L-Evanġelji—Id-Dibattitu Jkompli
Huma minnhom ir-rakkonti taʼ l-Evanġelju dwar it-twelid taʼ Ġesù Kristu?
Tassew għamel id-Diskors taʼ fuq il-Muntanja?
Veru li ġie rxoxtat?
Qal hu fil-fatt: “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja”?—Ġwann 14:6.
KWISTJONIJIET bħal dawn qed jiġu diskussi minn xi 80 studjuż f’seminar dwar Ġesù, li mill-1985 ’l hawn qed jinżamm darbtejn fis-sena. Dan il-grupp taʼ studjużi jwieġeb għal mistoqsijiet bħal dawn b’mod mhux tas-soltu. Il-parteċipanti fis-seminar jivvotaw għal kull ħaġa li hemm fl-Evanġelji li jingħad li qalha Ġesù. Bil-kulur aħmar jindikaw li l-istqarrija saret tassew minn Ġesù, filwaqt li bir-roża jfissru li l-istqarrija tixbah lil xi ħaġa li forsi qalha Ġesù. Il-griż juri li l-ħsieb għandu mnejn ikun simili għal dak taʼ Ġesù, iżda ma kienx hu li għamel l-istqarrija. L-iswed huwa negattiv għalkollox, billi jindika li l-istqarrija kienet frott tat-tradizzjoni li ġiet wara.
B’dan il-metodu, il-parteċipanti fis-seminar dwar Ġesù warrbu fil-ġenb l-erbaʼ mistoqsijiet li tqajmu fil-bidu. Infatti, ivvotaw bl-iswed għal 82 fil-mija tal-kliem li fl-Evanġelji jingħad li qalu Ġesù. Fil-fehma tagħhom, 16 fil-mija biss mir-rakkonti dwar Ġesù fl-Evanġelji u kitbiet oħrajn jidhru li huma awtentiċi.
Din m’hijiex l-ewwel darba li l-Evanġelji ġew kritikati b’dan il-mod. Attakk wieħed li sar fuq l-Evanġelji kien fl-1774, bil-pubblikazzjoni taʼ manuskritt taʼ 1,400 paġna wara l-mewt taʼ l-awtur, Hermann Reimarus, professur fil-lingwi Orjentali f’Hamburg, il-Ġermanja. F’dan ix-xogħol, Reimarus jitfaʼ dubji serji dwar jekk l-Evanġelji humiex tabilħaqq fatti storiċi. Il-konklużjonijiet tiegħu kienu bbażati fuq analisi tal-lingwa u fuq il-kontradizzjonijiet li donnhom jeżistu fl-erbaʼ rakkonti taʼ l-Evanġelju dwar il-ħajja taʼ Ġesù. Minn dakinhar ’l hawn, il-kritiċi taʼ spiss esprimew id-dubji tagħhom dwar jekk l-Evanġelji humiex awtentiċi, u b’hekk sa ċertu punt waqqgħu l-fiduċja tal-pubbliku f’dawn il-kitbiet.
Il-karatteristika komuni taʼ dawn l-istudjużi hija li huma jħarsu lejn ir-rakkonti taʼ l-Evanġelju li għandna f’idejna llum, bħala stejjer reliġjużi vvintati minn diversi individwi. Is-soltu mistoqsijiet imqajmin minn studjużi dubjużi huma: Setaʼ t-twemmin tagħhom wassal lill-kittieba taʼ l-erbaʼ rakkonti taʼ l-Evanġelju biex iżejnu xi ftit dak li fil-fatt ġara? Ġew huma mġagħlin b’dak li kien qed jiġri fil-komunità Kristjana bikrija biex jaddattaw l-istorja taʼ Ġesù jew inkella biex iżidu magħha? Liema partijiet mill-Evanġelji x’aktarx li huma rapporti sinċieri u mhux ħrejjef ivvintati?
In-nies li kibru f’soċjetà atea jew inkella f’waħda li m’għadhiex iktar dominata mir-reliġjon jemmnu li l-Bibbja—inkluż l-Evanġelji—hija ktieb mimli leġġendi u ħrejjef. Jerġaʼ oħrajn iħossuhom diżgustati bl-istorja tal-Kristjaneżmu, storja mimlija tixrid taʼ demm, oppressjoni, firda, u kondotta mill-agħar. Nies bħal dawn ma jaraw l-ebda raġuni għala għandhom jagħtu kas taʼ xi kitba li hija meqjusa sagra fil-Kristjaneżmu. Huma jħossu li jekk dawn il-kitbiet wasslu biex jipproduċu reliġjon ipokrita, dawn ma jistgħu jkunu xejn ħlief ħrejjef bla sugu.
Int x’taħseb? Għandek int tħalli xi studjużi li jiddubitaw fl-Evanġelji jqanqlu fik dubji simili? Meta l-kittieba taʼ l-Evanġelji jiġu akkużati li vvintaw il-ħrejjef, għandek int tħalli dan jeffettwalek il-fiduċja tiegħek f’dawn il-kitbiet? Għandu l-mod mill-agħar kif aġixxa l-Kristjaneżmu matul is-sekli jġagħlek tiddubita li l-Evanġelji huma taʼ min jafdahom? Nistidnuk biex teżamina xi ftit mill-fatti.
[Stampa f’paġna 4]
L-Evanġelji huma ħrejjef jew fatti?
[Sors taʼ l-istampi]
Ġesù Miexi fuq il-Baħar/The Doré Bible Illustrations/Dover Publications
[Sors taʼ l-istampa f’paġna 3]
Sfond, paġni 3-5 u 8: Bil-korteżija taʼ Freer Gallery of Art, Smithsonian Institution, Washington, D.C.