“Ħares lil Qalbek”
JEHOVAH qal lill-profeta Samwel: “Il-Mulej ma jarax bħalma jara l-bniedem, dak biss li jidher fl-għajn, imma l-qalb.” (1 Samwel 16:7) Is-salmista David ukoll ġibed l-attenzjoni lejn il-qalb figurattiva meta kanta: “Jekk [int Jehovah] qalbi tiflili, jekk billejl iżżurni, jekk inti ġġarrabni, ma ssib ebda qerq fija.”—Salm 17:3.
Iva, Jehovah jfittex f’qalbna biex jiddetermina x’persuni aħna tassew. (Proverbji 17:3) B’raġuni tajba, mela, is-Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-qedem jagħti l-parir: “Ħares lil qalbek bir-reqqa kollha, għax minnha ġejja l-ħajja.” (Proverbji 4:23) Kif nistgħu nħarsuha l-qalb figurattiva tagħna? Kapitlu 4 taʼ Proverbji jagħtina t-tweġiba għal din il-mistoqsija.
Agħti Widen għat-Tagħlim taʼ Missier
Ir-rabaʼ kapitlu taʼ Proverbji jibda bil-kliem: “Isimgħu, uliedi, it-tagħlim [jew, id-dixxiplina] taʼ missier, qisu li titgħallmu l-għaqal; għax jien tagħlim tajjeb nagħtikom; għalhekk tinsewx twissijieti.”—Proverbji 4:1, 2.
Hawnhekk iż-żgħażagħ qed jingħataw il-parir biex jisimgħu mill-ġenituri tagħhom li għandhom il-biżaʼ t’Alla. B’mod partikulari, huma għandhom jagħtu widen għall-istruzzjoni mibnija fuq prinċipji sodi li jagħti l-missier. Hu għandu r-responsabbiltà Skritturali li jipprovdi għall-bżonnijiet fiżiċi u spiritwali tal-familja tiegħu. (Dewteronomju 6:6, 7; 1 Timotju 5:8) Mingħajr gwida bħal din, kemm ikun ferm iżjed diffiċli biex żagħżugħ jimmatura! Għaldaqstant, m’għandhomx it-tfal jaċċettaw id-dixxiplina taʼ missierhom u juruh rispett?
Iżda, xi ngħidu jekk żagħżugħ m’għandux missier li jistaʼ jgħallmu? Per eżempju, Jason, li għandu ħdax-il sena, tilef lil missieru meta kellu erbaʼ snin.a Meta wieħed anzjan Kristjan staqsieh x’kienet l-iktar ħaġa f’ħajtu li tinkwetah, Jason fil-pront wieġeb: “Il-fatt li m’għandix missier. Xi drabi nħossni verament imdejjaq.” Madankollu, iż-żgħażagħ li m’għandhomx gwida mill-ġenituri tagħhom jistgħu jiksbu pariri taʼ faraġ. Jason u oħrajn bħalu jistgħu jfittxu u jsibu pariri bħal taʼ missier mingħand l-anzjani u nies maturi oħrajn fil-kongregazzjoni Kristjana.—Ġakbu 1:27.
Waqt li jiftakar dwar it-tagħlim li kien ħa, Salamun ikompli: “Kont għadni tifel maʼ missieri, żgħir u waħdieni taħt għajnejn ommi.” (Proverbji 4:3) Is-sultan milli jidher kien jiftakar fit-trobbija tiegħu b’għożża kbira. Bħala “tifel” li laqaʼ b’qalbu kollha t-tagħlim taʼ missieru, iż-żagħżugħ Salamun żgur li kellu relazzjoni mill-qrib u taʼ mħabba maʼ missieru, David. Iktar minn hekk, Salamun kien “waħdieni,” jew maħbub profondament. Kemm huwa importanti għat-tfal li jikbru f’dar fejn iħossuhom maħbubin u fejn jistgħu jikkomunikaw faċilment mal-ġenituri tagħhom!
Ikseb l-Għerf u d-Dehen
Waqt li jiftakar fil-pariri kollha mħabba taʼ missieru, Salamun jirrakkonta: “Hu kien jgħallimni u jgħidli: ‘Żomm kliemi b’qalbek kollha; ħares il-kmandamenti tiegħi, u jkollok il-ħajja. Ikseb l-għerf, ikollok id-dehen, tinsihomx, u titwarrabx minn kliem fommi. Twarrbux minnek [l-għerf], u hu jżommok, ħobbu, u hu jieqaf miegħek. L-aqwa ħaġa, li tikseb l-għerf; ikseb id-dehen akkost taʼ kollox.’”—Proverbji 4:4-7.
