Tiftakar Int?
Apprezzajt int il-qari tal-ħarġiet reċenti taʼ It-Torri taʼ l-Għassa? Mela, ara jekk tistax twieġeb il-mistoqsijiet li ġejjin:
• X’kien li għamilha faċli biex il-Milied jiġi adottat fil-Korea?
Kien hemm twemmin antik fil-Korea u f’xi artijiet oħra dwar alla tal-kċina li kienu jaħsbu li kien jinżel miċ-ċumnija u jġib ir-rigali f’Diċembru. Ukoll, wara t-Tieni Gwerra Dinjija, suldati Amerikani kienu jqassmu r-rigali u jagħtu l-għajnuna tagħhom fil-knejjes lokali.—12/15, paġni 4, 5.
• Bit-twettiq taʼ Isaija 21:8, liema “għassies” kellu Alla fi żmienna?
Kristjani midlukin bl-ispirtu, li jaqdu bħala l-klassi taʼ l-għassies, avżaw lin-nies dwar it-tifsir tal-ġrajjiet tad-dinja li jwettqu l-profeziji tal-Bibbja. Huma għenu wkoll lill-istudenti tal-Bibbja biex jidentifikaw u jevitaw duttrini u prattiċi mhux skritturali.—1/1, paġni 8, 9.
• X’kienet il-“Fratellanza Pollakka”?
Din kienet grupp reliġjuż żgħir fis-sekli 16 u 17 fil-Polonja li inkuraġġixxa t-tagħlim Bibliku, u għalhekk il-membri tiegħu ċaħdu duttrini prevalenti fil-knisja, bħalma huma t-Trinità, il-magħmudija tat-trabi, u n-nar taʼ l-infern. Maż-żmien, huma ġew persegwitati bl-aħrax u mġagħlin jitilqu f’artijiet oħra.—1/1, paġni 21-3.
• Għala għandna nafdaw fil-profeziji tal-Bibbja minflok fit-taħbir tal-futuroloġi jew l-astroloġi?
Dawk li jgħidu li huma profeti ma tistax toqgħod fuqhom għaliex jinjoraw lil Jehovah u l-Bibbja. Il-profeziji tal-Bibbja biss jistgħu jgħinuk tkun taf kif il-ġrajjiet jaqblu maʼ l-iskop t’Alla, b’benefiċċju dejjiemi għalik u għall-familja tiegħek.—1/15, paġna 3.
• X’inhuma xi ftit linji taʼ evidenza li jagħtu prova li qed ngħixu fl-aħħar jiem?
Nistgħu naraw l-effetti tat-tkeċċija taʼ Satana mis-sema. (Apokalissi 12:9) Qed ngħixu fiż-żmien taʼ l-aħħar ‘sultan’ imsemmi f’Apokalissi 17:9-11. L-għadd taʼ Kristjani midlukin li huma ġenwini qed jonqos, għalkemm jidher li xi ftit minnhom se jkunu għadhom fuq l-art meta tibda t-tribulazzjoni l-kbira.—1/15, paġni 12, 13.
• Meta nkiteb il-ktieb taʼ Ħabakkuk, u għala għandna nkunu interessati fih?
Dan il-ktieb Bibliku nkiteb madwar is-sena 628 Q.E.K. Fih insibu l-ġudizzju taʼ Jehovah kontra Ġuda tal-qedem u kontra Babilonja. Dan isemmi wkoll il-ġudizzju divin li dalwaqt se jiġi fuq din is-sistema preżenti mill-agħar.—2/1, paġna 8.
• Fejn fil-Bibbja nistgħu nsibu pariri għaqlin taʼ omm għal nisa miżżewġin kapaċi?
L-aħħar kapitlu tal-ktieb taʼ Proverbji, kapitlu 31, huwa sors eċċellenti għal pariri bħal dawn.—2/1, paġni 30, 31.
• Għala nistgħu nkunu grati li Jehovah rrivelalna “l-moħħ taʼ Kristu”? (1 Korintin 2:16, NW)
Permezz tar-rakkonti fl-Evanġelju, Jehovah għenna nitgħallmu dwar il-ħsibijiet, is-sentimenti, l-attivitajiet, u l-prijoritajiet taʼ Ġesù. Dan jistaʼ jgħinna nkunu iktar bħal Ġesù, speċjalment fl-enfasi li npoġġu fuq ix-xogħol taʼ l-ippridkar li jsalva l-ħajjiet.—2/15, paġna 25.
• Iwieġeb Alla t-talb illum?
Iva. Għalkemm il-Bibbja turi li Alla ma jweġibx it-talb kollu, l-esperjenzi taʼ żmienna jagħtu prova li hu taʼ spiss wieġeb lin-nies li talbu għall-faraġ u għall-għajnuna fi kwistjonijiet bħal li jsolvu l-problemi fiż-żwieġ.—3/1, paġni 3-7.
• X’nistgħu nagħmlu biex niksbu s-saħħa mingħand Alla?
Nistgħu niksbuha permezz tat-talb, billi nduru lejn il-Bibbja għas-saħħa spiritwali, u nissaħħu permezz taʼ sħubija Kristjana.—3/1, paġni 15, 16.
• Il-ġenituri kif jistgħu jgħinu lil uliedhom biex jibbenefikaw iktar mil-laqgħat Kristjani?
Huma jistgħu jgħinu lil uliedhom jibqgħu mqajmin waqt il-laqgħat, forsi billi jieħdu ħsieb li dawn jorqdu ftit qabel il-laqgħa. It-tfal jistgħu jiġu inkuraġġiti biex jieħdu xi “noti,” bħal li jimmarkaw fuq biċċa karta kulmeta jintużaw kliem jew ismijiet familjari.—3/15, paġni 17, 18.
• X’inhuma xi affarijiet li nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ Ġob?
Ġob poġġa r-relazzjoni tiegħu m’Alla fl-ewwel post, kien ġust meta ttratta maʼ bnedmin sħabu, ħabrek biex ikun leali lejn il-mara tiegħu, wera tħassib għall-ispiritwalità tal-familja tiegħu, u ssaporta fedelment taħt prova.—3/15, paġni 25-7.
• Għandha l-Bibbja kodiċi moħbija li tagħti tagħrif dwar messaġġi f’kodiċi?
Le. Stqarrijiet dwar dik li suppost hija kodiċi moħbija jistgħu jsiru wkoll fuq ċerti kotba sekulari. Dik li suppost hija kodiċi tal-Bibbja tiġi fix-xejn bil-varjazzjoni fil-mod taʼ kif inhu spellut il-kliem fil-manuskritti Ebrajċi.—4/1, paġni 30, 31.