Aħna Għandna Bżonn l-Organizzazzjoni taʼ Jehovah
Qatt smajt lil xi ħadd jgħid, “Jien nemmen f’Alla, imma ma nħossx li għandi nkun membru taʼ xi organizzazzjoni reliġjuża”? Taʼ spiss opinjonijiet bħal dawn tismagħhom mingħand individwi li darba kienu jattendu l-knisja bi ħġarhom imma li ħarġu diżappuntati mill-fatt li r-reliġjon naqset milli tissodisfa l-bżonnijiet spiritwali tagħhom. Għalkemm iħossuhom diżappuntati minħabba l-organizzazzjonijiet reliġjużi in ġenerali, ħafna jinsistu li huma xorta jridu jqimu lil Alla. Madankollu, dawn jemmnu li huwa aħjar li jqimuh skond kif jaħsbu huma milli jqimuh bħala membri taʼ xi knisja jew organizzazzjoni oħra.
Il-Bibbja xi tgħid? Irid Alla li l-Kristjani jkunu membri taʼ organizzazzjoni?
Il-Kristjani tal-Bidu Bbenefikaw għax Kienu Organizzati
F’Pentekoste tas-sena 33 E.K., Jehovah ma ferrax l-ispirtu qaddis tiegħu fuq xi ftit individwi li emmnu u li kienu iżolati, imma ferrgħu fuq grupp taʼ rġiel u nisa li nġabru flimkien “f’post wieħed,” ġo kamra taʼ fuq fil-belt taʼ Ġerusalemm. (Atti 2:1) Kien f’dak iż-żmien li ġiet ifformata l-kongregazzjoni Kristjana, li mbagħad saret organizzazzjoni internazzjonali. Dan kien verament taʼ barka għal dawk id-dixxipli tal-bidu. Għala? Raġuni waħda hi li huma kienu ngħataw inkarigu importanti—li eventwalment jippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla “fid-dinja kollha.” (Mattew 24:14) Ġewwa l-kongregazzjoni, dawk li kienu għadhom kif ikkonvertew setgħu jitgħallmu kif ikomplu jagħmlu x-xogħol taʼ l-ippridkar mingħand sħabhom fit-twemmin li kellhom iktar esperjenza minnhom.
Il-messaġġ tas-Saltna malajr xtered ’il bogħod mis-swar taʼ Ġerusalemm. F’xi żmien bejn is-sena 62 u s-sena 64 E.K., l-appostlu Pietru kiteb l-ewwel ittra tiegħu lill-Kristjani li kienu “mxerrda . . . f’Pontu, fil-Galazja, fil-Kappadoċja, fl-Asja u fil-Bitinja,” li kollha kemm huma jinsabu f’dik li llum hi t-Turkija. (1 Pietru 1:1) Kien hemm il-Kristjani f’postijiet oħrajn ukoll, bħal fil-Palestina, il-Libanu, is-Sirja, Ċipru, il-Greċja, Kreta, u l-Italja. Bħalma kiteb Pawlu lill-Kolossin fis-sena 60 jew 61 E.K., l-aħbar tajba kienet ‘tħabbret lill-ħlejjaq kollha taħt is-smewwiet.’—Kolossin 1:23.
Benefiċċju ieħor li wieħed setaʼ jgawdi billi jkun membru taʼ organizzazzjoni kien l-inkuraġġiment li l-Kristjani setgħu jagħtu lil xulxin. Kristjani li kienu jagħmlu parti mill-kongregazzjoni setgħu jisimgħu taħditiet li jqanqluhom biex jaġixxu, jistudjaw l-Iskrittura Mqaddsa flimkien, jaqsmu esperjenzi li jsaħħu l-fidi, u jingħaqdu fit-talb maʼ sħabhom fit-twemmin. (1 Korintin, kapitlu 14) U rġiel maturi setgħu ‘jirgħu l-merħla taʼ Alla.’—1 Pietru 5:2.
Barra minn hekk, bħala membri tal-kongregazzjoni, il-Kristjani saru jafu lil xulxin u jħobbu lil xulxin. Il-Kristjani tal-bidu b’ebda mod ma ħassew li kien taʼ piż għalihom li jkunu membri tal-kongregazzjoni, imma pjuttost, dan serva biex huma ġew mibnijin u msaħħin.—Atti 2:42; 14:27; 1 Korintin 14:26; Kolossin 4:15, 16.
Raġuni oħra għala kien hemm bżonn tal-kongregazzjoni, jew organizzazzjoni, magħquda madwar id-dinja kollha kienet biex tippromwovi l-unità. Il-Kristjani tgħallmu ‘jkunu jaqblu fi kliemhom.’ (1 Korintin 1:10) Dan kien vitali. Il-membri tal-kongregazzjoni kienu ġejjin minn ambjenti edukattivi u soċjali differenti. Kienu jitkellmu lingwi differenti, u kellhom differenzi ovvji fil-personalitajiet tagħhom. (Atti 2:1-11) Xi drabi, kien ikollhom opinjonijiet differenti. Madankollu, il-Kristjani kienu jiġu megħjunin biex isolvu differenzi bħal dawn ġewwa l-kongregazzjoni.—Atti 15:1, 2; Filippin 4:2, 3.
Mistoqsijiet serji li ma setgħux jiġu mweġbin mill-anzjani lokali kienu jiġu riferuti lil indokraturi li jivvjaġġaw maturi, bħal Pawlu. Kwistjonijiet dottrinali vitali kienu jiġu riferuti lil ġemgħa li tiggverna ċentrali f’Ġerusalemm. Għall-bidu, il-ġemgħa li tiggverna kienet magħmula mill-appostli taʼ Ġesù Kristu, imma iktar tard din kibret u saret tinkludi rġiel ixjeħ mill-kongregazzjoni taʼ Ġerusalemm. Kull kongregazzjoni kienet tirrikonoxxi l-awtorità mogħtija minn Alla li kellhom il-ġemgħa li tiggverna u r-rappreżentanti tagħha biex jorganizzaw il-ministeru, jaħtru rġiel f’karigi taʼ servizz, u jagħmlu deċiżjonijiet fuq kwistjonijiet dottrinali. Meta l-ġemgħa li tiggverna kienet issolvi xi kwistjoni, il-kongregazzjonijiet kienu jaċċettaw id-deċiżjoni u ‘jifirħu għall-faraġ li tagħtihom.’—Atti 15:1, 2, 28, 30, 31.
Iva, Jehovah kien juża organizzazzjoni fl-ewwel seklu. Imma xi ngħidu għal-lum?
Illum Għandna Bżonn Organizzazzjoni
Bħal ħuthom taʼ l-ewwel seklu, ix-Xhieda taʼ Jehovah llum jiħduh bis-serjetà l-inkarigu li jippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna. Mod wieħed kif iwettqu dan ix-xogħol hu billi jqassmu l-Bibbji u pubblikazzjonijiet li huma t’għajnuna għall-istudju tal-Bibbja, u dan jirrikjedi organizzazzjoni.
Il-pubblikazzjonijiet Kristjani jridu jiġu preparati b’attenzjoni, iċċekkjati għall-eżattezza, stampati, u mbagħad mibgħutin lill-kongregazzjonijiet. Min-naħa tagħhom, Kristjani individwali jridu jkunu volontieri biex iwasslu l-letteratura lil dawk li jridu jaqrawha. Il-messaġġ tas-Saltna laħaq miljuni taʼ nies b’dan il-mod. Il-pubblikaturi taʼ l-aħbar tajba jagħmlu ħilithom biex iwettqu l-attività tagħhom taʼ l-ippridkar bl-ordni, billi jkunu ċerti li ebda parti mit-territorju ma tinħadem iżżejjed waqt li partijiet oħrajn jiġu traskurati. Dan kollu jirrikjedi organizzazzjoni.
Ladarba “Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd,” il-Bibbji u l-letteratura Biblika jridu jiġu tradotti. (Atti 10:34) Fil-preżent, din ir-rivista hija disponibbli f’132 lingwa, u r-rivista Stenbaħ!, li tmur id f’id magħha, hija pubblikata fi 83 lingwa. Dan jirrikjedi li madwar id-dinja jkun hemm timijiet taʼ tradutturi organizzati tajjeb.
Il-membri tal-kongregazzjoni jiġu inkuraġġiti meta jattendu l-laqgħat Kristjani u l-assembleat. Huma jisimgħu taħditiet Bibliċi li jqanqluhom biex jaġixxu, jistudjaw l-Iskrittura flimkien, jaqsmu esperjenzi edifikanti, u jingħaqdu fit-talb m’adoraturi sħabhom. U l-istess bħal ħuthom fl-ewwel seklu, huma jibbenefikaw minn żjajjar li jsaħħu l-fidi taʼ indokraturi li jivvjaġġaw li tant juru mħabba. B’hekk, il-Kristjani llum jifformaw “merħla waħda, ragħaj wieħed.”—Ġwann 10:16.
M’għandniex xi ngħidu, ix-Xhieda taʼ Jehovah m’humiex perfetti, u lanqas ħuthom il-Kristjani tal-bidu ma kienu. Xorta waħda, huma jaħdmu flimkien f’unità. B’riżultat taʼ dan, ix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna qed jitwettaq madwar id-dinja kollha.—Atti 15:36-40; Efesin 4:13.
[Stampa f’paġna 31]
Il-Kristjani llum jifformaw “merħla waħda, ragħaj wieħed”