L-għerf għala huwa “l-aqwa ħaġa”? L-għerf ifisser li tuża l-għarfien u d-dehen b’tali mod li jipproduċu riżultati tajbin. L-għarfien ifisser li tkun taf il-fatti jew li ssir familjari magħhom billi tosserva dak li qed jiġri madwarek u mill-esperjenza persunali tiegħek, jew permezz tal-qari u l-istudju. Dan huwa essenzjali għall-għerf. Imma jekk m’għandniex l-abbiltà li nagħmlu użu tajjeb minnu, l-għarfien li jkollna ftit li xejn ikun jiswa. Mhux biżżejjed li naqraw regolarment il-Bibbja u l-pubblikazzjonijiet fuq suġġetti Bibliċi li jipprovdi l-ilsir leali u diskret. (Mattew 24:45) Irridu wkoll nagħmlu ħilitna kollha biex napplikaw dak li nitgħallmu minnhom.
Li nakkwistaw id-dehen huwa importanti ħafna wkoll. Kif jistaʼ jkollna stampa sħiħa taʼ dak li nkunu qed nikkunsidraw, jekk ma jkollniex id-dehen li jgħinna naraw kif il-fatti jorbtu wieħed maʼ l-ieħor? Mingħajr id-dehen, kif nistgħu naqbdu tarf tal-mistoqsijiet li niltaqgħu magħhom, u jkollna l-għaqal u l-abbiltà biex nagħrfu t-tajjeb u l-ħażin? Iva, biex inkunu nistgħu ngħaqqdu kollox flimkien u naslu għall-konklużjoni t-tajba, neħtieġu d-dehen.—Danjel 9:22, 23.
Salamun ikompli jirrakkonta dak li qallu missieru: “Għożżu [l-għerf], u hu jżommok fl-għoli, tgħannaq miegħu, u jkunlek taʼ ġieħ. Iqegħedlek fuq rasek kuruna sabiħa, jitfaʼ fuqek tiżjin kollu ġmiel.” (Proverbji 4:8, 9) L-għerf divin jipproteġi lil min iħaddnu. Iktar minn hekk, iġiblu unur u jsebbħu. Mela, ejja nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nakkwistaw l-għerf.
“Żomm mat-Tagħlim”
Is-sultan taʼ Iżrael imbagħad itenni t-tagħlim taʼ missieru, billi jgħid: “Ismaʼ ibni, u ilqaʼ kliemi, u joktru s-snin taʼ ħajtek. Jien nurik it-triq taʼ l-għerf, immexxik fil-mogħdija tas-sewwa. Fil-mixi tiegħek ma ssibx xi jfixklek, u jekk tiġri, ma taqax. Żomm mat-tagħlim [jew, dixxiplina], u tħallih qatt, ħarsu sewwa, għax hu ħajtek.”—Proverbji 4:10-13.
Bħala iben leali lejn missieru, Salamun żgur li apprezza l-valur tad-dixxiplina li tingħata b’imħabba biex tgħallem u tikkoreġi. Mingħajr dixxiplina bilanċjata, kif nistgħu nistennew li nipprogressaw biex nilħqu l-maturità spiritwali, jew inkella nittamaw li ntejbu l-kwalità taʼ ħajjitna? Ma nagħmlu ebda avvanz spiritwali jekk ma nitgħallmux mill-iżbalji tagħna jew nonqsu li nikkoreġu ideat ħżiena. Dixxiplina raġunevoli twassal għal kondotta li tkun fi qbil mar-rieda t’Alla, u b’hekk tgħinna nimxu “fil-mogħdija tas-sewwa.”
Tip ieħor taʼ dixxiplina jwassal ukoll biex ‘is-snin taʼ ħajjitna joktru.’ Kif? Sewwa, Ġesù Kristu qal: “Min hu fidil f’ħaġa tassew żgħira, hu fidil ukoll fil-ħafna; min hu diżonest f’ħaġa tassew żgħira, hu diżonest ukoll fil-ħafna.” (Luqa 16:10) Li niddixxiplinaw lilna nfusna f’affarijiet żgħar ma jagħmilhiex eħfef għalina biex nagħmlu l-istess f’affarijiet kbar, li minnhom tistaʼ tiddependi ħajjitna stess? Per eżempju, jekk indarru għajnejna biex ma ‘jħarsux lejn mara biex nixtiquha’ se jkun inqas faċli li nċedu għall-immoralità. (Mattew 5:28) Naturalment, dan il-prinċipju jgħodd kemm għall-irġiel u kemm għan-nisa. Jekk niddixxiplinaw lil moħħna biex ‘ijassar kull ħsieb,’ ikollna inqas ċans li niżbaljaw bl-ikrah kemm fil-kliem kif ukoll fl-azzjoni.—2 Korintin 10:5.
