Ikseb l-Għerf u Aċċetta d-Dixxiplina
ALLA JEHOVAH hu l-Għalliem Grandjuż tal-poplu tiegħu. Hu ma jedukahx biss dwaru nnifsu, imma wkoll dwar il-ħajja. (Isaija 30:20; 54:13; Salm 27:11) Per eżempju, Jehovah ta lill-ġens taʼ Iżrael profeti, Leviti—speċjalment il-qassisin—u rġiel għorrief oħrajn biex jaqdu bħala għalliema. (2 Kronaki 35:3; Ġeremija 18:18) Il-profeti għallmu lin-nies dwar l-iskopijiet u l-attributi t’Alla u indikawlhom it-triq it-tajba li kellhom jimxu fiha. Il-qassisin u l-Leviti kellhom ir-responsabbiltà li jgħallmu l-Liġi taʼ Jehovah. U l-għorrief, jew anzjani, ipprovdew pariri f’lokhom dwar il-ħajja taʼ kuljum.
Salamun, bin David, kien jispikka fost l-għorrief taʼ Iżrael. (1 Slaten 5:10, 11 [1 Slaten 4:30, 31, NW]) Meta rat il-glorja u l-ġid li kellu, waħda mill-iktar viżitaturi distinti tiegħu, is-sultana taʼ Saba, ammettiet: “Ma kinux ħabbruli n-nofs! L-għerf u l-ġid tiegħek huma aktar milli smajt.” (1 Slaten 10:7) X’kien is-sigriet taʼ l-għerf taʼ Salamun? Meta sar sultan taʼ Iżrael fis-sena 1037 Q.E.K., Salamun talab għal “għerf u dehen.” Jehovah ħa gost ħafna bit-talba tiegħu, u għalhekk tah għarfien, għerf, u qalb li tifhem. (2 Kronaki 1:10-12; 1 Slaten 3:12) Mhux taʼ b’xejn li Salamun “qabbel tlitt elef proverbju”! (1 Slaten 5:12 [1 Slaten 4:32, NW]) Xi wħud minn dawn, flimkien mal-“kliem taʼ Agur” u dawk taʼ ‘Lemuwel is-sultan,’ ġew dokumentati fil-ktieb Bibliku tal-Proverbji. (Proverbji 30:1; 31:1) Il-veritajiet li huma espressi f’dawn il-proverbji jirriflettu l-għerf t’Alla u huma eterni. (1 Slaten 10:23, 24) Dawn huma indispensabbli llum daqs kemm kienu meta tlissnu għall-ewwel darba għal kulmin jixtieq li jkollu ħajja ferħana u taʼ suċċess.
Is-Suċċess u l-Indafa Morali—Kif?
L-objettiv tal-ktieb tal-Proverbji huwa spjegat fil-kliem tal-ftuħ tiegħu: “Il-proverbji taʼ Salamun bin David sultan taʼ Iżrael: biex jagħrfu l-bnedmin l-għerf u t-tagħlim [“id-dixxiplina,” “NW”], biex jifhmu kliem l-għaqal, biex jieħdu tagħlim tajjeb, skond il-ġustizzja, id-dritt u s-sewwa; biex jingħata dehen liċ-ċkejknin [“lil dawk taʼ bla esperjenza,” “NW”], l-għerf u l-għaqal liż-żgħażagħ.”—Proverbji 1:1-4.
Xi skop nobbli kellhom jaqdu “l-proverbji taʼ Salamun”! Dawn qegħdin biex ‘il-bnedmin jagħrfu l-għerf u t-tagħlim [“id-dixxiplina,” NW].’ L-għerf jinvolvi li wieħed jara l-affarijiet kif inhuma u juża dan l-għarfien biex isolvi l-problemi, jilħaq il-miri, jevita jew jiskansa l-perikli, jew jgħin lil ħaddieħor jagħmel l-istess. “Fil-Ktieb tal-Proverbji,” jistqarr xogħol wieħed taʼ referenza, “‘l-għerf’ ifisser li wieħed jagħraf jidderieġi ħajtu bil-għaqal—l-abbiltà li jagħmel għażliet li jirriflettu għerf u li jgħix ħajja taʼ suċċess.” Kemm hu importanti li niksbu l-għerf!—Proverbji 4:7.
