LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w00 5/15 pp. 25-29
  • Siġra taż-Żebbuġ li Tħaddar fid-Dar t’Alla

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Siġra taż-Żebbuġ li Tħaddar fid-Dar t’Alla
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Is-​Siġra b’Saħħitha taż-​Żebbuġ
  • “Bħal Xitel taż-​Żebbuġ”
  • “Siġra Għallinqas Għandha Tama”
  • Is-​Siġra taż-​Żebbuġ Simbolika
  • Dlik biż-​Żejt
  • “Siġra taż-​Żebbuġ li Tħaddar fid-​Dar taʼ Alla”
  • Siġra li ġiet maqtugħa tistaʼ terġaʼ tikber?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • ‘O Kemm Hu Profond l-Għerf t’Alla!’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Ġob kellu fiduċja fl-irxoxt
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2016
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
w00 5/15 pp. 25-29

Siġra taż-​Żebbuġ li Tħaddar fid-​Dar t’Alla

FL-​ART taʼ Iżrael, tikber siġra li mhux faċli teqridha. Anki meta titqaċċat, iz-​zokk taʼ l-​għeruq tagħha malajr jerġaʼ jibda jarmi. U meta jasal żmien il-​ħsad tal-​frott tagħha, hi tagħti lil sidha abbundanza taʼ żejt li jkun jistaʼ jintuża għat-​tisjir, għad-​dawl, għall-​iġjene, u għall-​kosmetiċi.

Skond parabbola antika mniżżla fil-​ktieb Bibliku taʼ Mħallfin, “darba marru s-​siġar biex jidilku sultan fuqhom.” Liema kienet is-​siġra li għażlu l-​ewwel mis-​siġar kollha tal-​foresti? Is-​siġra b’saħħitha u folta taż-​żebbuġ.—Mħallfin 9:8.

Iktar minn 3,500 sena ilu, il-​profeta Mosè ddeskriva lil Iżrael bħala “art tajba, . . . art taż-​żebbuġ.” (Dewteronomju 8:​7, 8) Anki llum, l-​imsaġar tas-​siġar taż-​żebbuġ huma mifruxin mal-​pajsaġġ kollu, minn taħt il-​Muntanja Ħermon fit-​tramuntana sat-​truf taʼ Birsaba fin-​nofsinhar. Dawn għadhom iżejnu l-​kosta tal-​Pjanura taʼ Saron, l-​għoljiet kollhom blat tas-​Samarija, u l-​widien fertili tal-​Galilija.

Il-kittieba tal-​Bibbja taʼ spiss użaw is-​siġra taż-​żebbuġ f’sens figurattiv. Il-​fatturi taʼ din is-​siġra servew biex juru l-​ħniena t’Alla, il-​wegħda taʼ l-​irxoxt, u l-​ħajja tal-​familja ferħana. Ħarsa iktar mill-​qrib lejn is-​siġra taż-​żebbuġ se tgħinna nifhmu dawn ir-​referenzi Skritturali, u se tkabbar l-​apprezzament tagħna għal din is-​siġra unika li tingħaqad mal-​kumplament tal-​ħolqien f’li tfaħħar lil Dak li ħalaqha.—Salm 148:​7, 9.

Is-​Siġra b’Saħħitha taż-​Żebbuġ

Maʼ l-​ewwel daqqa t’għajn is-​siġra taż-​żebbuġ m’għandha xejn partikulari x’jimpressjonak. Ma tikbirx m’ogħla s-​sema bħal xi ċedri grandjużi tal-​Libanu. L-​injam tagħha m’huwiex taʼ valur bħal dak tal-​ġnibru, u l-​fjuri tagħha ma jpaxxux l-​għajn bħal dawk tas-​siġra tal-​lewż. (L-Għanja taʼ l-​Għanjiet 1:17; Għamos 2:9) L-​iktar parti importanti tas-​siġra taż-​żebbuġ hija moħbija—taħt l-​art. L-​għeruq estensivi tagħha jistgħu jinżlu sa 6 metri fond, iżda jistgħu jinfirxu fil-​wisaʼ ħafna iktar minn hekk. Dawn l-​għeruq huma fundamentali biex is-​siġra tkun folta u tibqaʼ ħajja f’kundizzjonijiet ħorox.

Dawn l-​għeruq jgħinu s-​siġar taż-​żebbuġ fuq għoljiet kollhom blat biex jibqgħu ħajjin fi żmien taʼ nixfa, filwaqt li s-​siġar fil-​wied ikunu diġà mietu bl-​għatx. L-​għeruq jgħinuha tkompli tipproduċi ż-​żebbuġ għal sekli sħaħ, għalkemm iz-​zokk qadim u mgħawweġ tagħha jkun jidher tajjeb biss għall-​ħatab. Kulma trid din is-​siġra b’saħħitha hu li jkollha biżżejjed spazju fejn tikber kif ukoll ħamrija li tistaʼ tgħaddi l-​arja minnha. Barra minn hekk ma jridx ikollha ħaxix ħażin li jistaʼ jġib fuqha xi mard jew insetti li jagħmlu l-​ħsara. Jekk dawn il-​bżonnijiet sempliċi jintlaħqu, siġra waħda tkun kapaċi tagħti sa 57 litru żejt fis-​sena.

Mingħajr ebda dubju, l-​Iżraelin kellhom għal qalbhom iż-​żebbuġ minħabba ż-​żejt prezzjuż tiegħu. Huma kienu jużawh fl-​imsiebaħ bil-​ftejjel tagħhom biex idawlu djarhom, u bħala parti essenzjali fit-​tisjir. (Levitiku 24:2) Iż-​żejt taż-​żebbuġa kien ukoll jipproteġi l-​ġilda mix-​xemx, u kien jintuża mill-​Iżraelin biex jagħmlu s-​sapun għall-​ħasil. Il-​qamħ, l-​inbid, u ż-​żebbuġ kienu l-​prodotti prinċipali taʼ l-​art. B’hekk, meta ma kienx ikun hemm ħsad tajjeb taż-​żebbuġ dan kien ifisser diżastru għal familja Iżraelija.—Dewteronomju 7:13; Ħabakkuk 3:17.

Madankollu, normalment kien ikun hemm abbundanza taʼ żejt taż-​żebbuġa. X’aktarx li Mosè rrefera wkoll għall-​Art Imwegħda bħala “art taż-​żebbuġ” għax is-​siġra taż-​żebbuġ kienet l-​iktar siġra kultivata f’dawk l-​inħawi. In-​naturalista tas-​seklu dsatax, H. B. Tristram, iddeskriva s-​siġra taż-​żebbuġ bħala li hija l-​iktar siġra tipika tal-​pajjiż. Minħabba l-​valur u l-​abbundanza tiegħu, iż-​żejt taż-​żebbuġa kien ukoll jintuża flok flus fir-​reġjun Mediterranju kollu. Ġesù Kristu stess irrefera għal dejn li ġie kalkulat li jiswa daqs “mitt barmil żejt.”—Luqa 16:​5, 6.

“Bħal Xitel taż-​Żebbuġ”

Is-​siġra taż-​żebbuġ tant siewja tagħti stampa tajba ħafna tal-​barkiet divini. Wieħed li għandu l-​biżaʼ t’Alla kif jistaʼ jiġi premjat? “Martek tkun bħal dielja għammiela fl-​irkejjen taʼ darek,” għanna s-​salmista. “Uliedek bħal xitel taż-​żebbuġ madwar il-​mejda tiegħek.” (Salm 128:3) X’inhuma dawn ix-​“xitel taż-​żebbuġ,” u s-​salmista għala jqabbilhom maʼ wlied?

Is-siġra taż-​żebbuġ m’hijiex bħas-​siġar l-​oħrajn minħabba l-​fatt li dejjem tarmi minn isfel.a Meta z-​zokk prinċipali ma jibqax jagħmel frott bħal qabel, minħabba li jkun xjaħ, dawk li jikkultivaw jistgħu jħallu numru taʼ xitel, jew friegħi ġodda, jikbru sakemm isiru parti integrali mis-​siġra. Wara xi żmien, is-​siġra oriġinali tkun imdawra bi tlett izkuk jew erbgħa ġodda u b’saħħithom, bħal ulied madwar mejda. Dawn il-​friegħi huma parti mill-​istess zokk taʼ l-​għeruq, u kollha flimkien jipproduċu abbundanza taʼ żebbuġ.

Din il-​karatteristika tas-​siġra taż-​żebbuġ turi bix-​xieraq kif l-​ulied subien u bniet jistgħu jikbru sħaħ fil-​fidi, grazzi għall-​għeruq spiritwali b’saħħithom tal-​ġenituri tagħhom. Hekk kif l-​ulied jikbru, huma wkoll ikollhom sehem f’li jagħmlu l-​frott u jappoġġaw lill-​ġenituri tagħhom. Dawn, min-​naħa tagħhom, żgur li jifirħu meta jaraw lil uliedhom jaqdu lil Jehovah flimkien magħhom.—Proverbji 15:20.

“Siġra Għallinqas Għandha Tama”

Missier imdaħħal fiż-​żmien u li jaqdi lil Jehovah jitgħaxxaq b’uliedu li għandhom il-​biżaʼ t’Alla. Imma dawn l-​istess ulied jitnikktu meta missierhom eventwalment ‘jaqbad it-​triq li minnha jgħaddi kulħadd.’ (1 Slaten 2:2) Sabiex tgħinna nkampaw maʼ traġedja familjari bħal din, il-​Bibbja tassigurana li se jkun hemm l-​irxoxt.—Ġwann 5:​28, 29; 11:25.

Ġob, il-​missier taʼ ħafna wlied, kien konxju ħafna dwar il-​ħajja qasira tal-​bniedem. Hu qabbilha maʼ fjura li malajr tidbiel. (Ġob 1:2; 14:​1, 2) Ġob xtaq ħafna li jmut sabiex jaħrab mill-​agunija tiegħu, billi kien iqis il-​qabar bħala post fejn setaʼ jinħeba u li mbagħad jerġaʼ jirritorna minnu. “Li kien jistaʼ bniedem imut u jerġaʼ għall-​ħajja,” qal Ġob. Imbagħad wieġeb b’fiduċja: “Iż-​żmien kollu tas-​servizz tiegħi kont nissaporti sa ma jasal il-​waqt tal-​bidla tiegħi. [Int Jehovah] kont tgħajjatli u jiena nwieġbek, kont titgħaxxaq bl-​opra taʼ jdejk.”—Ġob 14:​13-15.

Ġob kif uriha l-​konvinzjoni tiegħu li Alla kien se jgħajjatlu mill-​qabar? Permezz taʼ siġra, li mid-​deskrizzjoni tagħha x’aktarx li kienet is-​siġra taż-​żebbuġ. “Siġra għallinqas għandha tama,” qal Ġob. “Li jekk tinqataʼ terġaʼ ttellaʼ.” (Ġob 14:7) Siġra taż-​żebbuġ tistaʼ titqaċċat, imma b’daqshekk ma tiġix meqruda. Is-​siġra tmut biss jekk tinqalaʼ mill-​għeruq tagħha. Jekk l-​għeruq jibqgħu sħaħ, is-​siġra terġaʼ tarmi b’qawwa ġdida.

Anki wara perijodu twil taʼ nixfa li jgħakkes ħafna lil siġra taż-​żebbuġ xiħa, iz-​zokk mixrub tagħha jistaʼ jieħu l-​ħajja mill-​ġdid. “Mqar jixjieħu fl-​art għeruqha, u jinxef fit-​trab iz-​zokk tagħha, kif tħoss l-​ilma terġaʼ tarmi, u tagħmel il-​friegħi bħal xitla ġdida.” (Ġob 14:​8, 9) Peress li Ġob kien jgħix f’art niexfa u kollha trab, probabbilment hu kien osserva ħafna zkuk qodma tas-​siġar taż-​żebbuġ, li kienu jidhru nexfin u bla ħajja. Madankollu, meta kienet terġaʼ tagħmel ix-​xita, siġra “mejta” bħal din kienet terġaʼ tieħu l-​ħajja u zokk ġdid kien joħroġ mill-​għeruq tagħha bħallikieku “xitla ġdida.” Din il-​kapaċità taʼ l-​għaġeb wasslet lil wieħed Tuniżin li jistudja l-​pjanti biex josserva: “Tistaʼ tgħid li s-​siġar taż-​żebbuġ huma immortali.”

Sewwa sew bħalma bidwi jkun jixtieq ħafna li jara s-​siġar taż-​żebbuġ nexfin tiegħu jarmu mill-​ġdid, l-​istess Jehovah jixxennaq biex jirxoxta lill-​qaddejja leali tiegħu. Hu jħares ’il quddiem għaż-​żmien meta individwi leali bħal Abraham u Sara, Iżakk u Rebekka, u ħafna oħrajn jerġgħu jiġu lura għall-​ħajja. (Mattew 22:​31, 32) Kemm se tkun ħaġa meraviljuża li nilqgħu lura lill-​mejtin u narawhom jgħixu ħajjiet mimlijin u li jagħtu l-​frott mill-​ġdid!

Is-​Siġra taż-​Żebbuġ Simbolika

Il-​ħniena t’Alla hija murija fl-​imparzjalità tiegħu kif ukoll fil-​provvediment tiegħu taʼ l-​irxoxt. L-​appostlu Pawlu uża s-​siġra taż-​żebbuġ biex jagħtina stampa taʼ kif Jehovah juri ħniena man-​nies kollha minkejja r-​razza jew l-​isfond tagħhom. Għal sekli sħaħ, il-​Lhud kienu minfuħin bihom infushom minħabba li kienu l-​poplu magħżul t’Alla, “nisel Abraham.”—Ġwann 8:33; Luqa 3:8.

Biex wieħed jikseb il-​favur divin dan ma kellux bilfors jitwieled fil-​ġens Lhudi. Madankollu, id-​dixxipli bikrin taʼ Ġesù kienu kollha Lhud, u kellhom il-​privileġġ li jkunu l-​ewwel bnedmin magħżulin minn Alla biex jifformaw iż-​żerriegħa mwegħda t’Abraham. (Ġenesi 22:18; Galatin 3:29) Pawlu xebbah lil dawn id-​dixxipli Lhud mal-​friegħi taʼ siġra taż-​żebbuġ simbolika.

Il-biċċa l-​kbira tal-​Lhud naturali ċaħduh lil Ġesù, u hekk tilfu l-​opportunità li jkunu l-​membri futuri tal-​“merħla ċkejkna,” jew l-​“Iżrael taʼ Alla.” (Luqa 12:32; Galatin 6:16) B’hekk, b’mod simboliku huma saru bħal friegħi tas-​siġra taż-​żebbuġ li ġew miżburin. Min kellu jieħu posthom? Fis-​sena 36 E.K., il-​Ġentili ntgħażlu biex ikunu parti miż-​żerriegħa t’Abraham. Kien bħallikieku Jehovah laqqam is-​siġra taż-​żebbuġ fil-​ġnien bi friegħi taʼ siġra taż-​żebbuġ salvaġġa. Dawk li kellhom jifformaw iż-​żerriegħa mwegħda t’Abraham kienu jinkludu nies minn kull ġens. Il-​Kristjani Ġentili issa setaʼ jkollhom sehem ‘mill-​għerq u s-​sustanza taż-​żebbuġa.’—Rumani 11:17.

Għal bidwi, li jlaqqam fergħa taʼ siġra taż-​żebbuġ salvaġġa fuq siġra taż-​żebbuġ fil-​ġnien hija xi ħaġa li mhux biss ma tiġihx f’moħħu iżda li hija wkoll “kontra n-​natura.” (Rumani 11:24) Ktieb wieħed jispjega: “Laqqam it-​tajjeb mis-​salvaġġ, u kif jgħidu l-​Għarab, is-​salvaġġ jirbaħ, imma ma tistax iddawwar il-​proċess u jkollok suċċess.” (The Land and the Book) Il-​Kristjani Lhud ukoll baqgħu mistagħġbin meta Jehovah “sa mill-​bidu ħaseb biex jiġbor minn fost il-​pagani poplu li jkun tiegħu.” (Atti 10:​44-48; 15:14) Madankollu, dan kien sinjal ċar li t-​twettiq taʼ l-​iskop t’Alla ma kienx jiddependi fuq ġens wieħed. Le, għax hu “jilqaʼ lil kull min għandu l-​biżaʼ tiegħu u jagħmel is-​sewwa, ikun minn liema poplu jkun.”—Atti 10:35.

Pawlu indika li ladarba l-​“friegħi” taʼ Lhud mhux leali tqaċċtu mis-​siġra taż-​żebbuġ, l-​istess setaʼ jiġri lil kulmin ma jibqax fil-​favur taʼ Jehovah minħabba l-​kburija u d-​diżubbidjenza. (Rumani 11:​19, 20) Dan ċertament juri li qatt m’għandna nabbużaw mill-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla.—2 Korintin 6:1.

Dlik biż-​Żejt

L-​Iskrittura tagħmel referenzi letterali kif ukoll figurattivi dwar l-​użu taż-​żejt taż-​żebbuġa. Fiż-​żminijiet tal-​qedem, il-​ġrieħi u t-​tbenġil kienu ‘jiddewwew biż-​żejt’ biex ifejquhom malajr. (Isaija 1:6) Skond waħda mit-​tixbihat taʼ Ġesù, is-​Samaritan taʼ qalb tajba sawwab żejt taż-​żebbuġa u nbid fuq il-​ġrieħi tar-​raġel li ltaqaʼ miegħu fi triqtu lejn Ġeriko.—Luqa 10:34.

Li wieħed jidlek iż-​żejt taż-​żebbuġa fuq rasu hija xi ħaġa rifreskanti u li ttaffi. (Salm 141:5) U meta jiġu biex jittrattaw każi taʼ mard spiritwali, l-​anzjani Kristjani jistgħu ‘jidilku membru tal-​kongregazzjoni biż-​żejt f’isem il-​Mulej.’ (Ġakbu 5:14) Il-​pariri Skritturali li jagħtu l-​anzjani b’imħabba flimkien maʼ talb mill-​qalb għan-​nom tal-​kredent sħabhom li jkun marid spiritwalment, huma mqabblin maż-​żejt taż-​żebbuġa li jtaffi. Taʼ interess, xi idjomi Lhud jiddeskrivu raġel tajjeb bħala “żejt taż-​żebbuġa pur.”

“Siġra taż-​Żebbuġ li Tħaddar fid-​Dar taʼ Alla”

Mela, wara li kkunsidrajna dawn il-​punti, m’hijiex ħaġa kbira li l-​qaddejja t’Alla jistgħu jiġu mxebbhin mas-​siġar taż-​żebbuġ. David xtaq ikun bħal “siġra taż-​żebbuġ li tħaddar fid-​dar taʼ Alla.” (Salm 52:10 [52:​8, NW]) Sewwa sew bħalma l-​familji Iżraelin taʼ spiss kellhom is-​siġar taż-​żebbuġ imdawrin mad-​djar tagħhom, David xtaq li bl-​istess mod ikun qrib taʼ Jehovah u jipproduċi frott taʼ tifħir lil Alla.—Salm 52:11 [52:​9, NW].

Sakemm is-​Saltna taʼ Ġuda b’żewġ tribujiet kienet leali lejn Jehovah, din kienet bħal “żebbuġa tħaddar imżejjna bi frott sabiħ.” (Ġeremija 11:​15, 16) Imma n-​nies taʼ Ġuda tilfu dik il-​pożizzjoni privileġġata meta ‘ma ridux jisimgħu kliem Jehovah, u marru wara allat oħra.’—Ġeremija 11:10.

Biex insiru bħal siġra taż-​żebbuġ li tħaddar fid-​dar t’Alla, irridu nobdu lil Jehovah u nkunu lesti li naċċettaw id-​dixxiplina li biha hu “jiżborna” sabiex nipproduċu iktar frott Kristjan. (Lhud 12:​5, 6) Iktar minn hekk, sewwa sew bħalma siġra taż-​żebbuġ naturali jkollha bżonn t’għeruq mifruxin sew biex tirreżisti perijodu taʼ nixfa, aħna wkoll għandna bżonn insaħħu l-​għeruq spiritwali tagħna sabiex nissaportu l-​provi u l-​persekuzzjoni.—Mattew 13:21; Kolossin 2:​6, 7.

Is-siġra taż-​żebbuġ tissimbolizzah sew lill-​Kristjan leali, li jistaʼ ma jkunx popolari fid-​dinja imma huwa magħruf minn Alla. Għalkemm jistaʼ jmut f’din is-​sistema, hu se jerġaʼ jgħix fid-​dinja l-​ġdida li ġejja.—2 Korintin 6:9; 2 Pietru 3:13. 

Is-siġra taż-​żebbuġ, li mhux faċli teqridha u li tibqaʼ tagħmel il-​frott sena wara l-​oħra, tfakkarna fil-​wegħda t’Alla: “Il-​poplu tiegħi jgħix daqs kemm jgħixu s-​siġar, u l-​magħżulin tiegħi . . . [“jgawdu għal żmien twil,” KŻ] xogħol idejhom.” (Isaija 65:22) Din il-​wegħda profetika se titwettaq fid-​dinja l-​ġdida t’Alla.—2 Pietru 3:13.

[Nota taʼ taħt]

a Normalment, dawn il-​friegħi ġodda jinżabru kull sena sabiex ma jixorbux is-​saħħa mis-​siġra prinċipali.

[Stampa f’paġna 25]

Zokk taʼ siġra qadim ħafna u mgħawweġ misjub f’Jávea, fil-​Provinċja t’Alicante, Spanja

[Stampi f’paġna 26]

Masġar taʼ siġar taż-​żebbuġ fil-​Provinċja taʼ Granada, Spanja

[Stampa f’paġna 26]

Siġra taż-​żebbuġ qadima ħafna barra l-​ħitan taʼ Ġerusalemm

[Stampa f’paġna 26]

Il-​Bibbja ssemmi t-​tilqim taʼ friegħi fuq siġra taż-​żebbuġ

[Stampa f’paġna 26]

Din is-​siġra xiħa taż-​żebbuġ hija mdawra bix-​xitel taʼ friegħi ġodda

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja