LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 12/1 pp. 5-8
  • L-Apokalissi—Nibżgħu Minnu jew Nistennewh bil-Ħerqa?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Apokalissi—Nibżgħu Minnu jew Nistennewh bil-Ħerqa?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Knisja tal-​Bidu u l-​Apokalissi
  • Għala t-​Tama taʼ l-​Apokalissi Ġiet Imwarrba
  • “Il-​Knisja Tilfet il-​Messaġġ taʼ Tama li Kellha”
  • It-​Tama Meraviljuża taʼ l-​Apokalissi Għadha Ħajja!
  • Għala Dan il-Biżaʼ mill-Apokalissi?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Id-Dinja Dalwaqt Se Tispiċċa? Il-Bibbja Tgħid li d-Dinja Se Tinqered Għalkollox?
    Iktar Suġġetti
  • “Bxajjar taʼ Ferħ” mill-Apokalissi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Ħajja taʼ Dejjem fuq l-Art—Tama li Nstabet mill-Ġdid
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 12/1 pp. 5-8

L-​Apokalissi—Nibżgħu Minnu jew Nistennewh bil-​Ħerqa?

“L-​apokalissi llum m’huwiex sempliċement deskrizzjoni biblika imma sar possibbiltà verament reali.” —Javier Pérez de Cuéllar, ex-segretarju ġenerali tal-​Ġnus Magħquda.

DAN l-​użu tal-​kelma “apokalissi” minn persuna tant prominenti fid-​dinja jirrifletti l-​mod kif jifhmuha l-​biċċa l-​kbira tan-​nies u kif jarawha wżata fit-​titli tal-​films u tal-​kotba, fl-​artikli tar-​rivisti, u fir-​rapporti tal-​gazzetti. Joħloq viżjonijiet taʼ katakliżmu kosmiku. Imma xi tfisser verament il-​kelma “apokalissi”? U jerġaʼ iktar importanti minn hekk, x’inhu l-​messaġġ li hemm fil-​ktieb Bibliku msejjaħ Apokalissi, jew Rivelazzjoni?

Il-kelma “apokalissi” ġejja minn terminu Grieg li jfisser “żvelar” jew “kxif.” X’ġie mikxuf, jew rivelat, fir-​Rivelazzjoni Biblika? Kien dan messaġġ taʼ kundanna biss, taħbira taʼ qerda li minnha ma jsalva ħadd? Meta staqsewh x’jaħseb dwar l-​Apokalissi, l-​istudjuż taʼ l-​istorja Jean Delumeau, membru taʼ l-​Institut de France, iddikjara: “Huwa ktieb taʼ faraġ u tama. In-​nies iddramatizzaw il-​kontenut tiegħu għaliex iffokaw fuq l-​episodji katastrofiċi li hemm fih.”

Il-​Knisja tal-​Bidu u l-​Apokalissi

Il-​“Kristjani” bikrin kif kienu jħarsu lejn l-​Apokalissi u lejn it-​tama li dan jippreżenta tar-​Renju t’Elf Sena (Millennju) taʼ Kristu fuq l-​art? L-​istess studjuż taʼ l-​istorja stqarr: “Fil-​fehma tiegħi, il-​Kristjani taʼ l-​ewwel ftit sekli jidhru li, fil-​biċċa l-​kbira, kienu adottaw il-​millennjaliżmu. . . . Fost il-​Kristjani tas-​sekli bikrin li kienu jemmnu fil-​Millennju nsibu, b’mod partikulari, lil Papija, isqof taʼ Ħjerapoli fl-​Asja Minuri, . . . San Ġustinu, li twieled fil-​Palestina, u li sofra l-​martirju f’Ruma madwar is-​sena 165, San Irinew, isqof taʼ Lyons, li miet fis-​sena 202, Tertuljanu, li miet fis-​sena 222, u . . . l-​kittieb kbir Lattanzju.”