Il-proverbji taʼ Salamun jipprovdu wkoll id-dixxiplina. Għandna bżonnu dan it-taħriġ? Fl-Iskrittura, id-dixxiplina ġġorr is-sens taʼ korrezzjoni, twiddib, jew kastig. Skond wieħed studjuż tal-Bibbja, din “tindika t-taħriġ taʼ natura morali, li jinvolvi l-korrezzjoni taʼ tendenzi li jwasslu għall-bluha.” Id-dixxiplina, sew jekk l-individwu jimponiha fuqu nnifsu u sew jekk tingħata minn xi ħaddieħor, mhux biss iżżommna lura milli nkunu involuti fil-ħażen, imma wkoll tqanqalna biex ninbidlu għall-aħjar. Iva, tassew li għandna bżonn id-dixxiplina jekk irridu nibqgħu ndaf moralment.
Għalhekk, l-iskop tal-proverbji huwa doppju—li jagħtu l-għerf u li jipprovdu d-dixxiplina. Id-dixxiplina morali u l-abbiltà mentali għandhom ħafna aspetti. Per eżempju, it-tjieba u l-ġustizzja huma kwalitajiet morali, u jgħinuna nżommu l-livelli għoljin taʼ Jehovah.
L-għerf hu taħlita taʼ ħafna fatturi, li jinkludu l-fehma, id-dehen, l-għaqal, u l-abbiltà tal-ħsieb. Il-fehma hija l-abbiltà li wieħed janalizza kwistjoni u jagħraf minn xiex inhi komposta billi jifhem il-konnessjonijiet bejn il-partijiet tagħha u l-kwistjoni kollha kemm hi, u b’hekk jieħu s-sens tagħha. Id-dehen jitlob li wieħed ikollu għarfien tar-raġunijiet u li japprezza għala ċerta korsa hija tajba jew ħażina. Per eżempju, raġel li għandu l-fehma jistaʼ jagħraf meta xi ħadd ikun miexi f’direzzjoni ħażina, u jistaʼ jwissih fil-pront dwar il-periklu li jkun dieħel fih. Imma jeħtieġ li jkollu d-dehen biex jifhem għala l-persuna tkun miexja f’dik id-direzzjoni u biex jaħseb fl-iktar mod effettiv biex isalvah.
Nies għaqlin huma meqjusin u ma jibilgħux kollox bħal mazzun. (Proverbji 14:15) Huma kapaċi jagħrfu minn qabel li jkun ġej xi gwaj u jippreparaw għalih. U l-għerf jgħinna nifformaw ħsibijiet u ideat edifikanti li jagħtu direzzjoni bi skop fil-ħajja. L-istudju tal-proverbji Bibliċi huwa tabilħaqq premjanti għaliex dawn ġew dokumentati sabiex aħna nagħrfu l-għerf u d-dixxiplina. Saħansitra “dawk taʼ bla esperjenza” li jiftħu widnejhom għall-proverbji se jiksbu l-għaqal, u ż-“żgħażagħ” jiksbu l-għarfien u l-abbiltà tal-ħsieb.
Proverbji għall-Għorrief
Madankollu, il-proverbji Bibliċi m’humiex qegħdin hemm biss għal dawk bla esperjenza u għaż-żgħażagħ. Qegħdin hemm għal kulmin hu għaref biżżejjed biex jagħti widen. “Jismaʼ wkoll l-għaref, u jżid l-għerf tiegħu,” jgħid is-Sultan Salamun, “u min jifhem jitgħallem aktar, biex jifhem il-proverbji u t-tixbihat, u xi jgħidu l-għorrief u l-kliem mistur tagħhom.” (Proverbji 1:5, 6) Xi ħadd li diġà kiseb l-għerf se jżid it-tagħlim tiegħu billi jiftaħ widnejh għall-proverbji, u raġel taʼ fehma se jsinn l-abbiltà tiegħu li jidderieġi ħajtu b’suċċess.
