LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w00 12/1 pp. 9-14
  • Jehovah Jagħti l-Qawwa lill-Għajjien

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Jehovah Jagħti l-Qawwa lill-Għajjien
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Meħtieġa Iktar minn Qawwa Normali
  • ‘Jehovah Hu l-​Enerġija Vitali Tagħna’
  • Provvedimenti Spiritwali li Jimlewna bl-​Enerġija
  • Il-​Kongregazzjoni Għajnuna li Ssaħħaħna
  • Imsaħħin mill-​Ministeru taʼ l-​Għalqa
  • Inkomplu bis-​Saħħa li Jagħtina Jehovah
  • “Hu li Jagħti l-Qawwa lill-Għajjien”
    Il-Ministeru tas-Saltna—2007
  • “Fittxu lil Jehovah u lil Saħħtu”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Jehovah Jagħti l-Qawwa
    Il-Ministeru tas-Saltna—2001
  • Mogħtijin il-Qawwa Biex Nirreżistu t-Tentazzjoni u Nkampaw mal-Iskuraġġiment
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
w00 12/1 pp. 9-14

Jehovah Jagħti l-​Qawwa lill-​Għajjien

“[Jehovah] jagħti l-​qawwa lill-​għajjien, u jkattar il-​qawwa lil min hu bla saħħa [jew, enerġija dinamika].”​—ISAIJA 40:29.

1. Agħti eżempju tal-​qawwa li hemm fl-​affarijiet li ħalaq Alla.

JEHOVAH għandu qawwa bla limitu. U kemm enerġija dinamika nsibu fl-​affarijiet li ħalaq! Id-​daqsxejn taʼ atomu li minnu huma mibnijin l-​affarijiet kollha, tant hu ċkejken, li qatra ilma waħda fiha mitt biljun atomu għal biljun darba.a Il-​ħajja kollha fuq il-​globu tagħna tiddependi mill-​enerġija li tiġġenera permezz taʼ reazzjonijiet atomiċi fix-​xemx. Imma kemm hemm bżonn taʼ enerġija mix-​xemx biex issostni l-​ħajja fuq l-​art? Id-​dinja tirċievi biss farka mill-​enerġija kollha li tipproduċi x-​xemx. Minkejja dan, din in-​nitfa enerġija mix-​xemx li taqaʼ fuq id-​dinja hi bla qjies meta tqabbilha maʼ l-​enerġija kollha li tintuża fl-​industriji tad-​dinja.

2. Isaija 40:26 x’qiegħed fil-​fatt jgħid dwar il-​qawwa taʼ Jehovah?

2 Sew jekk naħsbu dwar l-​atomu u sew jekk nitfgħu l-​attenzjoni tagħna fuq l-​univers bla tarf, aħna nibqgħu impressjonati bil-​qawwa taʼ l-​għaġeb li għandu Jehovah. Mhux taʼ b’xejn li hu setaʼ jgħid: “Erfgħu għajnejkom ’il fuq u araw: min ħalaqhom dawn il-​ħlejjaq kollha? Imexxi u jgħodd l-​eżerċti tiegħu, u jsejjħilhom b’isimhom wieħed wieħed. Bis-​saħħa taʼ qawwietu [jew, l-​enerġija dinamika tiegħu], bil-​qawwa taʼ setgħetu, ħadd minnhom ma jonqos”! (Isaija 40:26) Iva, Jehovah għandu saħħa bla tarf, u hu s-​Sors taʼ l-​enerġija dinamika li ntużat biex inħoloq l-​univers.

Meħtieġa Iktar minn Qawwa Normali

3, 4. (a) X’inhuma xi fatturi li jistgħu jġagħluna nħossuna għajjenin? (b) Liema mistoqsija nagħmlu tajjeb li nikkunsidraw?

3 Għalkemm Alla għandu qawwa bla limitu, madankollu l-​bnedmin malajr jgħejjew. Kulfejn tħares tistaʼ tara nies għajjenin. Iqumu għajjenin, imorru x-​xogħol jew l-​iskola għajjenin, jiġu lura d-​dar għajjenin, u meta jidħlu fis-​sodda mhux biss ikunu għajjenin imma eżawriti. Xi wħud jixtiequ jmorru xi mkien fejn ikunu jistgħu jieħdu dak il-​ftit mistrieħ li tant ikollhom bżonn. Bħala qaddejja taʼ Jehovah aħna wkoll inkunu għajjenin għax biex ngħixu l-​ħajja tagħna taʼ devozzjoni lejn Alla jeħtieġ li nitħabtu b’kemm għandna saħħa. (Mark 6:​30, 31; Luqa 13:24; 1 Timotju 4:8) U hemm ħafna fatturi oħra li jiħdulna saħħitna.

4 Il-​fatt li aħna Kristjani ma jfissirx li aħna meħlusin mill-​problemi li jkollhom in-​nies in ġenerali. (Ġob 14:1) Il-​mard, il-​problemi finanzjarji, jew xi diffikultajiet oħrajn li nġarrbu f’ħajjitna jistgħu jiskuraġġuna, u anki jdgħajfuna. Barra minn dawn l-​isfidi hemm ukoll il-​provi li jiffaċċjaw dawk li jiġu persegwitati minħabba s-​sewwa. (2 Timotju 3:​12; 1 Pietru 3:​14) Minħabba l-​pressjonijiet li jkollna kuljum mid-​dinja u l-​oppożizzjoni li nsibu meta nxandru l-​aħbar tajba tas-​Saltna, xi wħud minna tant inkunu għajjenin li nħossuna rridu nnaqqsu l-​pass fis-​servizz taʼ Jehovah. Barra minn hekk, Satana x-​Xitan qed juża kull mezz għad-​dispożizzjoni tiegħu biex iġagħalna niksru l-​integrità tagħna lejn Alla. Allura, kif nistgħu niksbu s-​saħħa spiritwali li għandna bżonn biex iżżommna milli ngħajjew u naqtgħu qalbna?

5. Għala għandna bżonn iktar minn saħħa umana biex inwettqu l-​ministeru Kristjan?

5 Għas-​saħħa spiritwali rridu nistrieħu fuq Jehovah, il-​Ħallieq li jistaʼ kollox. L-​appostlu Pawlu wera li l-​ministeru Kristjan kien jirrikjedi iktar mill-​qawwa normali li għandhom bnedmin imperfetti. Hu kiteb: “Dan it-​teżor qiegħed għandna f’ġarar tal-​fuħħar, ħalli b’hekk jidher sewwa li l-​kobor taʼ din il-​qawwa ġej minn Alla, u mhux minna.” (2 Korintin 4:7) Il-​Kristjani midlukin qed iwettqu “l-​ministeru taʼ din il-​ħbiberija tal-​bnedmin maʼ Alla” bl-​appoġġ taʼ sħabhom li għandhom it-​tama li jgħixu fuq l-​art. (2 Korintin 5:​18; Ġwann 10:16; Apokalissi 7:9) Ladarba aħna l-​bnedmin imperfetti qed inwettqu x-​xogħol t’Alla minkejja li niffaċċjaw il-​persekuzzjoni, ma jistax ikun li qed nagħmlu dan sempliċement bis-​saħħa tagħna stess. Jehovah qiegħed jgħinna permezz taʼ l-​ispirtu qaddis tiegħu, u b’hekk minħabba d-​dgħjufija tagħna jidher ċar kemm hi kbira l-​qawwa tiegħu. Kemm tfarraġna l-​assiguranza li ‘l-​Mulej iwieżen lit-​tajbin’!—Salm 37:​17, Saydon.

