“Fittxu lil Jehovah u lil Saħħtu”
“Għax għajnejh jiġru fuq l-art kollha . . . [“biex juri saħħtu f’isem,” “NW”] dawk li qalbhom marbuta fis-sħiħ miegħu.”—2 KRONAKI 16:9.
1. X’inhi l-qawwa, u l-bnedmin kif użawha?
QAWWA tistaʼ tfisser ħafna affarijiet, bħal ngħidu aħna li wieħed ikollu kontroll, awtorità, jew influwenza fuq oħrajn; abbiltà li jaġixxi jew jipproduċi xi effett; setgħa fiżika (saħħa); jew kapaċità mentali jew morali. Ma tantx hemm x’juri li l-bnedmin użawha tajjeb il-qawwa tagħhom. Lord Acton, kittieb taʼ l-istorja, qal dan dwar il-qawwa li għandhom il-politikanti: “Il-qawwa għandha t-tendenza li tikkorrompi u qawwa assoluta tikkorrompi b’mod assolut.” L-istorja moderna hija mimlija b’eżempji li juru kemm huwa veru b’mod ġenerali l-kliem taʼ Lord Acton. Qatt daqs is-seklu 20 ma kien li l-‘bniedem ħakem fuq ieħor u għamillu l-ħsara.’ (Koħèlet 8:9) Dittaturi korrotti abbużaw kemm felħu mill-qawwa tagħhom u qerdu miljuni taʼ nies. Qawwa li m’hijiex kontrollata mill-imħabba, l-għerf, u l-ġustizzja hija perikoluża.
2. Spjega kif kwalitajiet divini oħra jeffettwaw il-mod kif Jehovah juża l-qawwa tiegħu.
2 Għall-kuntrarju taʼ ħafna bnedmin, Alla dejjem juża l-qawwa tiegħu għall-ġid. “Għax għajnejh jiġru fuq l-art kollha . . . [“biex juri saħħtu f’isem,” NW] dawk li qalbhom marbuta fis-sħiħ miegħu.” (2 Kronaki 16:9) Jehovah jidderieġi l-qawwa tiegħu b’mod kontrollat. Il-paċenzja żżomm lil Alla milli jesegwixxi ġudizzju fuq il-ħżiena biex b’hekk jagħtihom l-opportunità li jindmu. L-imħabba tqanqlu biex iġiegħel ix-xemx tiddi fuq kull xorta taʼ bnedmin—tajbin u mhux tajbin. Il-ġustizzja se tqanqlu biex fl-aħħar juża l-qawwa bla limitu tiegħu ħalli jġib fix-xejn lil dak li għandu l-mezzi biex jikkaġuna l-mewt, Satana x-Xitan.—Mattew 5:44, 45; Lhud 2:14; 2 Pietru 3:9.
3. Il-qawwa assoluta t’Alla għala hija raġuni biex wieħed jafda fih?
3 Il-qawwa taʼ l-għaġeb li għandu Missierna tas-sema hija raġuni għal fiduċja u tama—kemm fil-wegħdi tiegħu u kemm fil-protezzjoni tiegħu. Tifel ċkejken iħossu protett fost nies li ma jafhomx hekk kif iżomm id missieru, għax jaf li missieru se jipproteġih biex ma jiġrilu xejn. Bl-istess mod, Missierna tas-sema, il-wieħed li għandu tant ‘qawwa biex jgħin,’ se jipproteġina minn kwalunkwe ħsara permanenti jekk aħna nimxu miegħu. (Isaija 63:1; Mikea 6:8) U bħala Missier tajjeb, Jehovah dejjem iwettaq il-wegħdi tiegħu. Il-qawwa bla limitu tiegħu tiggarantixxi li ‘kelmtu ttemm dak li jkun bagħatha tagħmel.’—Isaija 55:11; Titu 1:2.
4, 5. (a) X’irriżulta meta s-Sultan Asa fada kompletament f’Jehovah? (b) X’jistaʼ jiġri jekk nistrieħu fuq is-soluzzjonijiet tal-bnedmin għall-problemi tagħna?
4 Għala huwa daqshekk importanti li nkunu determinati biex qatt ma nwarrbu minn quddiem għajnejna l-protezzjoni li jagħtina Missierna tas-sema? Għaliex jistaʼ jiġri li jkun hemm xi ċirkustanzi fil-ħajja li jġagħluna nċedu u ninsew min hu s-sors taʼ sigurtà veru tagħna. Dan jidher fl-eżempju tas-Sultan Asa, bniedem li ġeneralment kien jafda f’Jehovah. Matul ir-renju taʼ Asa, eżerċtu taʼ iktar minn miljun Etjopjan attakkaw lil Ġuda. Billi rrealizza kemm l-għedewwa kellhom vantaġġ militari fuqhom, Asa talab: “Mulej, m’hu xejn għalik tgħin wieħed qawwi u tgħin wieħed bla saħħa. Għinna, Mulej, Alla tagħna, fuqek nistrieħu; f’ismek ġejna kontra din il-kotra. Mulej inti Alla tagħna; . . . [“tħallix bniedem ikun,” Karm Żammit] aqwa minnek!” (2 Kronaki 14:10 [14:11, KŻ]) Jehovah qataʼ x-xewqa taʼ Asa u tah rebħa deċiżiva.
5 Madankollu, wara bosta snin taʼ servizz leali, il-fiduċja li Asa kellu f’Jehovah majnat. Biex jevita theddida li kienet ġejja mis-saltna taʼ Iżrael tat-tramuntana, hu dar lejn is-Sirja għall-għajnuna. (2 Kronaki 16:1-3) Għalkemm b’riżultat tat-tixħim li xaħħam lis-Sultan Sirjan Benħadad tneħħiet it-theddida taʼ Iżrael fuq Ġuda, il-patt li Asa għamel mas-Sirja wera nuqqas taʼ fiduċja f’Jehovah. Il-profeta Ħanani staqsieh ċar u tond: “Jaqaw ma kinux il-Kusin [“Etjopin,” KŻ] u l-Libin eżerċtu kbir b’ħafna karrijiet u rikkieba? Imma għax int striħajt fuq il-Mulej, hu rħiehom f’idejk.” (2 Kronaki 16:7, 8) Minkejja dan, Asa ma tax kasha din iċ-ċanfira. (2 Kronaki 16:9-12) Meta niffaċċjaw il-problemi, jalla ma nistriħux fuq is-soluzzjonijiet tal-bnedmin. Minflok, ejja nuru fiduċja f’Alla, għax jekk nafdaw fil-qawwa tal-bniedem, dan bla dubju se jwassal għal diżappunt.—Salm 146:3-5.
Fittex il-Qawwa li Jagħti Jehovah
6. Għala għandna ‘nfittxu lil Jehovah u lil saħħtu’?
6 Jehovah mhux biss jistaʼ jqawwi lill-qaddejja tiegħu, imma jistaʼ wkoll jipproteġihom. Il-Bibbja tħeġġiġna biex ‘infittxu lil Jehovah u lil saħħtu.’ (Salm 105:4, NW) Għala? Għaliex meta nagħmlu l-affarijiet bis-saħħa taʼ Jehovah, il-qawwa tagħna se nużawha għall-benefiċċju, u mhux għall-ħsara t’oħrajn. Imkien ma nsibu eżempju aħjar minn dak taʼ Ġesù Kristu, li wettaq tant mirakli bil-“qawwa tal-Mulej.” (Luqa 5:17) Ġesù setaʼ ddedika ħajtu biex isir sinjur, famuż, jew saħansitra l-iktar sultan setgħan. (Luqa 4:5-7) Minflok, hu uża l-qawwa li tah Alla biex iħarreġ u jgħallem, biex jgħin u jfejjaq. (Mark 7:37; Ġwann 7:46) X’eżempju mill-aħjar għalina!
7. Liema kwalità vitali nkunu qed nikkultivaw meta nagħmlu l-affarijiet bis-saħħa t’Alla minflok bis-saħħa tagħna?
7 Barra minn hekk, meta nagħmlu l-affarijiet bis-“saħħa li Alla jforni,” dan se jgħinna nibqgħu umli. (1 Pietru 4:11, NW) Nies li jfittxu l-qawwa għalihom infushom isiru prużuntużi. Eżempju taʼ dan huwa s-Sultan Assirjan Esarħaddun, li ddikjara bi ftaħir: “Jien setgħan, jien nistaʼ kollox, jien eroj, jien ġgant, jien kolossali.” B’kuntrast, Jehovah “għażel id-dgħajfa tad-dinja biex iħawwad il-qawwija.” B’hekk, jekk Kristjan jiftaħar, hu jiftaħar b’Jehovah, għax jaf li dak li jkun għamel ma ġiex imwettaq bis-saħħa tiegħu. Jekk ‘numiljaw ruħna taħt l-id setgħana taʼ Alla,’ dan verament se jeżaltana.—1 Korintin 1:26-31; 1 Pietru 5:6.
8. L-ewwel, x’irridu nagħmlu biex nirċievu l-qawwa taʼ Jehovah?
8 Kif nistgħu niksbu s-saħħa mingħand Alla? L-ewwel, irridu nitolbu għaliha. Ġesù żgura lid-dixxipli tiegħu li Missieru kien se jagħti l-ispirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu. (Luqa 11:10-13) Ikkunsidra kif dan mela lid-dixxipli taʼ Kristu bil-qawwa meta huma għażlu li jobdu lil Alla iktar milli jobdu lill-mexxejja reliġjużi li kienu ordnawlhom biex jieqfu jxandru dwar Ġesù. Meta talbu għall-għajnuna taʼ Jehovah, it-talba sinċiera tagħhom ġiet mismugħa, u l-ispirtu qaddis tahom il-qawwa biex ikomplu jippridkaw l-aħbar tajba bil-qlubija.—Atti 4:19, 20, 29-31, 33.
9. Semmi t-tieni sors taʼ saħħa spiritwali, u rrakkonta eżempju Skritturali biex turi kemm dan hu effettiv.
9 It-tieni, nistgħu niksbu saħħa spiritwali mill-Bibbja. (Lhud 4:12) Il-qawwa tal-kelma t’Alla kienet evidenti fi żmien is-Sultan Ġosija. Għalkemm dan is-sultan Ġudean kien diġà neħħa l-idoli pagani mill-pajjiż, l-iskoperta għal għarrieda li għamel meta sab il-Liġi taʼ Jehovah fit-tempju qanqlitu biex jintensifika dan il-programm taʼ tindif.a Wara li Ġosija kien qara personalment il-Liġi lin-nies, il-ġens kollu kemm hu għamel patt maʼ Jehovah, u ngħata bidu għat-tieni kampanja, iktar entużjażmanti, kontra l-idolatrija. Ir-riżultat mill-aħjar tar-riforma li għamel Ġosija kienet li “kemm dam ħaj hu ma warrbux mill-Mulej.”—2 Kronaki 34:33.
10. X’inhu t-tielet mod li bih niksbu s-saħħa mingħand Jehovah, u dan għala huwa vitali?
10 It-tielet, aħna niksbu s-saħħa mingħand Jehovah permezz taʼ sħubija Kristjana. Pawlu inkuraġġixxa lill-Kristjani biex jattendu għal-laqgħat regolarment sabiex ‘iħajru lil xulxin għall-imħabba u għall-għemil tajjeb’ u biex jinkuraġġixxu lil xulxin. (Lhud 10:24, 25) Meta Pietru nħeles b’mod mirakoluż mill-ħabs, hu ried ikun maʼ ħutu, u għalhekk mar dritt lejn id-dar t’omm Ġwanni Marku, fejn “kien hemm ħafna miġbura jitolbu flimkien.” (Atti 12:12) M’għandniex xi ngħidu, ilkoll kemm huma setgħu baqgħu d-dar jitolbu. Imma għażlu li jiltaqgħu flimkien biex jitolbu u jinkuraġġixxu lil xulxin matul dak iż-żmien diffiċli. Meta Pawlu kien wasal biex itemm il-vjaġġ twil u mimli perikli tiegħu għal Ruma, hu ltaqaʼ maʼ xi aħwa minn Putijoli u iktar tard m’oħrajn li kienu vvjaġġaw biex imorru jiltaqgħu miegħu. X’kienet ir-reazzjoni tiegħu? “Malli rahom [lil dawn], Pawlu radd il-ħajr ’l Alla u qawwa qalbu.” (Atti 28:13-15) Hu ssaħħaħ minħabba l-fatt li kien għal darb’oħra maʼ sħabu l-Kristjani. Aħna wkoll nistgħu niksbu saħħa minn sħubija maʼ sħabna l-Kristjani. Sakemm għandna l-libertà u nistgħu nassoċjaw flimkien, ma rridux nipprovaw nimxu waħedna fit-triq id-dejqa li twassal għall-ħajja.—Proverbji 18:1; Mattew 7:14.
11. Semmi xi ċirkustanzi fejn b’mod partikulari tkun meħtieġa “qawwa iktar min-normal.”
11 Billi nitolbu, nistudjaw il-Kelma t’Alla, u nassoċjaw maʼ sħabna fit-twemmin regolarment, aħna nibqgħu ‘nissaħħu fil-Mulej u fil-qawwa tas-setgħa tiegħu.’ (Efesin 6:10, KŻ) Ilkoll kemm aħna bla dubju neħtieġu li ‘nissaħħu fil-Mulej.’ Xi wħud ibatu minħabba mard kiefer, oħrajn minħabba l-effetti distruttivi tax-xjuħija jew minħabba li jkun mitilhom is-sieħeb jew is-sieħba tagħhom. (Salm 41:3, KŻ) Oħrajn jissaportu oppożizzjoni mingħand is-sieħeb jew is-sieħba tagħhom li m’humiex taʼ l-istess twemmin tagħhom. Il-ġenituri, speċjalment dawk li jrabbu t-tfal waħedhom, jistgħu jħossuhom eżawriti minħabba li flimkien mar-responsabbiltà li jrabbu l-familja jkollhom xogħol sekulari full-time. Żgħażagħ Kristjani għandhom bżonn is-saħħa biex jieqfu għall-pressjonijiet minn dawk taʼ mparhom u biex jgħidu le għad-drogi u għall-immoralità. Ħadd m’għandu jistħi biex jitlob lil Jehovah għall-“qawwa iktar min-normal” biex ikampa maʼ sfidi bħal dawn.—2 Korintin 4:7, NW.
“Jagħti l-Qawwa lill-Għajjien”
12. Jehovah kif isostnina fil-ministeru Kristjan?
12 Iżjed minn hekk, Jehovah jagħti l-qawwa lill-qaddejja tiegħu meta huma jwettqu l-ministeru tagħhom. Fil-profezija taʼ Isaija naqraw: “Hu li jagħti l-qawwa lill-għajjien, u jkattar il-qawwa lil min hu bla saħħa. . . . Dawk li jittamaw fil-Mulej jieħdu saħħithom, itellgħu l-ġwienaħ bħall-ajkli, jiġru bla ma jegħjew, jimxu bla ma jintelqu.” (Isaija 40:29-31) L-appostlu Pawlu rċieva personalment qawwa biex iwettaq il-ministeru tiegħu. B’riżultat taʼ dan, il-ministeru tiegħu kien effettiv. Lill-Kristjani f’Tessalonika kitbilhom: “L-Evanġelju tagħna lilkom ma kienx biss bil-kliem, imma wkoll bil-qawwa, bl-Ispirtu s-Santu.” (1 Tessalonikin 1:5) L-ippridkar u t-tagħlim tiegħu kellhom il-qawwa li jwettqu bidliet kbar fil-ħajjiet taʼ dawk li semgħuh.
13. X’kien li saħħaħ lil Ġeremija biex jippersevera minkejja oppożizzjoni?
13 Meta nħabbtu wiċċna maʼ spirtu taʼ indifferenza fit-territorju tagħna—territorju li forsi min jaf kemm ilna nippridkaw fih u ftit li xejn insibu interess—għandu mnejn li nibdew naqtgħu qalbna. Anki Ġeremija ħassu skuraġġit minħabba l-oppożizzjoni, it-tagħjir, u l-apatija li ltaqaʼ magħhom. “Ma nsemmihx aktar [lil Alla], ma nitkellimx aktar f’ismu,” qal bejnu u bejn ruħu. Imma ma setax jibqaʼ sieket. Il-messaġġ tiegħu kien ‘bħal nar jaqbad, magħluq f’għadmu.’ (Ġeremija 20:9) X’kien li reġaʼ tah il-qawwa meta kien għaddej minn dan iż-żmien t’għawġ kbir? “Jehovah kien miegħi bħal wieħed setgħan tal-biżaʼ.” (Ġeremija 20:11, NW) L-apprezzament li Ġeremija kellu għall-importanza vitali tal-messaġġ tiegħu u għall-inkarigu mogħti lilu minn Alla ġagħluh iwieġeb għall-inkuraġġiment taʼ Jehovah.
Qawwa li Tweġġaʼ u Qawwa li Ddewwi
14. (a) L-ilsien kemm hu strument qawwi? (b) Agħti xi eżempji biex turi l-ħsara li jistaʼ jagħmel l-ilsien.
