Jehovah Jagħti l-Qawwa
1 X’inhi l-impressjoni tiegħek dwar l-appostlu Pawlu? Hekk kif naqraw il-ktieb taʼ l-Atti, napprezzaw il-fatt kemm kien bieżel fis-servizz taʼ Jehovah. Pawlu kif wettaq dak kollu li għamel? Hu qal: “Għal kollox niflaħ bis-saħħa taʼ dak li jqawwini.” (Flp. 4:13) Aħna wkoll nistgħu nibbenefikaw mill-qawwa li jagħti Jehovah. Kif? Billi nieħdu vantaġġ mis-sitt provvedimenti li jagħtina biex niġġeddu u nissaħħu spiritwalment.
2 Il-Kelma t’Alla: Sewwa sew bħalma rridu nieklu l-ikel biex nibqgħu b’saħħitna fiżikament, bl-istess mod irridu mmantnu lilna nfusna bil-Kelma t’Alla sabiex nibqgħu ħajjin spiritwalment. (Mt. 4:4) Il-Bibbja tipprovdi l-qawwa biex inkomplu għaddejjin. Biex inżommu ż-żelu u l-entużjażmu tagħna għall-verità, hemm bżonn li ninvolvu ruħna fi studju persunali u meditazzjoni sinifikanti, jekk jistaʼ jkun kuljum.—Salm 1:2, 3.
3 It-Talb: Huwa importanti li nersqu qrib taʼ Jehovah, b’mod partikulari matul żminijiet taʼ bżonn speċjali. Permezz taʼ l-ispirtu tiegħu, hu jagħti qawwa li tagħti l-enerġija lil dawk li jitolbu għaliha fit-talb. (Lq. 11:13; Efes. 3:16) L-Iskrittura tinkuraġġina biex ‘nitolbu bla waqfien.’ (Rum. 12:12) Tagħmel hekk int?
4 Il-Kongregazzjoni: Aħna niksbu s-saħħa u l-inkuraġġiment mil-laqgħat tal-kongregazzjoni u mis-sħubija mimlija affezzjoni li ngawdu hemmhekk maʼ ħutna. (Lhud 10:24, 25) Meta nkunu inkwetati huma jinkuraġġuna u jgħinuna bl-imħabba.—Prov. 17:17; Koħ. 4:10.
5 Il-Ministeru taʼ l-Għalqa: Il-parteċipazzjoni regulari fil-ministeru tgħinna nżommu moħħna ffokat fuq is-Saltna u l-barkiet li se ġġib. Il-ferħ tagħna se jiżdied meta ngħinu lil oħrajn jitgħallmu dwar Jehovah. (Atti 20:35) Mhux ilkoll kemm aħna nistgħu mmorru naqdu fejn hemm iktar bżonn jew nieħdu sehem fis-servizz full-time, imma jistaʼ jkollna sehem sinifikanti fil-ministeru b’modi oħrajn.—Lhud 6:10-12.
6 L-Indokraturi Kristjani: Aħna nibbenefikaw mill-inkuraġġiment u l-għajnuna li jipprovdu l-anzjani. Jehovah inkarigahom biex jirgħu l-merħla t’Alla fdata f’idejhom. (1 Pt. 5:2) L-indokraturi li jivvjaġġaw jinkuraġġixxu lill-kongregazzjonijiet fejn jaqdu, sewwa sew bħalma għamel Pawlu fi żmienu.—Rum. 1:11, 12.
7 Eżempji taʼ Wħud Leali: Aħna nissaħħu meta nikkunsidraw l-eżempji inkuraġġanti taʼ ħaddiema sħabna leali, kemm taʼ l-imgħoddi kif ukoll tal-lum. (Lhud 12:1) Meta jkollok bżonn tissaħħaħ mill-ġdid, għax ma taqrax waħda mill-bijografiji inkuraġġanti fir-rivisti tagħna, rapport li jibni fil-Yearbook, jew xi rakkonti sbieħ taʼ l-istorja moderna tax-Xhieda taʼ Jehovah fil-ktieb Proclaimers?
8 Wieħed ħu, li issa għandu fuq id-90 sena, aċċetta l-verità meta kien għadu żgħir. Bħala żagħżugħ il-fidi tiegħu ġiet provata. L-ewwelnett, xi wħud li kienu jassoċjaw b’mod attiv fil-kongregazzjoni abbandunaw l-organizzazzjoni taʼ Jehovah. Imbagħad sabha diffiċli li jagħmel ix-xogħol minn dar għal dar. Minkejja dan, hu dejjem straħ fuq Jehovah. F’qasir żmien beda jieħu pjaċir fil-ministeru. U llum? Minkejja n-nuqqas taʼ saħħa, hu għadu membru tal-familja taʼ Betel fi Brooklyn, billi jaqdi fil-Ġemgħa li Tiggverna. Hu ma jiddispjaċihx għall-fatt li baqaʼ leali lejn l-organizzazzjoni taʼ Jehovah.
9 Oħt li hija membru tal-familja taʼ Betel fil-Britannja tgħammdet meta kellha 13-il sena. Sena wara bdiet taqdi bħala pijuniera flimkien maʼ ħuha, u s-sena taʼ wara, missierha ġie mitfugħ il-ħabs minħabba li baqaʼ newtrali matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Hi baqgħet tistrieħ fuq Jehovah għall-qawwa, u kompliet taqdi lil dak Alla veru. Maż-żmien, hi żżewġet lil ħu leali, u flimkien baqgħu jagħmlu r-rieda taʼ Jehovah. Wara 35 sena miżżewġin, żewġha miet ħabta u sabta. Għal darb’oħra kisbet il-qawwa minn Jehovah, u għadha taqdi lil Jehovah sal-lum, billi qed tħares ’il quddiem li taqdih għal dejjem bħala membru tal-familja taʼ Jehovah hawn fuq l-art.
10 Jehovah jgħin u jsaħħaħ lill-qaddejja leali tiegħu. “Hu li jagħti l-qawwa lill-għajjien, u jkattar il-qawwa lil min hu bla saħħa.” Aħna nistgħu niksbu dan is-sors taʼ qawwa li hu bla limitu billi nieħdu vantaġġ mis-sitt provvedimenti kollha li ssemmew hawn fuq. Ftakar: “Dawk li jittamaw fil-Mulej jieħdu saħħithom, . . . jiġru bla ma jegħjew, jimxu bla ma jintelqu.” (Is. 40:29-31) Pawlu straħ ferm fuq Jehovah għas-saħħa, u l-istess irridu nagħmlu aħna.