Rigward Papija, li skond ir-​rapporti sofra l-​martirju f’Pergamu fis-​sena 161 jew 165 E.K., The Catholic Encyclopedia tistqarr: “L-​Isqof Papija taʼ Ħjerapoli, dixxiplu taʼ San Ġwann, deher bħala difensur tal-​millenarjaniżmu. Hu sostna li kien irċieva d-​duttrina tiegħu mingħand dawk li kienu jgħixu fi żmien l-​Appostli, u Irinew jirrakkonta li ‘Presbiteri’ oħrajn, li kienu raw u semgħu lid-​dixxiplu Ġwanni, tgħallmuh mingħandu t-​twemmin fil-​millenarjaniżmu bħala parti mid-​duttrina tal-​Mulej. Skond Ewsebju . . . Papija fil-​ktieb tiegħu sostna li wara l-​irxoxt tal-​mejtin, fuq l-​art kellu jkun hemm elf sena taʼ saltna viżibbli u glorjuża minn Kristu.”

Dan x’jgħidilna dwar l-​effett li kellu l-​ktieb t’Apokalissi, jew Rivelazzjoni, fuq il-​kredenti bikrin? X’nissel dan, biżaʼ jew tama? Taʼ interess, l-​istudjużi taʼ l-​istorja lill-​Kristjani tal-​bidu jsejħulhom kiljasti, li ġejja mill-​kelmiet Griegi khiʹli·a eʹte (elf sena). Iva, ħafna minnhom kienu magħrufin bħala nies li kienu jemmnu fir-​Renju t’Elf Sena taʼ Kristu, li kellu jġib kundizzjonijiet taʼ ġenna fuq l-​art. L-​uniku post fil-​Bibbja fejn it-​tama tal-​millennju hi msemmija b’mod speċifiku huwa l-​Apokalissi, jew Rivelazzjoni. (20:1-7) Għalhekk, minflok ma beżżaʼ lil dawk li kienu jemmnu, l-​Apokalissi tahom tama taʼ l-​għaġeb. Fil-​ktieb tiegħu The Early Church and the World, Cecil Cadoux, professur taʼ l-​istorja tal-​knisja mill-​Università taʼ Oxford, jikteb: “Opinjonijiet kiljastiċi, għalkemm eventwalment ġew imwarrbin, kienu popolari ħafna fil-​Knisja għal perijodu taʼ żmien konsiderevoli, billi kienu mgħallmin minn xi wħud mill-​iktar awturi rispettati.”

Għala t-​Tama taʼ l-​Apokalissi Ġiet Imwarrba

Ladarba huwa fatt storiku li ma jistax jiġi miċħud li ħafna, jekk mhux il-​biċċa l-​kbira, tal-​Kristjani bikrin kienu jittamaw fir-​Renju Millennjali taʼ Kristu fuq art magħmula ġenna, kif ġara li dawn l-​“opinjonijiet kiljastiċi . . . eventwalment ġew imwarrbin”? Xi kritika bir-​raġun kollu saret minħabba li, bħalma wera l-​istudjuż Robert Mounce, “sfortunatament, ħafna kiljasti ħallew l-​immaġinazzjoni tagħhom tiġri bihom u interpretaw il-​perijodu t’elf sena bħala wieħed karatterizzat b’kull xorta t’estremi materjalistiċi u senswali.” Imma dawn l-​opinjonijiet estremisti setgħu ġew ikkoreġuti mingħajr ma ġiet imwarrba t-​tama vera tal-​Millennju.

Il-mezzi wżati mill-​avversarji biex il-​millennjaliżmu jinħonoq kienu tassew sorprendenti. Id-​Dictionnaire de Théologie Catholique jgħid dwar il-​qassis Ruman Kajju (li għex fit-​tmiem tat-​tieni seklu u l-​bidu tat-​tielet seklu) li “sabiex jegħleb il-​millennjaliżmu hu ċaħad b’mod ċar l-​awtentiċità taʼ l-​Apokalissi [Rivelazzjoni] u taʼ l-​Evanġelju taʼ San Ġwann.” Dan id-​Dictionnaire ikompli jgħid li Dijonisju, li kien isqof taʼ Lixandra fit-​tielet seklu, kiteb trattat kontra l-​millennjaliżmu li, “sabiex ma jippermettix lil dawk li kienu jżommu maʼ din l-​opinjoni jibbażaw it-​twemmin tagħhom fuq l-​Apokalissi taʼ San Ġwann, ma qagħadx idur mal-​lewża biex jiċħad l-​awtentiċità tiegħu.” Oppożizzjoni malizzjuża bħal din kontra t-​tama taʼ barkiet millennjali fuq l-​art hija evidenza li kien hemm influwenza sottili li kienet qed teffettwa lit-​teoloġi taʼ dak iż-​żmien.

Fil-ktieb tiegħu The Pursuit of the Millennium, il-​Professur Norman Cohn jikteb: “It-​tielet seklu ra l-​ewwel attentat biex jiġi skreditat il-​millenarjaniżmu, meta Oriġene, li forsi kien l-​iktar teologu influwenti mit-​teoloġi kollha tal-​Knisja tal-​qedem, beda jippreżenta s-​Saltna bħala ġrajja li kellha sseħħ mhux f’xi żmien jew waqt partikulari, imma biss fl-​erwieħ taʼ dawk li jemmnu.” Billi qagħad fuq il-​filosofija Griega pjuttost milli fuq il-​Bibbja, Oriġene dgħajjef it-​tama meraviljuża taʼ barkiet fuq l-​art taħt is-​Saltna Messjanika u dawwarha fi “ġrajja” li ħadd ma jistaʼ jifhimha, li sseħħ “fl-​erwieħ taʼ dawk li jemmnu.” L-​awtur Kattoliku Léon Gry kiteb: “L-​influwenza predominanti tal-​filosofija Griega . . . bil-​mod il-​mod ġabet il-​waqgħa taʼ l-​ideat Kiljastiċi.”

“Il-​Knisja Tilfet il-​Messaġġ taʼ Tama li Kellha”

Minn fost Missirijiet il-​Knisja,Wistin kien bla dubju taʼ xejn l-​iktar wieħed li ħadem biex jgħaqqad il-​filosofija Griega maʼ dik li sa żmienu kienet saret biss xbieha tal-​Kristjanità. Għalkemm għall-​ewwel kien difensur akkanit tal-​millenarjaniżmu, eventwalment ċaħad kull idea taʼ Renju Millennjali futur taʼ Kristu fuq l-​art. Hu għawweġ it-​tifsir t’Apokalissi kapitlu 20 billi qal li huwa simboliku.

The Catholic Encyclopedia tgħid: “Wistin fl-​aħħar żamm mal-​konvinzjoni li mhux se jkun hemm millennju. . . . L-​ewwel irxoxt, li dwaru jittratta dan il-​kapitlu, jgħidilna hu, jirreferi għat-​twelid spiritwali mill-​ġdid fil-​magħmudija; is-​sabat t’elf sena wara s-​sitt elef sena taʼ storja, huwa l-​ħajja eterna kollha.” The New Encyclopædia Britannica tistqarr: “Il-​millennjaliżmu allegoriku taʼ Wistin sar id-​duttrina uffiċjali tal-​knisja . . . Ir-​Riformisti Protestanti tat-​tradizzjonijiet Luterani, Kalvinisti, u Anglikani . . . baqgħu marbutin fis-​sod maʼ l-​opinjonijiet taʼ Wistin.” B’hekk, il-​membri tal-​knejjes tal-​Kristjaneżmu ġew imċaħħda mit-​tama millennjali.

Iktar minn hekk, skond it-​teologu Svizzeru Frédéric de Rougemont, “billi ċaħad il-​fidi li kellu għall-​ewwel fir-​renju t’elf sena, [Wistin] ikkaġuna ħsara inkalkulabbli lill-​Knisja. Bl-​awtorità immensa li kien iġorr ismu, hu awtorizza żball li ċaħħad [lill-Knisja] mill-​ideal li kellha dwar l-​art.” It-​teologu Ġermaniż Adolf Harnack qabel li l-​fatt li ġie mwarrab it-​twemmin fil-​Millennju ċaħħad lin-​nies komuni mir-​“reliġjon li kienu jifhmu,” billi minflok “il-​fidi l-​qadima u t-​tamiet il-​qodma” daħħal “fidi li ma setgħux jifhmuha.” Illum, il-​knejjes vojta f’ħafna pajjiżi huma prova ċara biżżejjed li n-​nies għandhom bżonn fidi u tama li jistgħu jifhmuhom.

Fil-ktieb tiegħu Highlights of the Book of Revelation, l-​istudjuż tal-​Bibbja George Beasley-Murray kiteb: “Primarjament minħabba l-​influwenza immensa taʼ Wistin minn naħa waħda u l-​fatt li s-​setet adottaw il-​millenarjaniżmu min-​naħa l-​oħra, il-​Kattoliċi u l-​Protestanti ngħaqdu flimkien f’li jwarrbu l-​millenarjaniżmu. Meta jistaqsuhom liema tama alternattiva għandhom għall-​bniedem f’din id-​dinja, it-​tweġiba uffiċjali hija: L-​ebda waħda. Id-​dinja se tinqered mal-​miġja taʼ Kristu biex tagħmel il-​wisaʼ għal ġenna u infern eterni li fihom l-​istorja se tintesa. . . . Il-​knisja tilfet il-​messaġġ taʼ tama li kellha.”

It-​Tama Meraviljuża taʼ l-​Apokalissi Għadha Ħajja!

Min-​naħa tagħhom, ix-​Xhieda taʼ Jehovah huma konvinti li l-​wegħdi meraviljużi li għandhom x’jaqsmu mal-​Millennju se jiġu mwettqin. Meta ġie intervistat fuq programm tat-​televixin Franċiż dwar it-​tema “Is-​Sena 2000: Il-​Biżaʼ mill-​Apokalissi,” l-​istudjuż taʼ l-​istorja Jean Delumeau stqarr: “Ix-​Xhieda taʼ Jehovah qegħdin jimxu eżatt fuq il-​linja tal-​millenarjaniżmu, għaliex huma jgħidu li dalwaqt . . . se nidħlu—għalkemm irridu nammettu li l-​ewwel se ngħaddu minn ħafna katakliżmi—f’perijodu t’1000 sena taʼ hena.”

Dan hu preċiż dak li ra l-​appostlu Ġwanni f’viżjoni u ddeskrivieh fil-​ktieb tiegħu Apokalissi, jew Rivelazzjoni. Hu kiteb: “Rajt sema ġdid u art ġdida . . . U smajt leħen qawwi ġej mit-​tron jgħid: ‘Din hi l-​għamara taʼ Alla mal-​bnedmin; u hu jgħammar magħhom, u huma jkunu l-​poplu tiegħu, u Alla nnifsu jkun magħhom, Alla tagħhom. Hu jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-​ħwejjeġ taʼ qabel.’”—Apokalissi 21:1, 3, 4.

Ix-Xhieda taʼ Jehovah qegħdin jieħdu sehem f’xogħol li qed isir madwar id-​dinja kollha biex jeduka lin-​nies dwar il-​Bibbja, sabiex jgħinu lil kemm jistaʼ jkun nies iħaddnu din it-​tama. Huma lesti li jgħinuk minn qalbhom biex titgħallem iktar dwarha.

[Stampa f’paġna 6]

Papija sostna li kien irċieva d-​duttrina tal-​Millennju direttament mingħand dawk li kienu jgħixu fi żmien l-​appostli

[Stampa f’paġna 7]

Tertuljanu kien jemmen fir-​Renju Millennjali taʼ Kristu

[Sors]

© Cliché Bibliothèque Nationale de France, Pariġi

[Stampa f’paġna 7]

“Billi ċaħad il-​fidi li kellu għall-​ewwel fir-​renju t’elf sena, [Wistin] ikkaġuna ħsara inkalkulabbli lill-​Knisja”

[Stampa f’paġna 8]

L-​art magħmula Ġenna mwegħda f’Apokalissi hija xi ħaġa li għandna nistennewha bil-​ħerqa

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja