ħadd ma jmur għandha u jerġaʼ lura, jew jerġaʼ jaqbad triq il-ħajja.”—Proverbji 2:16-19.
“Il-mara stranġiera,” il-prostituta, hija deskritta bħala waħda li “twarrab sieħeb żgħożitha”—x’aktarx dak li kien żewġha meta kienet għadha żagħżugħa.a (Qabbel Malakija 2:14.) Hi nsiet il-projbizzjoni fuq l-adulterju bħala li kienet parti mill-patt tal-liġi. (Eżodu 20:14) Il-mogħdijiet tagħha qed iwasslu għall-mewt. Dawk li jagħmluha magħha jistgħu ma ‘jaqbdu qatt triq il-ħajja,’ ladarba llum jew għada jistgħu jaslu sal-punt fejn ma jkunux jistgħu jerġgħu lura, prinċipalment il-mewt, minfejn ma jistgħux jiġu lura. Bniedem li għandu d-dixxerniment u l-għaqal huwa konxju tan-nassa li tħajrek taʼ l-immoralità u bil-għaqal kollu jiskansa li jinqabad fiha.
“It-Tajbin Jgħammru fl-Art”
Biex jiġbor l-objettiv tal-parir tiegħu fuq l-għerf, Salamun jistqarr: “Imxi fi triq it-tajbin, u żomm maʼ mogħdijiet il-ġusti.” (Proverbji 2:20) Xi skop meraviljuż iservi l-għerf tagħna! Jgħinna jkollna ħajja hienja u sodisfaċenti li tikseb l-approvazzjoni t’Alla.
Ikkunsidra wkoll il-barkiet kbar li hemm għal dawk li ‘jimxu fi triq it-tajbin.’ Salamun ikompli: “Għax it-tajbin jgħammru fl-art, u n-nies sewwa joqogħdu fiha; imma l-ħżiena mill-art jitqaċċtu, u l-qarrieqa jinqalgħu minnha.” (Proverbji 2:21, 22) Jalla tkun wieħed minn fost dawk taʼ bla tebgħa, li se jgħammru għal dejjem fid-dinja ġdida taʼ tjieba t’Alla.—2 Pietru 3:13.
[Nota taʼ taħt]
a Il-kelma “stranġier” kienet tiġi applikata għal dawk li taw daharhom għal dak li kien f’armonija mal-Liġi, u b’hekk qatgħu lilhom infushom minn Jehovah. B’hekk, il-prostituta—mhux bilfors barranija—hija rreferuta bħala “mara stranġiera.”
[Stampa f’paġna 26]
Salamun talab għal għerf. Hekk l-istess għandna nagħmlu aħna