Veru, ġeneralment m’huwiex faċli li naċċettaw id-dixxiplina, u għandna mnejn narawha bħala xkiel. (Lhud 12:11) Madankollu, is-sultan għaref jassigurana li jekk inżommu mat-tagħlim, it-triq tagħna se twassalna biex nagħmlu progress. Sewwa sew bħalma taħriġ xieraq jgħin lil atleta biex jiġri kemm jiflaħ mingħajr ma jaqaʼ jew iweġġaʼ, hekk ukoll li nżommu mat-tagħlim se jgħinna nibqgħu mexjin fit-triq għall-ħajja b’pass mgħaġġel u mingħajr ma nitfixklu. M’għandniex xi ngħidu, irridu noqogħdu attenti liema triq naqbdu.
Aħrab “il-Mogħdija tal-Ħżiena”
B’urġenza kbira, Salamun iwissi: “Taqbadx il-mogħdija tal-ħżiena, timxix fit-triq taʼ min jagħmel id-deni. Aħrabha, tgħaddix minnha; mur fuq naħa oħra, u ibqaʼ sejjer. Għax il-ħżiena ma jorqdux, jekk ma jagħmlux id-deni, itirilhom ngħashom, jekk ma jwaqqgħux lil xi ħadd. Huma jieklu ħobż il-ħażen, u jixorbu nbid il-vjolenza.”—Proverbji 4:14-17.
Salamun iridna nevitaw il-mogħdijiet tan-nies ħżiena li ma jħossuhomx li qegħdin jgħixu jekk ma jwettqux għemejjel mill-agħar. Meta jagħmlu l-ħażen iħossuhom daqs li kieku mlew żaqqhom. Ma jkunux jistgħu jorqdu jekk ma jaqilgħux xi ġlieda. Il-personalità tagħhom fiha nfisha hija mħassra! Nistgħu aħna verament inħarsu lil qalbna jekk fl-istess ħin inkunu qed nassoċjaw magħhom? Xi bluha tkun jekk nibqgħu mexjin dritt “fit-triq taʼ min jagħmel id-deni”! Dan jistaʼ jiġri jekk noqogħdu naraw il-vjolenza li teżisti fil-biċċa l-kbira tad-divertiment li qed toffrilna d-dinja llum. Ċertament jekk irridu nħabirku biex nuru mogħdrija mill-qalb irridu nevitaw li naraw xeni mimlijin ħażen fuq it-televixin jew fiċ-ċinema, xeni li jġagħlu l-kuxjenza tagħna tibred.
Ibqaʼ fid-Dawl
Waqt li jkompli bit-tixbieha taʼ mogħdija, Salamun jiddikjara: “Imma triq it-tajbin bħal dawl iż-żerniq, li jżid jitqawwa sal-milja tal-jum.” (Proverbji 4:18) Li nibdew nistudjaw il-Bibbja u nipprovaw napplikaw f’ħajjitna dak li nitgħallmu nistgħu nqabbluh maʼ bidu taʼ vjaġġ kmieni fil-għodu, meta jkun għadu d-dlam. Sakemm is-sema jibda jinżaʼ xi ftit mis-swidija tal-lejl, bilkemm inkunu nistgħu naraw. Iżda hekk kif jibda jżernaq bil-mod il-mod, l-affarijiet taʼ madwarna nibdew narawhom aħjar. Fl-aħħar, hekk kif ix-xemx tibda tiddi, inkunu nistgħu naraw kollox sa l-inqas dettall. Iva, il-verità bil-mod il-mod issir iktar ċara, hekk kif bil-paċenzja u bir-reqqa, nibqgħu nistudjaw l-Iskrittura bla ma nieqfu. Jekk irridu nħarsu lil qalbna minn raġunar falz huwa essenzjali li nipprovdulha nutriment spiritwali.
Pass wara l-ieħor insiru nafu wkoll x’ifissru jew x’sinjifikat għandhom il-profeziji tal-Bibbja. Dawn nifhmuhom aħjar hekk kif l-ispirtu qaddis taʼ Jehovah jdawwalna iżjed dwarhom, u nkomplu naraw it-twettiq tagħhom fil-ġrajjiet dinjin jew fl-esperjenzi tan-nies t’Alla. M’għandniex nitilfu l-paċenzja u nipprovaw naqtgħu meta u kif se jitwettqu. Minflok għandna nistennew li d-dawl ikompli ‘jitqawwa.’
Xi ngħidu għal dawk li jiċħdu l-gwida t’Alla u jirrifjutaw li jimxu fid-dawl? “Triq il-ħżiena bħal dalma kbira,” jgħid Salamun. “Lanqas biss jilmħu dak li jġegħelhom jaqgħu.” (Proverbji 4:19) Il-ħżiena huma bħal wieħed li jitfixkel fid-dlam bla ma jaf fiex tfixkel. Anki meta għall-ħżiena u għal dawk li ma jgħixux fi qbil mar-rieda t’Alla kollox jidher ward u żahar, is-suċċess tagħhom ikun għomru qasir. Rigward nies bħal dawn, is-salmista kanta: “Tassew li int [Jehovah] fuq art tiżloq tqegħedhom, u fit-tiġrib twaqqagħhom.”—Salm 73:18.
Ibqaʼ Għassa
Is-sultan taʼ Iżrael ikompli jgħid: “Ibni, agħti widen għal kliemi, iftaħ widnejk għal dak li ngħid jien. Tħallihomx iwarrbu minn quddiem għajnejk, żommhom fil-qiegħ taʼ qalbek. Għax huma l-ħajja għal min isibhom, u s-saħħa għal ġismu kollu. Ħares lil qalbek bir-reqqa kollha, għax minnha ġejja l-ħajja.”—Proverbji 4:20-23.
L-eżempju taʼ Salamun stess jagħti prova taʼ kemm huwa siewi l-parir biex inħarsu lil qalbna. Tassew, fiż-żgħożija tiegħu hu imita lil missieru u baqaʼ leali lejn Jehovah tul il-biċċa l-kbira taʼ ħajtu. Madankollu, il-Bibbja tgħidilna: “Ġara li meta Salamun kien imdaħħal sewwa fiż-żmien, in-nisa [barranin] li kellu dawwrulu tassew qalbu għal wara allat oħra, hekk li qalbu issa ma baqgħetx kollha kemm hi mal-Mulej, Alla tiegħu, bħalma kienet qalb David missieru.” (1 Slaten 11:4) Jekk ma nibqgħux għassa l-ħin kollu, anki l-iktar qalb leali tistaʼ titħajjar tagħmel dak li hu ħażin. (Ġeremija 17:9) Għandna nżommu t-tfakkiriet mill-Kelma t’Alla ġewwa qalbna—‘fil-qiegħ taʼ qalbna.’ Dawn jinkludu l-gwida li nsibu fir-rabaʼ kapitlu taʼ Proverbji.
Eżamina l-Kundizzjoni taʼ Qalbek
Qed jirnexxilna nħarsuha l-qalb figurattiva tagħna? Kif nistgħu nkunu nafu x’inhi l-kundizzjoni tal-persuna ġewwinija? “Mill-milja tal-qalb jitkellem il-fomm,” qal Ġesù Kristu. (Mattew 12:34) Hu qal ukoll: “Għax mill-qalb joħorġu ħsibijiet ħżiena, qtil, adulterji, żína, serq, xhieda qarrieqa, dagħa.” (Mattew 15:19, 20) Iva, kliemna u l-azzjonijiet tagħna jikxfu sew dak li għandna f’qalbna.
B’mod xieraq, Salamun iwissina: “Warrab minnek ħażen il-fomm, biegħed minnek qerq ix-xufftejn. Żomm għajnejk dritti quddiemek, u ħarstek ’il quddiem itfagħha. Ara fejn titfaʼ riġlek fi triqtek, u li triqatek kollha jkunu tajba. Tgħawwiġx ’l hawn u ’l hemm, u warrab riġlejk mill-ħażen.”—Proverbji 4:24-27.
Mela, bħalma jwissina Salamun, irridu neżaminaw kliemna u l-azzjonijiet tagħna. Jekk irridu nħarsu lil qalbna u nogħġbu lil Alla jeħtieġ li nevitaw il-gideb u l-qerq. (Proverbji 3:32) Għaldaqstant, irridu nirriflettu bit-talb dwar dak li qed jikxfu fuqna kliemna u l-azzjonijiet tagħna. Imbagħad, ejja nfittxu l-għajnuna taʼ Jehovah biex nirranġaw xi dgħjufija li nindunaw biha.—Salm 139:23, 24.
Fuq kollox, jalla ‘nżommu għajnejna dritti quddiemna,’ fissi fuq il-mira li nagħtu servizz b’ruħna kollha lil Missierna tas-sema. (Kolossin 3:23) Hekk kif int personalment tħabrek biex timxi f’mogħdija dritta, jalla Jehovah jagħtik is-suċċess fi “triqatek kollha,” u jalla jbierkek bil-kbir talli tajt kas il-parir ispirat biex ‘tħares lil qalbek.’
[Nota taʼ taħt]
a Dan mhux ismu veru.
[Kumment f’paġna 22]
Tevita int divertiment li jinvolvi l-vjolenza?
[Stampa f’paġna 21]
Ibbenefika mill-pariri taʼ nies taʼ l-esperjenza
[Stampa f’paġna 23]
Id-dixxiplina ma żżommokx lura milli tagħmel progress
[Stampa f’paġna 24]
Ibqaʼ studja l-Bibbja bla ma tieqaf