Il-proverbji taʼ spiss jesprimu veritajiet profondi fi ftit kliem biss. Xi proverbji Bibliċi jistgħu jieħdu l-forma taʼ qawl taʼ taħbil il-moħħ. (Proverbji 1:17-19) Proverbji oħrajn għandhom għamla taʼ ħaġa moħġaġa—stqarrijiet li jħawduk u komplikati, li jkun jeħtieġ li jiġu solvuti. Proverbju għandu mnejn ukoll ikun fih xi similitudnijiet, metafori, u figuri tad-diskors oħrajn. Biex dawn nifhmuhom irridu ħafna ħin u meditazzjoni. Salamun, dak li kkompona dawn il-proverbji kollha, żgur li kien intiż fl-irqaqat taʼ kif wieħed jifhem il-proverbji. Fil-ktieb tal-Proverbji, hu jidħol għall-biċċa xogħol li jgħaddi din l-abbiltà lill-qarrejja tiegħu, xi ħaġa li persuna għarfa tkun trid tagħti attenzjoni għaliha.
Il-Bidu li Jwassal għall-Mira
Kif nistgħu nibdew niksbu l-għerf u d-dixxiplina? Salamun iwieġeb: “Il-biżaʼ tal-Mulej hu l-bidu taʼ l-għerf; l-għerf u t-tagħlim [“id-dixxiplina,” “NW”] il-boloh imaqdruhom.” (Proverbji 1:7) L-għarfien jibda bil-biżaʼ taʼ Jehovah. Mingħajr għarfien ma jistaʼ jkun hemm ebda għerf jew dixxiplina. Għalhekk, il-biżaʼ taʼ Jehovah huwa l-bidu taʼ l-għerf u d-dixxiplina.—Proverbji 9:10; 15:33.
Il-biżaʼ t’Alla m’huwiex li wieħed ikollu tkexkix tal-waħx minnu. Pjuttost, huwa riverenza profonda u rispett lejh. Ma jistaʼ jkun hemm ebda għarfien veru mingħajr dan il-biżaʼ. Il-ħajja toriġina mingħand Alla Jehovah, u m’għandniex xi ngħidu, il-ħajja hija essenzjali biex aħna jkollna kwalunkwe tip t’għarfien. (Salm 36:10 [Salm 36:9, NW]; Atti 17:25, 28) Barra minn hekk, Alla ħalaq kollox; allura l-għarfien kollu li għandhom il-bnedmin huwa bbażat fuq studju taʼ xogħol idejh. (Salm 19:2, 3 [Salm 19:1, 2, NW]; Apokalissi 4:11) Ukoll, Alla nebbaħ il-Kelma miktuba tiegħu, li “tiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-sewwa.” (2 Timotju 3:16, 17) B’hekk, is-sors essenzjali taʼ l-għarfien veru kollu hu Jehovah, u min ifittex li jikseb dan l-għarfien irid ikollu biżaʼ riverenzjali minnu.
Kemm huma taʼ valur l-għarfien tal-bnedmin u l-għerf tad-dinja mingħajr il-biżaʼ t’Alla? L-appostlu Pawlu kiteb: “Fejn hu l-għaref? Fejn hu l-iskriba? Fejn hu l-filosfu taʼ din id-dinja? Forsi Alla ma bellahx l-għerf tad-dinja?” (1 Korintin 1:20) Xi ħadd li huwa meqjus bħala għaref mid-dinja iżda huwa nieqes mill-biżaʼ t’Alla jiġbed konklużjonijiet ħżiena minn fatti magħrufa u jispiċċa jkun ‘xejn ħlief iblah.’
“Kullana . . . Madwar Għonqok”
Is-sultan għaref imbagħad jindirizza liż-żgħażagħ: “Ismaʼ, ibni, kliem missierek [“lid-dixxiplina taʼ missierek,” “NW”], u twarrabx tagħlim ommok [“il-liġi t’ommok,” “NW”]; dawn huma għalik kuruna sabiħa fuq rasek, u kullana taʼ ġieħ madwar għonqok.”—Proverbji 1:8, 9.
F’Iżrael tal-qedem, il-ġenituri kellhom ir-responsabbiltà mogħtija lilhom minn Alla li jgħallmu lil uliedhom. Mosè ħeġġeġ lill-missirijiet: “Żomm f’qalbek dan il-kliem u dawn il-kmandamenti li qiegħed nagħtik illum. Tennihom lil uliedek, u tkellem fuqhom meta tkun f’darek, u meta tkun miexi fit-triq, u meta timtedd, u meta tqum.” (Dewteronomju 6:6, 7) L-ommijiet ukoll kienu jinfluwenzaw lit-tfal b’mod konsiderevoli. Mara Ebrajka setgħet issaħħaħ iktar il-liġi fil-familja, basta ma taqbiżx il-limiti taʼ l-awtorità taʼ żewġha.
Fil-fatt, fil-Bibbja mill-bidu sa l-aħħar il-familja hija stabbilita bħala l-arranġament bażiku biex tingħata l-edukazzjoni. (Efesin 6:1-3) Għat-tfal, li jobdu mill-ġenituri Kristjani tagħhom huwa bħal li jkunu mżejnin b’mod figurattiv b’kuruna dekorattiva sabiħa u kullana taʼ ġieħ.
“Il-Qligħ li Jikseb Ineħħilu Ħajtu”
Wieħed missier mill-Asja, qabel ma bagħat lil ibnu taʼ 16-il sena lejn l-Istati Uniti biex jikseb edukazzjoni iktar għolja, wissieh biex ma jagħmilhiex maʼ nies ħżiena. Dan il-parir jidwi t-twissija taʼ Salamun: “Ibni, jekk iħajjruk il-ħżiena, toqgħodx għalihom.” (Proverbji 1:10) Madankollu, Salamun juri preċiżament il-lixka li dawn jużaw: “Jgħidulek, ‘Ejja magħna; nissajjaw ħa nxerrdu d-dmija, nistaħbew ħa naħbtu għal min hu bla ħtija; nibilgħuhom bħal Art l-Imwiet, ħajjin u sħaħ, bħal dawk li jmorru fil-ħofra; nsibu kull ġid u għana, nimlew djarna bil-priża; itfaʼ xortik magħna, ikollna lkoll but wieħed.’”—Proverbji 1:11-14.
Huwa ċar daqs il-kristall li l-lixka hi r-rikkezzi. Il-“ħżiena,” bil-ħsieb li jagħmlu profitti fi żmien qasir, jisseduċu lil oħrajn biex jinvolvu ruħhom fil-komplotti vjolenti jew diżonesti tagħhom. Biex jiggwadanjaw materjalment, dawn in-nies mill-agħar ma joqogħdux lura milli jxerrdu d-demm. Huma ‘jibilgħu lill-vittma tagħhom bħal Art l-Imwiet, ħaj u sħiħ,’ u jisirqulu kulma għandu, l-istess bħalma l-qabar jirċievi l-ġisem kollu kemm hu. L-istedina tagħhom hi għal karriera fil-kriminalità—huma jridu ‘jimlew djarhom bil-priża,’ u jridu lil min hu bla esperjenza ‘jitfaʼ xortih magħhom.’ Kemm hi twissija f’waqtha għalina! Il-klikek taż-żgħażagħ u t-traffikanti tad-drogi mhux ukoll jużaw metodi simili biex idaħħlu wħud ġodda magħhom? M’hijiex il-wegħda taʼ rikkezzi fi żmien qasir it-tentazzjoni taʼ ħafna proposti dubjużi taʼ negozju?
“Ibni,” iwissi s-sultan għaref, “tmurx magħhom fi triqthom, warrab riġlejk minn mogħdijiethom; għax riġlejhom għall-ħażen jiġbdu, u għat-tixrid taʼ demm jgħaġġlu.” Bħala tbassira tat-tmiem diżastruż tagħhom, hu jżid: “Għalxejn tifrex ix-xibka, fejn kull għasfur jistaʼ jaraha. Iżda dawn għal demmhom stess jissajjaw, u għalihom infushom jonsbu. Din hi x-xorti taʼ min jistagħna bid-dnewwa, il-qligħ li jikseb ineħħilu ħajtu.”—Proverbji 1:15-19.
“Min jistagħna bid-dnewwa” se jinqered bħala riżultat tal-korsa li jkun qabad hu stess. L-istess nasba li l-ħżiena ħejjew għal oħrajn se ssir nassa għalihom stess. Dawk li jagħmlu l-ħażen apposta se jibdluha l-korsa tagħhom? Le. Xibka tistaʼ tkun tidher sewwa, imma l-għasafar—ħlejjaq li ‘għandhom il-ġwienaħ,’ (Saydon)—xorta jibqgħu deħlin dritt fiha. B’mod simili, il-ħżiena, mogħmijin mir-regħba tagħhom, ikomplu sejrin bl-atti kriminali tagħhom, avolja xi darba jew oħra se jinqabdu.
Min Se Jagħti Widen għal Leħen taʼ l-Għerf?
Huma dawk li jidinbu attwalment konxji li l-korsa tagħhom hija waħda diżastruża? Ġew huma mwissijin dwar il-konsegwenzi tal-mogħdijiet li huma mexjin fihom? Bl-ebda mod ma jistgħu jgħidu li ma jafu b’xejn, għaliex fil-postijiet pubbliċi qed jiġi proklamat messaġġ dirett ħafna.
Salamun jiddikjara: “L-għerf jgħajjat fit-triqat, leħnu jgħolli fl-imsieraħ, isejjaħ fil-bidu taʼ triq kollha storbju, ixandar fid-daħla taʼ bibien il-belt.” (Proverbji 1:20, 21) L-għerf qed jgħajjat b’leħen ċar u għoli fil-postijiet pubbliċi sabiex jismaʼ kulħadd. F’Iżrael tal-qedem, l-irġiel ixjeħ kienu jagħtu pariri t’għerf u jagħmlu deċiżjonijiet ġudizzjali fi bwieb il-belt. Fil-każ tagħna, Jehovah ġiegħel li l-għerf veru jiġi dokumentat fil-Kelma tiegħu, il-Bibbja, li hija disponibbli maʼ kullimkien. U l-qaddejja tiegħu llum għandhom ħafna x’jagħmlu f’li jiddikjaraw pubblikament il-messaġġ tagħha maʼ kullimkien. Tabilħaqq, Alla qed iġiegħel l-għerf jiġi proklamat quddiem kulħadd.
X’jgħid l-għerf veru? Dan: “Intom, boloh [“intom taʼ bla esperjenza,” “NW”], kemm se ddumu tħobbu l-bluha? Kemm se jdumu l-insolenti jitgħaxxqu bl-insolenzi tagħhom . . . Sejjaħtilkom, u intom ma ridtux tisimgħu, meddejt idejja lejkom, u ħadd ma ta kas.” Il-boloh ma jagħtux kas il-leħen taʼ l-għerf. B’konsegwenza taʼ dan, se “jieklu frott għemilhom.” “L-ebusija taʼ moħħhom nieqes [“it-tradiment,” “NW”] . . . u l-bruda” tagħhom stess ‘se jeqirduhom.’—Proverbji 1:22-32.
Xi ngħidu, iżda, għal dak li ħa l-ħin biex jagħti widen għal-leħen taʼ l-għerf? “Min jismaʼ lili jgħix moħħu mistrieħ, bla ebda tfixkil, bla biżaʼ tal-ħsara.” (Proverbji 1:33) Jalla tkun fost dawk li jiksbu l-għerf u jaċċettaw id-dixxiplina billi jiftħu widnejhom għall-proverbji Bibliċi.
[Stampa f’paġna 15]
L-għerf veru huwa disponibbli maʼ kullimkien