14 Mhux il-qawwa kollha li għandna tiġi direttament minn Alla. L-ilsien, per eżempju, għandu l-qawwa li jweġġaʼ kif ukoll li jdewwi. “Il-mewt u l-ħajja huma fil-qawwa taʼ l-ilsien,” iwissi Salamun. (Proverbji 18:21, NW) Ir-riżultati tal-konversazzjoni qasira li Satana kellu maʼ Eva juru li l-kliem jistaʼ jagħmel straġi sħiħa. (Ġenesi 3:1-5; Ġakbu 3:5) Aħna wkoll nistgħu nagħmlu ħafna ħsara bl-ilsien. Kummenti negattivi dwar kemm tfajla għandha piż żejjed jistgħu jwassluha għall-marda taʼ l-anoreksja. Tqassis li jingħad bla ħsieb taʼ xejn jistaʼ jħassar ħbiberija li tkun ilha s-snin. Iva, l-ilsien għandu bżonn jiġi kontrollat.
15. Kif nistgħu nużaw ilsienna biex nibnu u biex indewwu?
15 Madankollu, l-ilsien jistaʼ kemm jibni kif ukoll ikisser. Il-qawl Bibliku jgħid: “Min iqassas b’ilsienu jinfed bħal sejf, imma lsien l-għorrief idewwi.” (Proverbji 12:18) Kristjani għaqlin jużaw il-qawwa taʼ l-ilsien biex ifarrġu lil uħud dipressi u mnikktin. Kliem kollu mogħdrija jistaʼ jinkuraġġixxi lill-adolexxenti li qegħdin jissieltu mal-pressjoni minn dawk taʼ mparhom. Jekk l-ilsien jintuża bil-ħsieb, dan jistaʼ juri lill-aħwa mdaħħlin fiż-żmien kemm huma għadhom utli u maħbubin. Kliem ħanin jistaʼ jferraħ qalb dawk li huma morda. Fuq kollox, nistgħu nużaw ilsienna biex naqsmu l-messaġġ tant qawwi tas-Saltna maʼ dawk kollha li jridu jisimgħuh. Aħna jistaʼ jkollna l-qawwa li nxandru l-Kelma t’Alla jekk dan nagħmluh b’qalbna kollha. Il-Bibbja tgħid: “Min ħaqqu l-ġid tiċħadhulux, meta dan tistaʼ tagħmlu.”—Proverbji 3:27.
L-Użu Xieraq tal-Qawwa
16, 17. L-anzjani, il-ġenituri,u l-irġiel u n-nisa miżżewġin kif jistgħu jimitaw lil Jehovah meta jeżerċitaw l-awtorità li tahom Alla?
16 Għalkemm Jehovah jistaʼ kollox, hu jaħkem fuq il-kongregazzjoni bl-imħabba. (1 Ġwann 4:8) Biex jimitawh, l-indokraturi Kristjani jieħdu ħsieb il-merħla t’Alla bl-imħabba—billi jużaw, mhux jabbużaw mill-awtorità tagħhom. Veru li l-indokraturi xi kultant ikollhom bżonn ‘iċanfru, iwiddbu, u jwissu,’ imma dan jagħmluh “bis-sabar kollu u bit-tagħlim.” (2 Timotju 4:2) Għalhekk, l-anzjani jimmeditaw spiss fuq il-kliem li l-appostlu Pietru kiteb lil dawk li għandhom awtorità fil-kongregazzjoni: “Irgħu l-merħla taʼ Alla fdata f’idejkom. Ħudu ħsiebha, mhux bilfors, imma minn qalbkom, kif irid Alla; mhux għall-qligħ baxx, imma bil-ħeġġa taʼ l-imħabba; mhux bħallikieku taħkmu bil-qawwa fuq dawk li . . . [“huma l-wirt t’Alla,” NW], imma billi tkunu eżempju tal-merħla.”—1 Pietru 5:2, 3; 1 Tessalonikin 2:7, 8.
17 Il-ġenituri u l-irġiel miżżewġin ukoll għandhom awtorità mogħtija lilhom minn Jehovah, u din il-qawwa għandha tiġi wżata biex tgħin, tmantni, u tgħożż. (Efesin 5:22, 28-30; 6:4) L-eżempju taʼ Ġesù juri li l-awtorità tistaʼ tiġi eżerċitata b’mod effettiv u bl-imħabba. Jekk id-dixxiplina tkun bilanċjata u konsistenti, it-tfal ma jaqtgħux qalbhom. (Kolossin 3:21) Iż-żwiġijiet jissaħħu meta l-irġiel Kristjani miżżewġin jeżerċitaw l-istat tagħhom taʼ kap bl-imħabba u n-nisa jirrispettaw profondament lil żwieġhom bħala l-kapijiet tagħhom, minflok ma jabbużaw mill-abbiltà li tahom Alla li jinfluwenzaw lil żwieġhom billi jużawha biex jiddominaw jew jagħmlu taʼ rashom.—Efesin 5:28, 33; 1 Pietru 3:7.
18. (a) Kif nistgħu nimitaw l-eżempju taʼ Jehovah f’li nikkontrollaw ir-rabja tagħna? (b) Dawk li għandhom awtorità x’għandhom jipprovaw inaqqxu fi qlub dawk li qegħdin taħt il-ħarsien tagħhom?
18 Dawk li għandhom l-awtorità fil-familja u fil-kongregazzjoni għandhom speċjalment ikunu attenti li jikkontrollaw ir-rabja tagħhom, ladarba r-rabja tqanqal il-biżaʼ u mhux l-imħabba. Il-profeta Naħum qal: “Il-Mulej tqil biex jagħdab, għalkemm kbir fil-qawwa.” (Naħum 1:3; Kolossin 3:19) Jekk nikkontrollaw ir-rabja, nuru kemm aħna b’saħħitna, filwaqt li jekk inħalluha tirbaħna, din tkun prova taʼ kemm aħna dgħajfin. (Proverbji 16:32) Kemm fil-familja u kemm fil-kongregazzjoni, il-mira hi li nkebbsu l-imħabba—l-imħabba lejn Jehovah, l-imħabba lejn xulxin, u l-imħabba lejn il-prinċipji tajbin. L-imħabba hija l-iktar rabta b’saħħitha li tgħaqqadna flimkien u l-iktar forza b’saħħitha li tqanqalna nagħmlu dak li hu tajjeb.—1 Korintin 13:8, 13; Kolossin 3:14.
19. Jehovah liema assiguranza li tfarraġna jagħtina, u kif nistgħu nwieġbu?
19 Li tkun taf lil Jehovah jfisser li tirrikonoxxi l-qawwa tiegħu. Permezz taʼ Isaija, Jehovah qal: “Jaqaw ma tafx, lanqas ma smajt, ‘Il-Mulej hu Alla taʼ dejjem, il-ħallieq taʼ truf l-art?’ Ma jegħja qatt, u ma jinkeddx.” (Isaija 40:28) Il-qawwa taʼ Jehovah ma tispiċċa qatt. Jekk nistrieħu fuqu u mhux fuqna nfusna, hu mhux se jabbandunana. Hu jassigurana: “La tibżax, għax miegħek jien! La titħassibx, għax Alla tiegħek jien! Jiena . . . [“nsaħħek,” KŻ], jien ngħinek; nwieżnek bil-leminija rebbieħa tiegħi!” (Isaija 41:10) Kif għandna nwieġbu għall-attenzjoni kollha mħabba tiegħu? Bħal Ġesù, ejja dejjem nużaw kwalunkwe qawwa li Jehovah jagħtina biex ngħinu u nibnu lil oħrajn. Jalla nikkontrollaw ilsienna sabiex idewwi u mhux biex iweġġaʼ lil ħaddieħor. U jalla dejjem nibqgħu mqajmin spiritwalment, nibqgħu sodi fil-fidi, u nissaħħu permezz tal-qawwa tal-Ħallieq Grandjuż tagħna, Alla Jehovah.—1 Korintin 16:13.
[Nota taʼ taħt]
a Milli jidher, il-Lhud skoprew il-kopja oriġinali tal-Liġi taʼ Mosè, li kienet tħalliet fit-tempju sekli qabel.
Tistaʼ Tispjega?
• Jehovah kif jużaha l-qawwa tiegħu?
• B’liema modi nistgħu aħna niksbu l-qawwa taʼ Jehovah?
• Il-qawwa taʼ l-ilsien kif tistaʼ tiġi wżata?
• L-awtorità mogħtija minn Alla kif tistaʼ tkun barka?
[Stampa f’paġna 15]
Ġesù uża s-saħħa mingħand Jehovah biex jgħin lil oħrajn
[Stampi f’paġna 17]
Aħna jistaʼ jkollna l-qawwa li nxandru l-Kelma t’Alla jekk dan nagħmluh b’qalbna kollha