Proklamaturi tas-Saltna Jirrapportaw
Għajnuna lil Nies taʼ Kull Xorta fl-Olanda
ABRAHAM kien raġel li kellu fidi li ftit hawn bħalha. Meta kellu “s-sejħa taʼ Alla,” qal l-appostlu Pawlu, Abraham obda leħen Alla u “telaq, bla ma kien jaf fejn kien sejjer.” Wara li telaq mal-familja kollha tiegħu, Abraham għammar “fl-art imwegħda, qisu barrani f’art barranija” għall-bqija tal-mitt sena li kien baqagħlu.—Lhud 11:8, 9.
L-istess illum, ħafna mix-Xhieda taʼ Jehovah aċċettaw l-isfida li jmorru f’pajjiż ieħor sabiex jaqdu fejn il-bżonn hu akbar. Oħrajn tgħallmu lingwa differenti biex b’hekk ikunu jistgħu jagħtu xiehda lill-barranin li jkunu emigraw lejn pajjiżhom. Bħalma juru l-eżempji li ġejjin, dan l-ispirtu mill-aħjar fetaħ “bieb kbir . . . għax-xogħol” ġewwa l-Olanda, fejn miljun mill-15-il miljun abitant huma minn pajjiżi oħra.—1 Korintin 16:9, Saydon.
◻ Bahram, li qabel kien istruttur tal-Kung Fu, ġie minn pajjiż fil-Lvant Nofsani. Hu kiseb kopja tal-Bibbja u xi pubblikazzjonijiet tal-Watch Tower. Fi żmien xahar, Bahram irrealizza li kien sab il-verità. Inbeda studju miegħu u maʼ martu, imma kien hemm problema—l-għalliem tagħhom tal-Bibbja ma kienx jaf jitkellem bil-lingwa tagħhom. Bdew jiftakru kemm kienu jikkomunikaw bil-ġesti, billi jużaw “l-idejn u s-saqajn.” Maż-żmien, Bahram u martu setgħu jistabbilixxu ruħhom f’kongregazzjoni fejn kienu jitkellmu bil-lingwa tagħhom, u wara dan malajr għamlu progress. Bahram issa hu Xhud mgħammed.
◻ Koppja Olandiża li huma pijunieri avviċinaw raġel Indoneżjan li kien quddiem supermarkit. Hu stagħġeb u tgħidx kemm ħa pjaċir meta l-koppja kellmuh bil-lingwa tiegħu stess. Imbagħad għamlu arranġamenti biex imorru jżuruh f’daru. Skoprew li hu kien għex ir-Russja għal iktar minn 20 sena, u matul dak iż-żmien sar ġinekologu. Hu stqarr li kien ateu, imma ammetta li kull darba li kien jassisti għal twelid taʼ tarbija, ma setax ma jimmeraviljax ruħu, “Kemm hu perfett il-ġisem uman! X’miraklu!” Hu aċċetta li jistudja l-Bibbja, u malajr sar jemmen li hemm Ħallieq li jimpurtah mill-umanità. (1 Pietru 5:6, 7) Issa huwa ħu mgħammed u jaqdi fil-kongregazzjoni Indoneżjana f’Amsterdam.
◻ F’Rotterdam, wieħed mill-akbar portijiet tal-vapuri tal-merkanzija fid-dinja, grupp taʼ pijunieri saru esperti f’li jippridkaw lil diversi gruppi li jitkellmu lingwi differenti li kienu jidħlu kuljum fil-baċir. Bħala riżultat taʼ l-attività taʼ dan il-grupp taʼ predikaturi entużjasti, diversi baħrin, inkluż kaptan, fizzjal, u wieħed li qabel kien gwardja persunali, aċċettaw il-verità. Issa huma wkoll qed jgħinu f’li jxerrdu l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla mad-dinja kollha.—Mattew 24:14.
Bħal f’partijiet oħra tad-dinja, ix-Xhieda taʼ Jehovah fl-Olanda huma determinati li jagħtu sehemhom f’li jiddikjaraw l-aħbar tajba taʼ dejjem lil kull ġens, tribù, ilsien u poplu.—Apokalissi 14:6.