Nies “mill-Ilsna Kollha” Jisimgħu l-Aħbar Tajba
“Għaxart irġiel mill-ilsna kollha tal-ġnus [se jgħidu]: ‘Ħa niġu magħkom, għaliex smajna li Alla magħkom.’” —ŻAKKARIJA 8:23.
1. Ġeħova kif ipprovda l-aħjar żmien u post għall-bidu taʼ l-ippridkar Kristjan lil nies taʼ lingwi u nazzjonalitajiet differenti?
IŻ-ŻMIEN u l-post ma setgħux ikunu aħjar. Kien jum Pentekoste tas-sena 33 E.K. Ftit ġimgħat qabel, Lhud u proseliti minn xi 15-il reġjun taʼ l-Imperu Ruman, li kien tant mifrux, u postijiet oħra iktar ’il bogħod, imlew Ġerusalemm biex jiċċelebraw il-Qbiż. Dakinhar, eluf minnhom semgħu—mhux b’konfużjoni, bħal dawk li kienu f’Babel tal-qedem, imma b’mod li setgħu jifhmu—nies ordinarji mimlijin bl-ispirtu qaddis jipproklamaw l-aħbar tajba b’diversi lingwi li kienu mitkellma fl-imperu. (Atti 2:1-12) Din l-okkażjoni mmarkat il-bidu tal-kongregazzjoni Kristjana u tax-xogħol edukattiv internazzjonali b’diversi lingwi li għadu għaddej sa llum.
2. Id-dixxipli taʼ Ġesù kif ‘bellhu’ lill-udjenza mħallta tagħhom f’Pentekoste tas-sena 33 E.K.?
2 Id-dixxipli taʼ Ġesù probabbilment setgħu jitkellmu bil-Grieg komuni, il-lingwa popolari taʼ dak iż-żmien. Użaw ukoll l-Ebrajk, il-lingwa li kienet tintuża fit-tempju. Però, dakinhar taʼ Pentekoste, l-udjenza mħallta tagħhom baqgħet ‘imbellha’ x’ħin id-dixxipli bdew jitkellmu bil-lingwi taʼ dawk li kienu preżenti. X’kien ir-riżultat? Qalb is-semmiegħa tqanqlet bil-veritajiet vitali li semgħu bi lsien pajjiżhom. Sa tmiem il-ġurnata, il-grupp żgħir taʼ dixxipli kiber għal folla kbira taʼ iktar minn 3,000 ruħ!—Atti 2:37-42.
3, 4. Ix-xogħol taʼ l-ippridkar kif infirex hekk kif id-dixxipli telqu minn Ġerusalemm, il-Lhudija, u l-Galilija?
3 Ftit wara din il-ġrajja sinifikanti, qamet mewġa taʼ persekuzzjoni f’Ġerusalemm, u “dawk li kienu xterdu xandru l-aħbar tajba tal-kelma kulfejn marru.” (Atti 8:1-4) Per eżempju, f’Atti kapitlu 8 naqraw dwar Filippu, li milli jidher kien evanġelizzatur li jitkellem bil-Grieg. Filippu ppriedka lis-Samaritani. Ippriedka wkoll lill-uffiċjal Etjopjan li wieġeb għall-messaġġ dwar Kristu.—Atti 6:1-5; 8:5-13, 26-40; 21:8, 9.
4 Hekk kif il-Kristjani marru u fittxew postijiet biex jerġgħu jistabbilixxu ħajjithom barra mill-fruntieri taʼ Ġerusalemm, il-Lhudija, u l-Galilija, huma ltaqgħu maʼ ostakli etniċi u lingwistiċi ġodda. Uħud minnhom forsi ppridkaw lil-Lhud biss. Imma d-dixxiplu Luqa jirrapporta: “Kien hemm xi rġiel minn Ċipru u Ċirene li ġew Antjokja u bdew ikellmu lin-nies li kienu jitkellmu bil-Grieg u jxandrulhom l-aħbar tajba tal-Mulej Ġesù.”—Atti 11:19-21.
Alla Imparzjali li Għandu Messaġġ għal Kulħadd
5. Kif tintwera l-imparzjalità taʼ Ġeħova b’konnessjoni maʼ l-aħbar tajba?
5 Dawn l-iżviluppi kienu fi qbil mat-triqat t’Alla; Alla m’huwiex parzjali. Wara li l-appostlu Pietru ġie megħjun minn Ġeħova biex ibiddel il-ħarsa tiegħu lejn in-nies tal-ġnus, hu b’apprezzament qal: “Tassew qed nifhem li Alla mhux parzjali, imma f’kull ġens min jibżaʼ minnu u jagħmel is-sewwa hu aċċettat minnu.” (Atti 10:34, 35; Salm 145:9) Meta l-appostlu Pawlu, li qabel kien persekutur tal-Kristjani, iddikjara li Alla “jrid li bnedmin taʼ kull xorta jiġu salvati,” hu reġaʼ kkonferma li Alla m’huwiex preġudikat. (1 Timotju 2:4) L-imparzjalità tal-Ħallieq tistaʼ tintwera mill-fatt li t-tama għas-Saltna hija disponibbli għal irġiel u nisa taʼ kull razza, nazzjonalità, jew lingwa.
6, 7. Liema profeziji Bibliċi bassru dwar it-tixrid taʼ l-aħbar tajba b’mod internazzjonali b’diversi lingwi?
6 Dan it-tkabbir internazzjonali ġie mbassar sekli qabel. Skond il-profezija taʼ Danjel, Ġesù ngħata “ħakma, ġieħ, u saltna, biex lilu jaqdi kull ġens, u poplu, u lsien.” (Danjel 7:14) Il-fatt li din ir-rivista hija stampata b’151 lingwa u mqassma madwar id-dinja kollha, li jagħmilha possibbli għalik li taqra dwar is-Saltna taʼ Ġeħova, jirrifletti t-twettiq taʼ din il-profezija Biblika.
7 Il-Bibbja bassret dwar żmien meta nies taʼ diversi lingwi kienu se jisimgħu l-messaġġ tagħha li jagħti l-ħajja. F’deskrizzjoni dwar kif il-qima pura kienet se tattira lil ħafna wħud, Żakkarija pprofetizza: “F’dawk il-jiem għaxart irġiel mill-ilsna kollha tal-ġnus jaqbdu Lhudi [Kristjan midluk bl-ispirtu, parti mill-“Iżrael t’Alla”] u jżommuh minn tarf il-libsa tiegħu, u jgħidulu: ‘Ħa niġu magħkom, għaliex smajna li Alla magħkom!’” (Żakkarija 8:23, korsiv tagħna; Galatin 6:16) U meta rrakkonta dwar dak li ra f’viżjoni, l-appostlu Ġwanni qal: “Ara, folla kbira, li ebda bniedem ma setaʼ jgħoddha, minn kull ġens u tribù u poplu u lsien, weqfin quddiem it-tron u quddiem il-Ħaruf.” (Rivelazzjoni 7:9) Aħna rajna dawn il-profeziji jitwettqu!
Nilħqu lil Kull Xorta taʼ Nies
8. Liema realtà fi żmienna qajmet il-bżonn li nagħmlu aġġustamenti fix-xogħol tagħna taʼ l-għoti taʼ xiehda?
8 Illum, in-nies qed jemigraw iktar minn qatt qabel. Il-globalizzazzjoni fetħet era ġdida t’emigrazzjoni. Folol kbar taʼ nies minn pajjiżi mifnijin bil-gwerra u postijiet fejn hemm problemi ekonomiċi marru joqogħdu f’postijiet iktar stabbli ħalli jfittxu ħajja b’sigurtà materjali. F’ħafna pajjiżi, id-dħul taʼ immigranti u refuġjati wassal biex jiġu fformati komunitajiet żgħar taʼ gruppi etniċi. Per eżempju, fil-Finlandja jiġu mitkellma iktar minn 120 lingwa; fl-Awstralja l-għadd taʼ lingwi jaqbeż il-200. F’belt waħda biss fl-Istati Uniti—San Diego—tistaʼ tiltaqaʼ maʼ iktar minn 100 lingwa!
9. Liema ħarsa għandu jkollna lejn in-nies fit-territorju tagħna li jitkellmu lingwi differenti?
9 Bħala ministri Kristjani nqisu aħna lpreżenza taʼ dawn l-uħud li jitkellmu lingwi differenti bħala ostaklu għall-ministeru tagħna? Lanqas xejn! Minflok, dan inqisuh bħala tkabbir mill-isbaħ fit-territorju tagħna taʼ l-ippridkar—‘għelieqi bojod għall-ħsad.’ (Ġwanni 4:35) Aħna nistinkaw biex nipprovdu għal dawk li huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom, minkejja n-nazzjonalità jew il-lingwa tagħhom. (Mattew 5:3) B’riżultat taʼ dan, kull sena għadd li dejjem jikber taʼ nies minn ‘kull ilsien’ qed isiru dixxipli taʼ Kristu. (Rivelazzjoni 14:6) Per eżempju, minn Awissu taʼ l-2004, ix-xogħol taʼ l-ippridkar fil-Ġermanja qed isir b’40 lingwa. Fl-istess żmien, l-aħbar tajba kienet qed tiġi pridkata fl-Awstralja bi kważi 30 lingwa, fejn għaxar snin ilu kienet qed tiġi pridkata biss bi 18-il lingwa. Fil-Greċja, ix-Xhieda taʼ Ġeħova kienu qed jilħqu nies taʼ kważi 20 lingwa differenti. Xi 80 fil-mija tax-Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-dinja jitkellmu b’lingwa oħra minbarra l-Ingliż, l-iktar lingwa internazzjonali mifruxa.
10. X’inhu l-irwol taʼ kull pubblikatur individwali f’li jagħmel dixxipli min-nies “tal-ġnus kollha”?
10 Tabilħaqq, il-kmand taʼ Ġesù biex ‘nagħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha’ qed jitwettaq! (Mattew 28:19) Ix-Xhieda taʼ Ġeħova, li b’ħerqa aċċettaw dan l-inkarigu, huma attivi f’235 pajjiż u qed iqassmu letteratura b’iktar minn 400 lingwa. Filwaqt li l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova tipprovdi l-materjal li hemm bżonn biex jintlaħqu n-nies, huma l-pubblikaturi tas-Saltna b’mod individwali li għandhom jieħdu l-inizjattiva biex jaqsmu l-messaġġ tal-Bibbja maʼ “kull xorta taʼ nies” bil-lingwa li dawn jifhmu l-iktar. (Ġwanni 1:7) Dan l-isforz li jagħmlu lkoll flimkien jgħin lil miljuni taʼ nies minn lingwi differenti biex jibbenefikaw mill-aħbar tajba. (Rumani 10:14, 15) Iva, kull wieħed u waħda minna għandu rwol vitali!
Niffaċċjaw l-Isfida
11, 12. (a) Liema sfidi jridu jiġu ffaċċjati, u l-ispirtu qaddis kif jgħin? (b) Għala huwa spiss t’għajnuna li nippridkaw lin-nies bil-lingwa tagħhom stess?
11 Illum, ħafna pubblikaturi tas-Saltna jixtiequ jitgħallmu lingwa oħra, imma ma jistgħux jiddependu minn jew jistennew xi doni mirakolużi mingħand l-ispirtu t’Alla. (1 Korintin 13:8) Hija biċċa xogħol kbira li titgħallem lingwa ġdida. Anki dawk li forsi diġà jitkellmu lingwa oħra għandhom mnejn ikollhom ibiddlu l-mod taʼ ħsieb u l-metodu tagħhom sabiex jagħmlu l-messaġġ tal-Bibbja attraenti għan-nies li jitkellmu dik il-lingwa imma li għandhom sfondi u kulturi differenti. Flimkien maʼ dan, immigranti ġodda spiss iħossuhom mistħijin u timidi; jirrikjedi sforz kbir biex tifhem il-mod taʼ ħsieb tagħhom.
12 Minkejja dan, l-ispirtu qaddis għadu jopera fost il-qaddejja taʼ Ġeħova fl-isforzi tagħhom biex jgħinu lil dawk li jitkellmu lingwa oħra. (Luqa 11:13) Minflok ma jagħti abbiltajiet lingwistiċi mirakolużi, l-ispirtu jistaʼ jqanqal ix-xewqa tagħna biex nikkomunikaw maʼ nies li ma jitkellmux l-istess lingwa tagħna. (Salm 143:10) Jekk nippridkaw jew ngħallmu l-messaġġ tal-Bibbja lin-nies b’lingwa li m’humiex familjari magħha nistgħu nilħqulhom biss moħħhom. Madankollu, sabiex nilħqu qalb is-semmiegħa tagħna, spiss huwa aħjar jekk nużaw il-lingwa tagħhom—il-lingwa li tilħaq l-iktar xewqat, motivi, u tamiet ġewwinija tagħhom.—Luqa 24:32.
13, 14. (a) Xi jqanqal lil xi wħud biex ikollhom sehem fil-ministeru b’lingwa oħra? (b) Kif jidher l-ispirtu taʼ sagrifiċċju persunali?
13 Ħafna pubblikaturi tas-Saltna bdew ixandru fil-qasam tal-lingwa barranija meta raw kemm dawn in-nies iwieġbu tajjeb għall-veritajiet Bibliċi. Oħrajn iħossuhom imsaħħin meta s-servizz tagħhom isir iktar taʼ sfida u interessanti. Uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova fin-nofsinhar taʼ l-Ewropa qal: “Ħafna minn dawk li jiġu mill-Ewropa tal-Lvant huma għatxana għall-verità.” Kemm hu sodisfaċenti li ngħinu lil dawn l-individwi li jwieġbu b’mod favorevoli għall-aħbar tajba!—Isaija 55:1, 2.
14 Madankollu, sabiex ikollna sehem produttiv f’dan ix-xogħol għandna bżonn determinazzjoni u sagrifiċċju persunali. (Salm 110:3, Saydon) Per eżempju, għadd taʼ familji Ġappuniżi li huma Xhieda ssagrifikaw djar komdi fi bliet kbar u marru jgħixu f’postijiet imwarrbin biex jgħinu gruppi taʼ immigranti Ċiniżi jifhmu l-Bibbja. Fil-punent taʼ l-Istati Uniti, xi pubblikaturi spiss isuqu minn siegħa sa sagħtejn biex jikkonduċu studji tal-Bibbja maʼ nies Filippini. Fin-Norveġja, koppja tistudja maʼ familja mill-Afganistan. Dawn iż-żewġ Xhieda jużaw kopja bl-Ingliż u kopja bin-Norveġiż tal-browxer Alla X’Jirrikjedi Minna?a Il-familja taqra l-paragrafi bil-Persjan, lingwa li tixbah ħafna l-lingwa tagħhom Dari. Huma jiddiskutu bl-Ingliż u bin-Norveġiż. Dan l-ispirtu taʼ sagrifiċċju persunali u l-fatt li huma lesti jadattaw ruħhom jiġi mbierek bil-kbir meta nies barranin iwieġbu għall-aħbar tajba.b
15. Kif nistgħu lkoll kemm aħna jkollna sehem fl-ippridkar b’diversi lingwi?
15 Tistaʼ tieħu sehem f’din l-attività b’diversi lingwi? Għala ma tibdiex billi tinnota liema lingwi barranin huma mitkellma spiss fit-territorju tiegħek? Imbagħad forsi tistaʼ ġġorr xi fuljetti jew browxers b’dawn il-lingwi. Il-ktejjeb Good News for People of All Nations, li ħareġ fl-2004, diġà kien t’għajnuna kbira biex it-tama tas-Saltna tixtered permezz tal-messaġġ sempliċi u pożittiv b’diversi lingwi.—Ara l-artiklu Good News for People of All Nations f’paġna 32.
“Ħobbu l-Barrani”
16. Aħwa responsabbli kif jistgħu juru interess bla egoiżmu f’li jgħinu lil uħud li jitkellmu lingwa differenti?
16 Kemm jekk nitgħallmu lingwa oħra u kemm jekk le, ilkoll nistgħu ngħinu fl-edukazzjoni spiritwali tal-barranin fl-inħawi tagħna. Ġeħova istruwixxa lill-poplu tiegħu biex ‘iħobb il-barrani.’ (Dewteronomju 10:18, 19) Per eżempju, f’belt kbira fl-Amerika taʼ Fuq, ħames kongregazzjonijiet jiltaqgħu fl-istess Sala tas-Saltna. Bħalma jiġri f’ħafna swali, kull sena l-aħwa kienu jbiddlu l-ħinijiet tal-laqgħat u dan kien ifisser li l-laqgħa biċ-Ċiniż kienet se ssir iktar tard nhar taʼ Ħadd. Però, dan kien ifisser ukoll li ħafna mill-immigranti li jaħdmu fir-restoranti ma kienx se jirnexxilhom jattendu. L-anzjani fil-kongregazzjonijiet l-oħra b’qalb tajba għamlu aġġustamenti sabiex il-laqgħa biċ-Ċiniż tinżamm iktar kmieni nhar taʼ Ħadd.
17. Kif għandna nħossuna meta xi wħud jagħżlu li jmorru jgħinu grupp taʼ lingwa barranija?
17 Indokraturi li jħobbu, ifaħħru lill-aħwa rġiel u nisa li huma kwalifikati u kapaċi u li jixtiequ jmorru jgħinu grupp taʼ lingwa barranija. Il-kongregazzjoni tagħhom żgur se tħoss in-nuqqas t’għalliema tal-Bibbja li għandhom l-esperjenza, imma l-indokraturi jħossuhom bħall-anzjani f’Listra u Ikonju. Dawn l-anzjani ma żammewx lura lil Timotju milli jivvjaġġa maʼ Pawlu, għalkemm Timotju kien t’għajnuna kbira fil-kongregazzjonijiet tagħhom stess. (Atti 16:1-4) Barra minn hekk, dawk li jieħdu t-tmexxija fix-xogħol taʼ l-ippridkar ma jaqtgħux qalbhom minħabba l-mentalità, id-drawwiet, jew il-manjieri differenti tal-barranin. Minflok, huma jiffaċċjaw bil-ferħ id-diversità u jfittxu modi kif jikkultivaw relazzjonijiet tajbin minħabba l-aħbar tajba.—1 Korintin 9:22, 23.
18. Liema bieb kbir għax-xogħol hu miftuħ għal kulħadd?
18 Bħalma ġie mbassar, l-aħbar tajba qed tiġi pridkata bl-“ilsna kollha tal-ġnus.” Għad hemm potenzjal taʼ l-għaġeb għal żjieda fil-qasam tal-lingwa barranija. Eluf taʼ pubblikaturi prattiċi għaddew minn dan il-“bieb kbir għax-xogħol.” (1 Korintin 16:9) Però, hemm iktar ħtiġijiet sabiex nikkultivaw dawn it-territorji, kif se naraw fl-artiklu li jmiss.
[Noti taʼ taħt]
a Pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
b Għal eżempji oħra, ara “Sagrifiċċji Żgħar Ġabulna Barkiet Kbar,” fit-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 t’April, 2004, paġni 24-8.
Tistaʼ Tispjega?
• Kif nistgħu nimitaw lil Ġeħova billi nuru imparzjalità maʼ kulħadd?
• Kif għandna nqisu lin-nies fit-territorju tagħna li ma jitkellmux il-lingwa tagħna?
• Għala huwa t’għajnuna li nippridkaw lin-nies bil-lingwa tagħhom?
• Kif nistgħu nuru interess fil-barranin li għandna fostna?
[Mappa/Stampa f’paġna 23]
Ruma
KRETA
ASJA
FRIĠJA
PAMFILJA
PONTU
KAPPADOĊJA
MESOPOTAMJA
MEDJA
PARTIJA
GĦELAM
GĦARABJA
LIBJA
EĠITTU
LHUDIJA
Ġerusalemm
[Kotra ta’ilmijiet]
Il-Baħar Mediterran
Il-Baħar l-Iswed
Il-Baħar l-Aħmar
Il-Golf Persjan
[Stampa]
F’Pentekoste tas-sena 33 E.K., nies minn 15-il reġjun madwar l-Imperu Ruman u postijiet oħra iktar ’il bogħod semgħu l-aħbar tajba bil-lingwa tagħhom
[Stampi f’paġna 24]
Ħafna barranin iwieġbu tajjeb għall-verità tal-Bibbja
[Stampa f’paġna 25]
Tabella tas-Sala tas-Saltna b’ħames lingwi