LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 9/15 p. 16-p. 19 para. 17
  • Punti Prinċipali mill-Ktieb tal-Proverbji

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Punti Prinċipali mill-Ktieb tal-Proverbji
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ‘IKSEB L-​GĦERF U AQBAD SEW MAD-​DIXXIPLINA’
  • (Proverbji 1:​1–​9:​18)
  • PROVERBJI INDIVIDWALI BIEX JIGGWIDAWNA
  • (Proverbji 10:​1-​29:27)
  • ‘MESSAĠĠI QAWWIJIN’
  • (Proverbji 30:​1-​31:31)
  • Ikseb l-Għerf u Aċċetta d-Dixxiplina
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • ‘Bl-Għerf Jitkattrulna Jiem Ħajjitna’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Nikkultivaw il-Biżaʼ t’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • “Hieni Min Isib l-Għerf”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 9/15 p. 16-p. 19 para. 17

Il-​Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja

Punti Prinċipali mill-​Ktieb tal-​Proverbji

IS-​SULTAN SALAMUN taʼ Iżrael tal-​qedem “qabbel tlitt elef proverbju.” (1 Slaten 5:​12 [4:​32, NW ]) Għandna aħna aċċess għall-​proverbji tiegħu kollhom għerf? Iva, għandna. Fil-​ktieb Bibliku tal-​Proverbji, li tlesta madwar is-​sena 717 Q.E.K., hemm imniżżlin ħafna mill-​proverbji taʼ Salamun. L-​aħħar żewġ kapitli nkitbu minn kittieba oħrajn​—Agur, bin Ġaki u Lemwel is-​sultan. Madankollu, xi wħud jemmnu li Lemwel kien isem ieħor għal Salamun.

Il-proverbji ispirati miġburin fil-​ktieb tal-​Proverbji għandhom skop doppju​—“biex jagħrfu . . . l-​għerf u [“id-​dixxiplina,” NW].” (Proverbji 1:2) Dawn il-​proverbji jgħinuna niksbu l-​għerf, li huwa l-​abbiltà li wieħed jara l-​affarijiet b’mod ċar u japplika l-​għarfien sabiex isolvi l-​problemi. Permezz tal-​proverbji, aħna nirċievu wkoll id-​dixxiplina, jew it-​taħriġ morali. Jekk nagħtu attenzjoni għal dawn il-​proverbji u nagħtu widen għall-​pariri tagħhom, dan jistaʼ jeffettwalna qalbna, iġibilna l-​hena, u jwassalna għas-​suċċess.​—Ebrej 4:​12.

‘IKSEB L-​GĦERF U AQBAD SEW MAD-​DIXXIPLINA’

(Proverbji 1:​1–​9:​18)

“L-​għerf jgħajjat fit-​triqat,” jgħid Salamun. (Proverbji 1:​20) Għaliex għandna nisimgħu mil-​leħen għoli u ċar tiegħu? Kapitlu 2 jikkwota ħafna benefiċċji li jiġu jekk wieħed jakkwista l-​għerf. Kapitlu 3 jiddiskuti kif nistgħu nfittxu li nkunu qrib Ġeħova. Imbagħad Salamun jgħid: “L-​aqwa ħaġa, li tikseb l-​għerf; ikseb id-​dehen akkost taʼ kollox. Żomm mat-​tagħlim, u tħallih qatt.”​—Proverbji 4:​7, 13.

X’se jgħinna nirreżistu l-​modi immorali tad-​dinja? Il-​ħames kapitlu tal-​Proverbji jwieġeb: Eżerċita l-​abbiltà tal-​ħsieb, u agħraf il-​modi qarrieqa tad-​dinja. Ikkunsidra wkoll il-​konsegwenzi li ġġib magħha l-​immoralità. Il-​kapitlu li jmiss iwissina kontra l-​prattiki u l-​attitudnijiet li jpoġġu r-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova fil-​periklu. Is-​sebaʼ kapitlu jipprovdi deskrizzjoni reali u imprezzabbli taʼ kif taġixxi persuna immorali. F’kapitlu 8 l-​valur u l-​effett taʼ l-​għerf huwa preżentat b’mod taʼ l-​għaġeb. Id-​disaʼ kapitlu, li hu konklużjoni li tqanqlek għall-​proverbji li kkunsidrajna s’issa, jiġi preżentat bħala tixbiha eċċitanti li timmotivana biex niksbu l-​għerf.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

1:7; 9:​10​—Il-​biżaʼ minn Ġeħova b’liema mod huwa “l-​bidu taʼ l-​għarfien” (NW) u “l-​bidu taʼ l-​għerf”? Mingħajr il-​biżaʼ minn Ġeħova ma jistax ikun hemm għarfien għaliex hu l-​Ħallieq taʼ kollox u l-​Awtur taʼ l-​Iskrittura. (Rumani 1:​20; 2 Timotju 3:​16, 17) Hu s-​Sors innifsu taʼ l-​għarfien veru kollu. Għalhekk, l-​għarfien jibda bil-​biżaʼ riverenzjali minn Ġeħova. Il-​biżaʼ minn Alla huwa wkoll il-​bidu taʼ l-​għerf minħabba li ma jistax ikun hemm għerf mingħajr għarfien. Iktar minn hekk, persuna li m’għandhiex il-​biżaʼ taʼ Ġeħova m’hijiex se tuża kwalunkwe għarfien li għandha biex tonora lill-​Ħallieq.

5:3​—Prostituta għala tissejjaħ “mara stranġiera” (NW)? Proverbji 2:​16, 17 jiddeskrivi “mara stranġiera” bħala persuna li “tinsa l-​patt li għamlet maʼ Alla tagħha.” Kulmin kien jaqdi allat foloz jew kien jagħżel li ma jagħtix kas il-​Liġi Mosajka, inkluż prostituta, kien jissejjaħ stranġier.​—Ġeremija 2:​25; 3:​13.

7:​1, 2​—X’hemm inkluż fi “kliemi” u fil-​“kmandamenti tiegħi”? Flimkien mat-​tagħlim tal-​Bibbja, dawn jinkludu r-​regoli tal-​familja magħmulin mill-​ġenituri għall-​ġid tal-​membri tal-​familja. It-​tfal iridu jżommu maʼ dawn ir-​regoli kif ukoll mat-​tagħlim Skritturali li jirċievu mingħand il-​ġenituri tagħhom.

8:​30​—Min hu l-​“ħaddiem tas-​sengħa” (NW)? L-​għerf personifikat isejjaħ lilu nnifsu ħaddiem tas-​sengħa. Minbarra li tintuża b’mod letterarju biex tispjega l-​karatteristiki taʼ l-​għerf, din il-​personifikazzjoni, b’mod figurattiv, tirreferi għal Ġesù Kristu, l-​ewwel Iben imwieled t’Alla, fl-​eżistenza tiegħu qabel ma sar bniedem. Ħafna qabel it-​twelid tiegħu bħala bniedem fuq l-​art, hu kien ‘imnissel bħala l-​bidu taʼ l-​attività kreattiva t’Alla.’ (Proverbji 8:​22, NW ) Bħala “ħaddiem tas-​sengħa,” hu ħadem b’mod attiv maʼ Missieru matul il-​ħolqien taʼ l-​affarijiet kollha.​—Kolossin 1:​15-​17.

9:​17​—X’inhu “l-​ilma misruq,” u għala hu “ħelu”? Peress li l-​Bibbja xxebbah il-​pjaċir taʼ l-​intimità sesswali fiż-​żwieġ max-​xorb rifreskanti taʼ l-​ilma mtellaʼ minn bir, l-​ilma misruq jirrappreżenta r-​relazzjonijiet sesswali immorali u sigrieti. (Proverbji 5:​15-​17) L-​idea li tgħaddiha lixxa tagħti dehra pjaċevoli lil dan l-​ilma.

Lezzjonijiet Għalina:

1:​10-​14. Għandna noqogħdu attenti li ma ninġibdux lejn il-​modi ħżiena taʼ dawk midinbin permezz tal-​wegħdi tagħhom taʼ l-​għana.

3:3. Għandna ngħożżu ferm il-​qalb tajba bl-​imħabba u l-​verità u nuruhom bil-​miftuħ bħalma nuru ġiżirana imprezzabbli. Ukoll, irridu nnaqqxu dawn il-​kwalitajiet f’qalbna, billi nagħmluhom parti integrali minna.

4:​18. L-​għarfien spiritwali qed jiżdied bil-​mod il-​mod. Biex nibqgħu fid-​dawl irridu nkomplu nuru l-​umiltà u nkunu ġwejdin.

5:8. Għandna nżommu ’l bogħod minn kull influwenza immorali, sew jekk ġejja mill-​mużika, mid-​divertiment, mill-​Internet, jew mill-​kotba u r-​rivisti.

5:​21. Għandu wieħed li jħobb lil Ġeħova jibdel ir-​relazzjoni tajba li għandu maʼ l-​Alla l-​veru għal ftit mumenti taʼ pjaċir? Dażgur li le! L-​iktar motiv qawwi biex inżommu s-​safa morali huwa li nkunu konxji li Ġeħova jara l-​modi tagħna u jżommna responsabbli.

6:​1-5. F’dawn il-​versi, x’parir mill-​aqwa għandna kontra li ‘nagħmlu tajjeb’ għal ħaddieħor, jew nagħmlu rabtiet finanzjarji mhux għaqlin! Jekk wara li neżaminaw bir-​reqqa l-​azzjoni li nkunu ħadna nirrealizzaw li din ma tkunx għaqlija, mingħajr dewmien għandna ‘niffittawhom’ b’petizzjonijiet persistenti u nagħmlu li nistgħu biex nirranġaw l-​affarijiet.

6:​16-​19. Hawnhekk naraw is-​sebaʼ kategoriji bażiċi li jinvolvu kważi kull tip t’għemil ħażin. Għandna niżviluppaw stmerrija lejhom.

6:​20-​24. Taħriġ ibbażat fuq il-​Bibbja matul it-​trobbija jistaʼ jipproteġi lil dak li jkun milli jinqabad fin-​nassa taʼ l-​immoralità sesswali. Il-​ġenituri m’għandhomx jittraskuraw dan it-​taħriġ.

7:4. Għandna niżviluppaw ġibda lejn l-​għerf u l-​mogħdrija.

PROVERBJI INDIVIDWALI BIEX JIGGWIDAWNA

(Proverbji 10:​1-​29:27)

Il-​bqija tal-​proverbji taʼ Salamun huma proverbji konċiżi u individwali. Preżentati ġeneralment bħala kuntrasti, paralleli, u paraguni, dawn iwasslu lezzjonijiet qawwijin dwar il-​kondotta, id-​diskors, u l-​attitudni.

Kapitli 10 sa 24 jenfasizzaw il-​valur tal-​biżaʼ riverenzjali minn Ġeħova. Il-​proverbji f’kapitli 25 sa 29 kienu kkopjati min-​“nies taʼ Ħeżekija, sultan taʼ Ġuda.” (Proverbji 25:1) Dawn il-​proverbji jgħallmu l-​fiduċja f’Ġeħova u lezzjonijiet vitali oħrajn.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

10:6​—Kif jistaʼ “fomm il-​ħżiena jaħbi l-​vjolenza”? Dan jistaʼ jkun minnu fis-​sens li permezz taʼ kliem ħelu, l-​uħud mill-​agħar jaħbu l-​intenzjonijiet malizzjużi tagħhom biex jagħmlu l-​ħsara lil ħaddieħor. Jew jistaʼ jkun li peress li l-​uħud mill-​agħar ikunu mibgħudin, l-​ostilità li jirċievu mill-​oħrajn issikkithom.

10:10​—Il-​wieħed li “jegħmeż b’għajnejh” (NW) kif jikkaġuna l-​uġigħ? “Bniedem li ma jiswa għal xejn” (Karm Żammit ) jistaʼ mhux biss idur lejn “it-​tagħwiġ taʼ kliemu” iżda wkoll jipprova jaħbi l-​motivi tiegħu bil-​mod taʼ kif iġib ruħu, bħal per eżempju billi “jegħmeż b’għajnejh.” (Proverbji 6:​12, 13) Dan it-​tip taʼ qerq jistaʼ jsir sors taʼ ħafna niket għall-​vittma tiegħu.

10:29​—X’inhi “triq il-​Mulej” (KŻ)? Din tirreferi għall-​mod kif Ġeħova jittratta maʼ l-​umanità u mhux għall-​mod taʼ ħajja li għandna nsegwu. Il-​mod kif Alla jittratta mal-​bnedmin ifisser sigurtà għal dawk bla ħtija iżda qerda għal dawk mill-​agħar.

11:31​—Il-​wieħed mill-​agħar għala għandu jiġi premjat iktar mill-​wieħed ġust? Hawnhekk il-​premju jirreferi għad-​dixxiplina li kull wieħed jirċievi. Meta l-​persuna ġusta tiżbalja, il-​ħlas li tirċievi għall-​iżbalji tagħha huwa d-​dixxiplina. Il-​wieħed mill-​agħar jidneb apposta u jirrifjuta li jibda jagħmel it-​tajjeb. Għalhekk, hu jistħoqqlu u jirċievi kastig aħrax.

12:23​—Wieħed kif “jaħbi għerfu”? Meta taħbi l-​għerf ma jfissirx li ma turihx. Minflok, dan ifisser li wieħed juri l-​għerf b’mod għaqli, u ma jiffanfrax bih billi jiftaħar.

14:17​—B’liema mod ‘il-​bniedem li juża l-​abbiltà li jaħseb hu mibgħud’ (NW)? L-​espressjoni bl-​Ebrajk tradotta “l-​abbiltà li jaħseb” tistaʼ tfisser jew dehen jew inkella ħsibijiet malizzjużi. Ċertament li bniedem li għandu ħsibijiet mill-​agħar huwa mibgħud, l-​istess bħalma hu mibgħud il-​bniedem taʼ dehen li jeżerċita l-​abbiltajiet tal-​ħsieb tiegħu u jagħżel li ‘ma jkunx parti mid-​dinja.’​—Ġwanni 15:19.

18:19​—B’liema mod “ħuk imweġġaʼ jsir għalik bħal belt qawwija”? Bħal belt assedjata, individwu bħal dan jistaʼ b’mod sod jirrifjuta li jaħfer l-​iżball. Il-​ġlied bejnu u bejn il-​ħati jistaʼ jkun t’ostaklu “daqs bieb taʼ fortizza.”

Lezzjonijiet Għalina:

10:​11-​14. Sabiex kliemna jkun inkuraġġanti, irid ikollna moħħna mimli b’għarfien eżatt, qalbna tkun motivata mill-​imħabba, u l-​għerf għandu jiddetermina dak li ngħidu.

10:19; 12:18; 13:3; 15:28; 17:28. Jalla kliemna jkun ftit u jingħad bil-​ħsieb.

11:1; 16:11; 20:​10, 23. Ġeħova jridna nkunu onesti f’affarijiet taʼ negozju.

11:4. Tkun bluha li nsusu wara l-​għana materjali filwaqt li nittraskuraw l-​istudju persunali tal-​Bibbja, l-​attendenza għal-​laqgħat, it-​talb, u l-​ministeru taʼ l-​għalqa.

13:4. M’huwiex biżżejjed li jkollna “x-​xewqa” għal pożizzjoni taʼ responsabbiltà fil-​kongregazzjoni jew għall-​ħajja fis-​sistema l-​ġdida. Irridu wkoll inkunu beżlin u nagħmlu sforz ħabrieki biex nilħqu l-​ħtiġijiet.

13:24; 29:​15; 29:​21 (NW). Ġenitur li jħobb ma jfissidx lil ibnu jew jagħlaq għajnejh għan-​nuqqasijiet tiegħu. Minflok, missier jew omm tieħu passi biex tikkoreġi u taqlaʼ mill-​għeruq dawn in-​nuqqasijiet qabel ma jinżlu fil-​fond.

14:10. Peress li ma nistgħux nesprimu biċ-​ċar is-​sentimenti ġewwinin tagħna f’kull ħin u lanqas ikunu dejjem mifhumin minn dawk li jkunu qed jarawna, il-​faraġ emozzjonali li oħrajn jistgħu joffru għandu l-​limiti tiegħu. Għandu mnejn ikollna nissaportu xi diffikultajiet billi nistrieħu fuq Ġeħova biss.

15:7. M’għandniex ngħidu dak kollu li nafu lil xi persuna f’daqqa, l-​istess bħalma bidwi ma jiżrax iż-​żrieragħ kollha tiegħu f’post wieħed. Il-​wieħed għaqli jxerred l-​għarfien tiegħu ftit ftit skond il-​bżonn.

15:15; 18:14. Meta nżommu attitudni mentali pożittiva se niġu megħjunin insibu l-​ferħ, anki jekk ninsabu f’ċirkustanzi taʼ niket.

17:24. Kuntrarju għall-​“iblah,” li għajnejh u moħħu jintilfu minflok ma jiffokaw fuq l-​affarijiet importanti, aħna għandna nfittxu li nifhmu sabiex inkunu nistgħu naġixxu bl-​għerf.

23:​6-8. Għandna noqogħdu għassa kontra li nuru ospitalità ipokrita.

27:21. It-​tifħir jistaʼ jirrivela min aħna. L-​umiltà tintwera jekk il-​foħrija tqanqalna biex nagħrfu li aħna midjunin maʼ Ġeħova u tinkuraġġina biex inkomplu naqduh. Meta t-​tifħir jippromwovi sentimenti taʼ superjorità jinkixef nuqqas t’umiltà.

27:​23-​27. Billi jużaw il-​ħajja taʼ ragħaj bħala eżempju, dawn il-​proverbji jenfasizzaw il-​valur taʼ li wieħed isib il-​kuntentizza f’ħajja sempliċi li tirriżulta minn xogħol ħabrieki. B’mod speċjali, għandhom inaqqxu fina l-​bżonn li niddependu minn Alla.a

28:5. Jekk ‘infittxu l-​Mulej’ permezz tat-​talb u l-​istudju tal-​Kelma tiegħu, nistgħu ‘nifhmu kollox,’ jiġifieri dak kollu li hemm bżonn biex naqduh b’mod aċċettabbli.

‘MESSAĠĠI QAWWIJIN’

(Proverbji 30:​1-​31:31)

Il-​ktieb Bibliku tal-​Proverbji jikkonkludi b’żewġ ‘messaġġi qawwijin.’ (Proverbji 30:1; 31:​1, NW ) Permezz taʼ paraguni li jqanqlu l-​ħsieb, il-​messaġġ t’Agur juri kemm ir-​regħba ma tistax tissodisfaha u juri kemm ma jistgħux jinqabdu l-​modi persważivi taʼ raġel biex jisseduċi xebba.b Dan iwissi wkoll kontra l-​kburija u d-​diskors mimli korla.

Fil-messaġġ qawwi li Lemwel irċieva mingħand ommu nsibu pariri għaqlin dwar l-​użu taʼ l-​inbid u x-​xorb li jsakkar kif ukoll dwar li nagħmlu ġudizzju ġust. Id-​deskrizzjoni taʼ mara tajba tispiċċa bl-​istqarrija: “Agħtuha mill-​frott taʼ xogħol idejha. Ħa jfaħħruha f’bibien il-​belt l-​għemejjel tagħha.”​—Proverbji 31:31.

Ikseb l-​għerf, aċċetta d-​dixxiplina, ikkultiva il-​biża t’Alla, strieħ fuq Ġeħova. X’lezzjonijiet taʼ valur jgħallmu l-​proverbji ispirati! Għalhekk, ejja napplikaw il-​parir tagħhom u b’hekk nesperjenzaw il-​ferħ taʼ “bniedem li jibżaʼ mill-​Mulej.”​—Salm 112:1.

[Noti taʼ taħt]

a Ara The Watchtower taʼ l-​1 t’Awissu, 1991, paġna 31.

b Ara The Watchtower taʼ l-​1 taʼ Lulju, 1992, paġna 31.

[Stampi f’paġna 16]

Ġeħova huwa s-​Sors taʼ l-​għarfien veru kollu

[Stampa f’paġna 18]

Xi jfisser li ‘jinxtered it-​tagħlim’?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja