X’Inhu l-Muftieħ għas-Suċċess?
ŻEWĠT irġiel żgħażagħ avventurużi kienu qegħdin jippreparaw bir-reqqa kollha makkinarju stramb biex jagħmlu esperiment kruċjali. F’daqqa waħda, buffura riħ qawwija qabdet dan l-apparat delikat, dawritu tnejn fl-arja, u b’ħoss li jkexkxek sabbtitu maʼ l-art. Skuraġġiti għall-aħħar, iż-żewġt irġiel baqgħu weqfin qishom statwa tal-melħ. Ix-xogħol iebes tagħhom li kienu għamlu b’tant attenzjoni kbira spiċċa f’munzell tifrik.
Għal Orville u Wilbur Wright, dak li ġara dakinhar, f’Ottubru taʼ l-1900, ma kinitx xi ħaġa ġdida. Ma kinitx l-ewwel darba li raw l-attentat tagħhom biex jibnu makkinarju volanti itqal mill-arja jisfaxxa fix-xejn. Kienu diġà qattgħu diversi snin u nefqu kemxa ġmielha fl-esperimenti tagħhom.
Iżda, fl-aħħar il-persistenza tagħhom ħalliet il-frott. Fis-17 taʼ Diċembru, 1903, f’Kitty Hawk, North Carolina, fl-Istati Uniti taʼ l-Amerka, l-aħwa Wright irnexxielhom itajru mudell li jaħdem b’mutur għal 12-il sekonda—ħin qasir meta tqabblu mat-titjiriet li jsiru llum il-ġurnata, imma twil biżżejjed biex ibiddel id-dinja għal dejjem!
Fil-biċċa l-kbira tal-każi s-suċċess jiddependi l-iktar fuq kemm aħna lesti li nipperseveraw bil-paċenzja. Sew jekk inkunu qegħdin nitgħallmu xi lingwa, nitħarrġu f’xi sengħa, inkella saħansitra niżviluppaw xi ħbiberija, l-iktar affarijiet taʼ valur jinkisbu bi sforz kontinwu. “Disaʼ darbiet minn għaxra,” jgħid l-awtur Charles Templeton, “is-suċċess huwa marbut direttament maʼ ħaġa waħda: xogħol iebes.” Il-ġurnalista Leonard Pitts, Jr., jinnota: “Nitkellmu dwar it-talenti, nagħtu l-kredtu lix-xorti, imma ħafna drabi, ninjoraw l-iktar affarijiet importanti. Ix-xogħol iebes u ħafna fallimenti. Is-sigħat twal taʼ xogħol.”
Dan jikkonferma dak li qalet il-Bibbja żmien twil ilu: “Min hu bieżel jimxi ’l quddiem.” (Proverbji 12:24) Il-bżulija tfisser li nipperseveraw fl-isforzi tagħna. Dan hu neċessarju jekk irridu nwettqu dak li nkunu bdejna. X’inhi l-perseveranza? Kif nistgħu nipperseveraw waqt li nistinkaw biex nilħqu l-miri tagħna, u fiex għandna nipperseveraw? Dawn il-mistoqsijiet se jitwieġbu fl-artiklu li jmiss.
[Sors taʼ l-istampa f’paġna 3]
U.S. National Archives photo