‘Jehovah Hu l-​Enerġija Vitali Tagħna’

6. L-​Iskrittura kif tiżgurana li Jehovah hu s-​Sors tal-​qawwa tagħna?

6 Missierna tas-​sema għandu saħħa bla tarf u jistaʼ faċilment jimliena bl-​enerġija. Fil-​fatt il-​Bibbja tgħidilna: “[Jehovah] jagħti l-​qawwa lill-​għajjien, u jkattar il-​qawwa lil min hu bla saħħa [jew, enerġija dinamika]. Jintelqu ż-​żgħażagħ u jegħjew, fl-​aħjar tagħhom jogħtru l-​irġiel. Imma dawk li jittamaw fil-​Mulej jieħdu saħħithom, itellgħu l-​ġwienaħ bħall-​ajkli, jiġru bla ma jegħjew, jimxu bla ma jintelqu.” (Isaija 40:​29-31) Minħabba l-​pressjonijiet li dejjem jiżdiedu, xi drabi forsi nħossuna bħal xi ġerrej eżawrit li ma jkunx jiflaħ joqgħod fuq riġlejh. Imma t-​tmiem tat-​tellieqa għall-​ħajja jinsab preċiż quddiemna, u ma rridux inċedu. (2 Kronaki 29:11) L-​Għadu tagħna, ix-​Xitan, qiegħed jgħarrex “qisu ljun jgħajjat,” u jrid iwaqqafna. (1 Pietru 5:8) Ejja niftakru li ‘l-​Mulej hu l-​qawwa tagħna u t-​tarka tagħna.’ Ma rridux ninsew ukoll li hu għamel ħafna provvedimenti biex ‘jagħti l-​qawwa lill-​wieħed għajjien.’—Salm 28:7.

7, 8. Liema provi hemm li Jehovah saħħaħ lil David, lil Ħabakkuk, u lil Pawlu?

7 Jehovah ta lil David il-​qawwa li kellu bżonn biex ma jaqtax qalbu minkejja l-​ostakli kbar li ħabbat wiċċu magħhom. B’fidi soda u fiduċja sħiħa, David kiteb: “B’Alla aħna nagħmlu l-​ħila [jew, niksbu l-​enerġija vitali], u Hu jrażżan l-​għedewwa tagħna.” (Salm 60:​14, Saydon [60:​12, NW]) Jehovah ta wkoll l-​enerġija lil Ħabakkuk sabiex ikun jistaʼ jtemm l-​inkarigu tiegħu bħala profeta. Ħabakkuk 3:19 jgħid: “Il-​Mulej Sidi huwa l-​qawwa [jew, l-​enerġija vitali] tiegħi; riġlejja jagħmilhomli bħal taċ-​ċriev u fuq l-​għoljiet jeħodni.” Taʼ min jinnota wkoll l-​eżempju taʼ Pawlu li kiteb: “Għal kollox niflaħ bis-​saħħa taʼ dak [Alla] li jqawwini.”—Filippin 4:13.

8 Bħal David, Ħabakkuk, u Pawlu aħna wkoll għandna nuru fidi fl-​abbiltà li għandu Alla biex isaħħaħna u fil-​qawwa tiegħu biex isalvana. Billi aħna konxji li l-​Mulej Sovran Jehovah hu s-​Sors tal-​“qawwa” u l-​enerġija vitali tagħna, ejja issa nikkunsidraw xi modi kif nistgħu niksbu s-​saħħa spiritwali mill-​provvedimenti li Alla tant jagħtina b’abbundanza.

Provvedimenti Spiritwali li Jimlewna bl-​Enerġija

9. Il-​pubblikazzjonijiet Kristjani kemm huma importanti biex isostnuna?

9 Jekk inħabirku biex nistudjaw l-​Iskrittura bl-​għajnuna taʼ pubblikazzjonijiet Kristjani, dan jistaʼ jimliena bl-​enerġija u jsostnina. Is-​salmista kanta: “Hieni l-​bniedem li . . . fil-​liġi tal-​Mulej hi l-​għaxqa tiegħu, lejl u nhar [jaqra u] jaħseb fil-​liġi tiegħu. Hu bħal siġra mħawwla ħdejn nixxigħat taʼ l-​ilma li tagħmel il-​frott fi żmienha, u l-​weraq tagħha ma jidbielx; hu jirnexxi f’kull ma jagħmel.” (Salm 1:​1-3) Sewwa sew bħalma għandna bżonn nieklu biex nibqgħu f’saħħitna fiżikament, hekk ukoll għandna bżonn nieħdu l-​ikel spiritwali, li Alla jipprovdilna permezz tal-​Kelma tiegħu u taʼ pubblikazzjonijiet Kristjani, biex nibqgħu f’saħħitna spiritwalment. Għaldaqstant, huwa essenzjali li nistudjaw u nimmeditaw bis-​serjetà kollha.

10. Meta nistgħu nsibuh il-​ħin biex nistudjaw u nimmeditaw?

10 M’hemm ebda dubju li hu premjanti li nimmeditaw fuq l-​affarijiet profondi t’Alla. (1 Korintin 2:10) Imma meta nistgħu nsibuh il-​ħin biex nimmeditaw? Iżakk, bin Abraham, “ħareġ biex jimmedita fir-​rabaʼ għal filgħaxija.” (Ġenesi 24:​63-67, Karm Żammit) Is-​salmista David immedita u ‘ħaseb fuq Alla fis-​sahriet tal-​lejl.’ (Salm 63:7 [63:​6, NW]) Aħna nistgħu nistudjaw il-​Kelma t’Alla u nimmeditaw fuqha fil-​għodu, fil-​għaxija, jew bil-​lejl; kull x’ħin irridu. Jekk nistudjaw u nimmeditaw aħna se nkunu nistgħu ngawdu provvediment ieħor li jsaħħaħna mingħand Jehovah. Dan hu t-​talb.

11. Għala għandna nqisu t-​talb bħala xi ħaġa importanti ferm?

11 Talb regulari lil Alla jgħinna biex nimtlew bl-​enerġija. Għalhekk jalla ‘nitolbu bla waqfien.’ (Rumani 12:12) Xi kultant, meta nkunu għaddejjin minn xi prova, jeħtieġ li nitolbu speċifikament għall-​għerf u għas-​saħħa li jkollna bżonn biex inkunu nistgħu nibqgħu sodi. (Ġakbu 1:​5-8) Ejja wkoll infaħħru u nirringrazzjaw lil Alla meta naraw l-​iskopijiet tiegħu jitwettqu, jew meta jsaħħaħna biex inkomplu bla ma naqtgħu qalbna fis-​servizz tiegħu. (Filippin 4:​6, 7) Jekk nibqgħu qrib taʼ Jehovah permezz tat-​talb, hu qatt ma se jabbandunana. “Ara,” kanta David, “Alla l-​għajnuna tiegħi.”—Salm 54:6 [54:​4, NW].

12. Għala għandna nitolbu lil Alla biex jagħtina l-​ispirtu qaddis tiegħu?

12 Missierna tas-​sema jimliena bl-​enerġija u jsaħħaħna permezz taʼ l-​ispirtu qaddis, jew forza attiva, tiegħu. Pawlu kiteb: “Jiena ninżel għarkobbtejja quddiem il-​Missier . . . biex skond l-​għana tal-​glorja tiegħu, jagħtikom li bil-​qawwa tiegħu permezz taʼ l-​Ispirtu tiegħu, tissaħħu fil-​bniedem taʼ ġewwa.” (Efesin 3:​14-16) Għandna nitolbu għall-​ispirtu qaddis, u jkollna l-​fiduċja li Jehovah se jberikna u jagħtihulna. Ġesù rraġuna hekk: Jekk tfajjel ċkejken jitlob ħuta lil missieru li tant iħobbu, dan se jagħtih serp? Ibqaʼ ċert li le! Għaldaqstant, hu kkonkluda: “Mela jekk intom, nies [midinbin u għalhekk ftit jew wisq] ħżiena . . . tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-​Missier mis-​smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!” (Luqa 11:​11-13) Ejja nitolbu b’fiduċja sħiħa u niftakru dejjem li l-​qaddejja leali t’Alla jistgħu ‘jissaħħu’ bil-​qawwa permezz taʼ l-​ispirtu tiegħu.

Il-​Kongregazzjoni Għajnuna li Ssaħħaħna

13. Kif għandna nqisuhom il-​laqgħat Kristjani?

13 Jehovah jimliena bl-​enerġija permezz tal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni Kristjana. Ġesù qal: “Għax fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom.” (Mattew 18:20) Meta Ġesù għamel din il-​wegħda, hu kien qiegħed jiddiskuti affarijiet li kienu jeħtieġu l-​attenzjoni taʼ dawk li kellhom it-​tmexxija fil-​kongregazzjoni. (Mattew 18:​15-19) Madankollu, il-​prinċipju taʼ dan il-​kliem japplika għal-​laqgħat, l-​assembleat, u l-​konvenzjonijiet tagħna, li kollha kemm huma jibdew u jispiċċaw b’talba f’ismu. (Ġwann 14:14) Għalhekk huwa privileġġ li nattendu għal dawn il-​laqgħat Kristjani, kemm jekk ikun hemm ftit u kemm jekk ikun hemm ħafna preżenti. Mela ejja nuru li aħna grati għal dawn l-​okkażjonijiet li huma mfasslin biex isaħħuna spiritwalment u jħajruna biex inħobbu u nagħmlu affarijiet tajbin.—Lhud 10:​24, 25.

14. Liema benefiċċju niksbu mill-​isforzi li jagħmlu l-​anzjani Kristjani?

14 L-​anzjani Kristjani jipprovdu għajnuna spiritwali u inkuraġġiment. (1 Pietru 5:​2, 3) Pawlu kien jgħin u jinkuraġġixxi lill-​kongregazzjonijiet, bħalma jagħmlu l-​indokraturi li jivvjaġġaw illum. Fil-​fatt, hu kien ikollu sebaʼ mitt sena sakemm jiltaqaʼ maʼ ħutu spiritwali sabiex ikunu jistgħu jinkuraġġixxu lil xulxin. (Atti 14:​19-22; Rumani 1:​11, 12) Jalla dejjem nuru apprezzament lejn l-​anzjani tal-​kongregazzjoni tagħna u l-​indokraturi Kristjani l-​oħra, li għandhom sehem kbir f’li jsaħħuna spiritwalment.

15. Sħabna fil-​kongregazzjoni kif juru li huma taʼ “faraġ kbir” għalina?

15 Sħabna Kristjani fil-​kongregazzjoni tagħna jistgħu jkunu taʼ “faraġ kbir” għalina. (Kolossin 4:​10, 11) Bħala ‘ħbieb veri’ jistgħu jgħinuna fi żmien taʼ niket. (Proverbji 17:17) Per eżempju, fl-​1945, 220 qaddej t’Alla ġew maħruġin mill-​kamp tal-​konċentrament taʼ Sachsenhausen u kellhom jivvjaġġaw 200 kilometru taħt għassa stretta minn Nazi. Huma vvjaġġaw fi grupp, u dawk li kienu l-​iktar b’saħħithom rikkbu lil dawk dgħajfin fuq karrettuni żgħar u ġibduhom. X’kien ir-​riżultat? Din il-​mixja lejn il-​mewt swiet il-​ħajjiet taʼ iktar minn 10,000 ruħ li kienu fl-​istess kamp tal-​konċentrament maʼ dawn ix-​Xhieda, imma ħadd mix-​Xhieda taʼ Jehovah ma miet! Rakkonti bħal dawn, li jidhru fil-​pubblikazzjonijiet tal-​Watch Tower, inkluż il-​Yearbook of Jehovah’s Witnesses u Jehovah’s Witnesses​—Proclaimers of God’s Kingdom, huma prova taʼ kemm Alla jagħti l-​qawwa lin-​nies tiegħu sabiex ma jaqtgħux qalbhom.—Galatin 6:9.b

Imsaħħin mill-​Ministeru taʼ l-​Għalqa

16. Is-​sehem regulari tagħna fil-​ministeru kif isaħħaħna spiritwalment?

16 Is-​sehem regulari tagħna fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna jsaħħaħna spiritwalment. Din l-​attività tgħinna niffokaw fuq is-​Saltna t’Alla u nżommu quddiem għajnejna l-​eternità u l-​prospetti mberkin li din se ġġib magħha. (Ġuda 20, 21) Il-​wegħdi tal-​Bibbja li nitkellmu dwarhom fil-​ministeru tagħna jagħtuna tama u jistgħu jgħinuna biex inkunu determinati bħalma kien il-​profeta Mikea, li qal: “Aħna nimxu f’isem il-​Mulej, Alla tagħna, għal dejjem taʼ dejjem.”—Mikea 4:5.

17. Liema suġġerimenti ningħataw rigward l-​istudji tal-​Bibbja?

17 Iktar ma nużaw l-​Iskrittura biex ngħallmu lil oħrajn iktar se tissaħħaħ ir-​relazzjoni tagħna maʼ Jehovah. Per eżempju, meta nkunu qed nistudjaw il-​Bibbja maʼ xi ħadd permezz tal-​ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-​Ħajja Taʼ Dejjem, ikun għaqli li naqraw u niddiskutu xi ftit skritturi li jkunu ċitati. Dan jgħin lil dak li jkun qed jistudja u se jgħin lilna stess intejbu l-​fehma spiritwali tagħna. Jekk dak li jkun qed jistudja jsibha diffiċli biex jifhem xi ħaġa mill-​Bibbja, jew xi tixbieha, ikun hemm bżonn li l-​kapitlu li jkun qed jiġi studjat mill-​ktieb Għarfien jinqasam f’iktar minn sessjoni waħda. Kemm nieħdu gost meta nippreparaw tajjeb u nagħmlu iktar sforz biex ngħinu lil oħrajn jersqu qrib lejn Alla!

18. Uri kif il-​ktieb Għarfien qed jintuża b’mod effettiv.

18 Kull sena, il-​ktieb Għarfien qed jiġi wżat b’mod effettiv biex jgħin lil eluf taʼ nies isiru qaddejja dedikati taʼ Jehovah, u dan jinkludi ħafna li lanqas biss kienu jafu x’inhi Bibbja. Per eżempju, meta raġel Ħindu mis-​Sri Lanka kien għadu żgħir samaʼ Xhud taʼ Jehovah titkellem dwar il-​Ġenna taʼ l-​art. Xi ftit tas-​snin wara hu mar ikellimha u r-​raġel tagħha ma damx ma beda jagħmillu studju tal-​Bibbja. Fil-​fatt dan iż-​żagħżugħ kien imur kuljum biex jagħmel l-​istudju, u f’qasir żmien lesta l-​ktieb Għarfien. Beda jattendi l-​laqgħat kollha, inqataʼ mir-​reliġjon li kien jipprattika qabel, u sar pubblikatur tas-​Saltna. Meta tgħammed kien diġà qed jistudja l-​Bibbja maʼ xi ħadd li kien jafu qabel.

19. Dwar liema ħaġa nistgħu nkunu ċerti hekk kif infittxu s-​Saltna l-​ewwel?

19 Meta nfittxu s-​Saltna l-​ewwel, dan iġibilna ferħ li jsaħħaħna. (Mattew 6:33) Għalkemm ngħaddu minn ħafna provi, xorta nkomplu nxandru l-​aħbar tajba b’ferħ u b’żelu kbir. (Titu 2:14) Ħafna minna qed nikkwalifikaw bħala pijunieri full-time, u xi wħud qed jaqdu fejn hemm iktar bżonn għall-​evanġelizzaturi. Jekk bil-​ferħ qed nistinkaw biex inpoġġu l-​interessi tas-​Saltna l-​ewwel f’ħajjitna permezz taʼ servizz bħal dan jew b’xi modi oħra, aħna fiduċjużi li Jehovah m’huwiex se jinsa x-​xogħol tagħna u l-​imħabba li nuru għal ismu.—Lhud 6:​10-12.

Inkomplu bis-​Saħħa li Jagħtina Jehovah

20. Kif nistgħu nuru li qed nistrieħu fuq Jehovah biex jagħtina s-​saħħa?

20 Mela ejja b’qalbna kollha nuru li t-​tama tagħna qegħda f’Jehovah u li qed nistrieħu fuqu biex jagħtina s-​saħħa. Dan nistgħu nagħmluh billi nieħdu vantaġġ sħiħ mill-​provvedimenti spiritwali li jagħtina permezz taʼ “l-​ilsir leali.” (Mattew 24:​45, NW) Hemm ħafna provvedimenti li jsaħħulna r-​relazzjoni tagħna maʼ Jehovah u jagħtuna l-​qawwa biex ma naqtgħux qalbna fis-​servizz sagru tiegħu. Dawn jinkludu l-​istudju tal-​Kelma t’Alla li nagħmlu waħedna jew mal-​kongregazzjoni bl-​għajnuna taʼ pubblikazzjonijiet Kristjani, it-​talb mill-​qalb, l-​għajnuna spiritwali li jagħtuna l-​anzjani, l-​eżempji mill-​aħjar taʼ sħabna Kristjani, u s-​sehem regulari tagħna fil-​ministeru.

21. L-​appostli Pietru u Pawlu kif urew li kellhom bżonn is-​saħħa li Alla biss setaʼ jagħtihom?

21 Minkejja li aħna bnedmin debboli, Jehovah xorta jsaħħaħna biex nagħmlu r-​rieda tiegħu jekk nistrieħu fuqu għall-​għajnuna. L-​appostlu Pietru, li kien konxju li kellu bżonn din l-​għajnuna, kiteb: “Jekk xi ħadd għandu d-​don tal-​ministeru, [ħa] jħaddmu bis-​setgħa li Alla tah.” (1 Pietru 4:11) U Pawlu wera kemm kien jistrieħ fuq is-​saħħa li Alla biss setaʼ jagħtih meta qal: “Nitgħaxxaq bid-​debbulizzi tiegħi, bit-​tagħjir, bl-​għaks, bil-​persekuzzjonijiet, bid-​dwejjaq minħabba Kristu: għax meta nkun dgħajjef, nkun qawwi.” (2 Korintin 12:10) Jalla aħna wkoll nuru li konvinti dwar dan u nġibu glorja lill-​Mulej Sovran Jehovah, li jagħti l-​qawwa lill-​għajjien.—Isaija 12:2.

[Noti taʼ taħt]

a Dan in-​numru, skond is-​sistema Amerikana taʼ l-​għadd, huwa n-​numru 1 segwit minn 20 żero.

b Pubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

Int Kif Twieġeb?

• In-​nies taʼ Jehovah għala għandhom bżonn qawwa iktar min-​normal?

• Xi provi hemm fl-​Iskrittura li Alla jagħti l-​qawwa lill-​qaddejja tiegħu?

• Liema huma xi ftit mill-​provvedimenti spiritwali li Jehovah għamel sabiex isaħħaħna?

• Kif nistgħu nuru li qed nistrieħu fuq Alla biex jagħtina s-​saħħa?

[Stampa f’paġna 12]

Ir-​relazzjoni tagħna maʼ Jehovah tkompli tissaħħaħ hekk kif nużaw il-​Bibbja biex ngħallmu lil oħrajn

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja