‘Salva Lilek Innifsek u lil Dawk li Jisimgħuk’
“Għasses fuqek innifsek u fuq it-tagħlim tiegħek; . . . jekk tagħmel hekk, issalva lilek innifsek u lil dawk li jisimgħuk.”—1 TIMOTJU 4:16.
1, 2. X’inhu li jqanqal lill-Kristjani veri biex jissoktaw fix-xogħol tagħhom li jsalva l-ħajjiet tan-nies?
ĠEWWA raħal ċkejken fit-tramuntana tat-Tajlandja, koppja miżżewġa li huma Xhieda taʼ Jehovah jipprovaw jitkellmu bil-lingwa li għadhom kif tgħallmu maʼ membri taʼ tribù li joqogħdu fl-għoljiet. Dan l-aħħar, dawn it-tnejn bdew jistudjaw il-lingwa Laħu sabiex ikunu jistgħu jitkellmu man-nies tar-raħal dwar l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla.
2 “Ma nistgħux niddeskrivu l-ferħ u s-sodisfazzjon li nħossu meta naħdmu fost dawn in-nies hekk interessanti,” jispjega r-raġel. “Verament inħossuna involuti fit-twettiq t’Apokalissi 14:6, 7, billi nħabbru bxajjar tajba ‘lil kull ġens, tribù, u lsien.’ Ma tantx baqaʼ postijiet fejn l-aħbar tajba għadha ma waslitx, u dan żgur li hu wieħed minnhom. L-istudji tal-Bibbja li għandna lanqas kważi nistgħu nlaħħqu magħhom.” Jidher ċar li dawn it-tnejn qed jittamaw li jsalvaw mhux biss lilhom infushom, imma wkoll lil dawk kollha li jisimgħuhom. Bħala Kristjani, mhux ilkoll kemm aħna nittamaw li nagħmlu bħalhom?
“Għasses Fuqek Innifsek”
3. L-ewwel x’għandna nagħmlu aħna nfusna sabiex inkunu nistgħu nsalvaw lil oħrajn?
3 “Għasses fuqek innifsek u fuq it-tagħlim tiegħek,” kien il-parir li l-appostlu Pawlu ta lil Timotju, u dan japplika għall-Kristjani kollha. (1 Timotju 4:16) Huwa fatt li biex ngħinu lil ħaddieħor jikseb is-salvazzjoni rridu l-ewwel ngħassu fuqna nfusna. Dan kif nistgħu nagħmluh? L-ewwelnett, irridu noqogħdu b’sebaʼ għajnejn għaż-żminijiet li qed ngħixu fihom. Ġesù ta sinjal magħmul minn ħafna affarijiet sabiex is-segwaċi tiegħu jindunaw meta jkun wasal “tmiem id-dinja.” Però, Ġesù qal ukoll li m’aħniex se nkunu nafu eżattament meta se jiġi t-tmiem. (Mattew 24:3, 36) Kif għandna naġixxu għal dan il-fatt?
4. (a) Liema attitudni għandu jkollna lejn iż-żmien li għad baqaʼ minn din is-sistema? (b) Liema attitudni għandna nevitaw?
4 Kull wieħed minna jagħmel tajjeb li jistaqsi, ‘Qiegħed jien nuża l-ħin li baqaʼ minn din is-sistema biex insalva lili nnifsi u lil dawk li jisimgħuni? Jew qed naħseb, “La ma nafx eżatt meta ġej it-tmiem, m’għandix għalfejn inħabbel rasi dwaru”?’ Jekk l-attitudni tagħna hija bħal din taʼ l-aħħar, ninsabu fil-periklu. Inkunu qed niħduha direttament kontra t-twissija taʼ Ġesù: “Kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem.” (Mattew 24:44) Dan żgur li m’huwiex iż-żmien li nitilfu l-ħeġġa tagħna għas-servizz taʼ Jehovah jew li nittamaw li d-dinja tipprovdilna s-sigurtà jew is-sodisfazzjon.—Luqa 21:34-36.
5. Liema eżempji tawna xi xhieda taʼ Jehovah li għexu qabel Kristu?
5 Mod ieħor kif nistgħu nuru li qegħdin ngħassu fuqna nfusna hu billi nissaportu fedelment bħala Kristjani. Fl-imgħoddi, il-qaddejja t’Alla baqgħu jissaportu, sew jekk kienu jistennew li jinħelsu fil-pront, u sew jekk le. Wara li semma l-eżempju taʼ xi xhieda li għexu qabel Kristu, bħal Abel, Ħenok, Noè, Abraham, u Sara, Pawlu nnota dan: “Kienu għadhom ma ħadux dak li kien imwiegħed, iżda huma rawh mill-bogħod u sellmulu, waqt li għarfu [“u ddikjaraw pubblikament,” NW] li huma kienu barranin u għorba fuq l-art.” Huma ma ċedewx għal xi xewqa biex ikollhom ħajja komda, lanqas ma ċedew għall-pressjonijiet immorali li kien hemm madwarhom, imma ħarsu ’l quddiem bil-ħeġġa lejn ‘li jieħdu dak li kien imwiegħed.’—Lhud 11:13; 12:1.
6. Il-mod kif il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu kienu jqisu s-salvazzjoni kif effettwalhom ħajjithom?
6 Il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu qiesu lilhom infushom bħala “barranin” f’din id-dinja. (1 Pietru 2:11) Anki wara li l-Kristjani veri ġew salvati mill-qerda taʼ Ġerusalemm fis-sena 70 E.K., huma ma waqfux jippridkaw jew reġgħu lura għall-ħajja taʼ qabel ma saru Kristjani. Kienu jafu li kien hemm salvazzjoni grandjuża tistenna lil dawk li jibqgħu leali. Fil-fatt, fis-sena 98 E.K., l-appostlu Ġwanni kiteb: “[I]d-dinja bil-ġibdiet tagħha tgħaddi, iżda min jagħmel ir-rieda taʼ Alla jibqaʼ għal dejjem.”—1 Ġwann 2:17, 28.
7. Ix-Xhieda taʼ Jehovah fi żmienna kif urew li żammew sħiħ?
7 Fi żmienna x-Xhieda taʼ Jehovah wkoll ipperseveraw fix-xogħol Kristjan, avolja ġarrbu persekuzzjoni ħarxa. Kien is-sabar tagħhom għalxejn? Dażgur li le, għax Ġesù assigurana: “Min jibqaʼ jżomm sħiħ sa l-aħħar, dan isalva,” kemm jekk dan ikun l-aħħar taʼ din is-sistema qadima u kemm jekk ikun l-aħħar taʼ ħajjitna. Fl-irxoxt, Jehovah se jiftakar fil-qaddejja leali tiegħu li jkunu mietu u se jippremjahom.—Mattew 24:13; Lhud 6:10.
8. Kif nistgħu nuru li aħna napprezzaw is-sabar li wrew il-Kristjani taʼ qabilna?
8 Iktar minn hekk, aħna grati li dawk il-Kristjani leali tal-passat ma ħasbux biss fis-salvazzjoni tagħhom stess. Żgur li aħna, li tgħallimna dwar is-Saltna t’Alla grazzi għall-isforzi li għamlu huma, ninsabu grati li ssaportew f’li jwettqu l-inkarigu li tahom Ġesù: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, . . . u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.” (Mattew 28:19, 20) Sakemm għad għandna l-opportunità, aħna nistgħu nuru l-gratitudni tagħna billi nxandru lil dawk li għadhom lanqas biss semgħu bl-aħbar tajba. Madankollu, ix-xandir huwa biss l-ewwel pass f’li nagħmlu dixxipli.
‘Għasses fuq it-Tagħlim Tiegħek’
9. Attitudni pożittiva kif tistaʼ tgħinna nibdew studji tal-Bibbja?
9 L-inkarigu tagħna ma jinkludix biss li nippridkaw imma wkoll li ngħallmu. Ġesù inkarigana biex ngħallmu lin-nies ħalli huma jħarsu l-affarijiet kollha li ordnalna hu. Veru li f’xi territorji ma tantx insibu nies li jridu jsiru jafu dwar Jehovah. Imma jekk inkunu negattivi dwar it-territorju tagħna, dan jistaʼ jfixkilna milli nibdew studji tal-Bibbja. Yvette, pijuniera li ħadmet f’territorju fejn xi wħud kienu jħossu li m’hemmx interess, innotat li meta jiġu xi viżitaturi li jkollhom ħarsa pożittiva u jaħdmu dan it-territorju, dawn kienu jibdew studji tal-Bibbja. Wara dan, Yvette bdiet tkun iktar pożittiva, u b’hekk hi wkoll sabet nies li riedu jistudjaw il-Bibbja.
10. Bażikament x’inhu mistenni minna bħala għalliema tal-Bibbja?
10 Xi Kristjani jħossuhom ibsin li joffru studju tal-Bibbja lil dawk li juru interess għax jaħsbu li m’humiex kapaċi jmexxu studju tal-Bibbja. Veru, kulħadd għandu abbiltajiet differenti. Madankollu m’hemmx għalfejn inkunu xi għalliema professjonali biex jirnexxilna ngħallmu l-Kelma t’Alla. Il-messaġġ pur tal-Bibbja huwa mimli qawwa, u Ġesù qal li dawk bħal nagħaġ se jagħrfu leħen ir-Ragħaj malli jisimgħuh. Mela, xogħolna hu sempliċement li nagħtu l-messaġġ tar-Ragħaj mill-Aħjar, Ġesù, ċar kemm jistaʼ jkun.—Ġwann 10:4, 14.
11. Kif tistaʼ tkun iktar effettiv meta tkun qed tgħin lil dak li tistudja l-Bibbja miegħu?
11 Kif tistaʼ twassal il-messaġġ taʼ Ġesù b’mod iktar effettiv? L-ewwel ħaġa, trid tkun familjari maʼ dak li l-Bibbja tgħid dwar is-suġġett li tkun qed tiddiskuti. Suġġett trid tifhmu inti stess qabel ma tistaʼ tfehmu lil ħaddieħor. Barra minn hekk, ipprova li waqt l-istudju jkun hemm atmosfera xierqa però fl-istess ħin rilassata. L-istudenti, inkluż iż-żgħar, se jitgħallmu iktar meta jkunu rilassati u meta min ikun qed jagħmel l-istudju jittrattahom bir-rispett u jkun qalbu tajba magħhom.—Proverbji 16:21.
12. Kif tistaʼ tkun ċert li l-istudent li qed tistudja miegħu jkun qed jifhem dak li tkun qed tgħallmu?
12 Bħala għalliem ma tridx li sempliċement tippreżenta l-fatti lill-istudent u dan jirrepeti warajk bħall-pappagall. Għinu jifhem x’qed jitgħallem. L-abbiltà taʼ student biex jifhem dak li tgħidlu hija effettwata mill-edukazzjoni li jkollu, l-esperjenza tiegħu fil-ħajja, u kemm ikun familjari mal-Bibbja. Għalhekk għandek mnejn tistaqsi lilek innifsek, ‘Jifhem x’ifissru l-iskritturi li jkun hemm kwotati fil-materjal li nkunu qed nistudjaw?’ Tistaʼ tara x’fehem billi tistaqsih xi mistoqsijiet li ma jistax iweġibhom sempliċement b’iva jew le, imma li jkollu bilfors jagħti xi spjegazzjoni għalihom. (Luqa 9:18-20) Mill-banda l-oħra, xi studenti jiddejqu jistaqsu mistoqsijiet lil min ikun qed jgħallimhom. Għalhekk, huma forsi jibqgħu ma jifhmux eżatt dak li jkunu qed jitgħallmu. Inkuraġġixxi lill-istudent biex jistaqsi mistoqsijiet u jgħidlek meta ma jkunx qed jifhem xi punt.—Mark 4:10; 9:32, 33.
13. Kif tistaʼ tgħin lill-istudent isir għalliem?
13 Hemm skop importanti għala aħna nagħmlu studju tal-Bibbja maʼ xi ħadd, u dan hu biex dak l-istudent isir għalliem. (Galatin 6:6, NW) Għal dan l-għan, fl-aħħar taʼ l-istudju tistaʼ tgħidlu biex jispjegalek xi punt fi kliemu stess bħallikieku kien qed jispjegah lil xi ħadd li samaʼ bih għall-ewwel darba. Iktar ’il quddiem, meta jikkwalifika biex jieħu sehem fil-ministeru, tistaʼ tistiednu biex jaħdem miegħek fuq il-bibien. Hu x’aktarx li se jħossu komdu jaħdem miegħek, u l-esperjenza se tgħinu jsir iktar kunfidenti tant li b’hekk hu stess jibda jitkellem fuq il-bibien bla biżaʼ.
Għin lill-Istudent Isir il-Ħabib taʼ Jehovah
14. X’inhu l-għan ewlieni tiegħek bħala għalliem, u dan kif jistaʼ jinkiseb b’suċċess?
14 L-għan ewlieni taʼ kull għalliem Kristjan hu li jgħin lill-istudent isir ħabib taʼ Jehovah. Dan tistaʼ twettqu mhux biss bil-kliem imma wkoll bl-eżempju tiegħek. Meta tgħallem bl-eżempju, dan se jkollu effett qawwi fuq il-qalb taʼ dawk li tistudja magħhom. L-eżempju jkaxkar, speċjalment biex tnaqqax kwalitajiet morali u biex tqanqal iż-żelu fl-istudent. Jekk bi kliemek u bl-azzjonijiet tiegħek hu jara kemm għandek relazzjoni tajba maʼ Jehovah, x’aktarx li hu stess ikun jixtieq li jkollu relazzjoni bħal din.
15. (a) Għala huwa importanti li l-istudent jiżviluppa l-motiv xieraq f’li jaqdi lil Jehovah? (b) Kif tistaʼ tgħin lill-istudent ikompli jagħmel progress spiritwali?
15 Int tixtieq li dak li tistudja miegħu jaqdi lil Jehovah għax iħobbu, mhux sempliċement għax ma jridx jinqered f’Armageddon. Meta tgħinu jiżviluppa dan il-motiv pur, int tkun qed tibni b’materjal li jirreżisti n-nar, b’materjal li se jibqaʼ sħiħ meta jiġu provi fuq il-fidi tiegħu. (1 Korintin 3:10-15) Motiv ħażin, bħal ngħidu aħna xewqa esaġerata biex isir bħalek jew bħal xi bniedem ieħor hu min hu, la se jagħtih il-qawwa biex jirreżisti influwenzi ħżiena u lanqas il-kuraġġ biex jagħmel dak li hu tajjeb. Ftakar li int m’intix se tibqaʼ tgħallmu għal dejjem. Waqt li għandek l-opportunità, tistaʼ tinkuraġġih biex jersaq dejjem iktar qrib lejn Jehovah billi jaqra l-Kelma t’Alla kuljum u jimmedita fuqha. B’hekk hu se jkompli jkun medhi fuq “l-eżempju tat-tagħlim sħiħ” mimli saħħa mill-Bibbja u minn letteratura bbażata fuq il-Bibbja wara li tkun ilek li waqaft tistudja miegħu.—2 Timotju 1:13.
16. Kif tistaʼ tgħallem lill-istudent jitlob bil-qalb?
16 Tista tgħin lill-istudent iħossu iktar qrib taʼ Jehovah billi tgħallmu kif jitlob bil-qalb. Dan kif tistaʼ tagħmlu? Forsi għandek mnejn tiddiskuti t-talba tal-Missierna miegħu, kif ukoll xi talb ieħor mill-qalb li nsibu fil-Bibbja, bħalma hemm fis-salmi. (Salmi 17, 86, 143; Mattew 6:9, 10) Barra minn hekk, meta l-istudent jisimgħek titlob qabel u wara l-istudju, hu se jinduna kif tħossok int dwar Jehovah. B’hekk, it-talb tiegħek għandu dejjem isir bis-sinċerità kollha u mill-qalb, kif ukoll juri kemm int bniedem bilanċjat, kemm spiritwalment kif ukoll emozzjonalment.
Aħdem biex Issalva lil Uliedek
17. Il-ġenituri kif jistgħu jgħinu lil uliedhom jibqgħu fit-triq tas-salvazzjoni?
17 Naturalment, fost dawk li aħna nixtiequ nsalvaw hemm il-membri tal-familja tagħna. Il-maġġuranza tat-tfal li għandhom ġenituri Kristjani huma sinċieri u “sħaħ fil-fidi.” Iżda, oħrajn forsi ma ħallewx il-verità trabbi għeruq fil-fond ġewwa qalbhom. (1 Pietru 5:9; Efesin 3:17; Kolossin 2:7) Ħafna minn dawn iż-żgħażagħ ma jibqgħux fil-verità meta jkunu waslu biex jagħlqu t-tmintax, jew wara. Jekk int għandek it-tfal, x’tistaʼ tagħmel biex tevita kemm jistaʼ jkun li jkollok riżultat bħal dan? L-ewwel, tistaʼ tagħmel ħiltek biex toħloq ambjent bnin fil-familja tiegħek. Familja magħquda sservi bħala pedament biex l-ulied ikollhom ħarsa xierqa lejn l-awtorità, apprezzament lejn il-valuri xierqa, u relazzjonijiet ferriħin m’oħrajn. (Lhud 12:9) Għalhekk, dik ir-rabta speċjali ġewwa l-familja tistaʼ tkun sors t’għajnuna biex il-ħbiberija maʼ Jehovah tibqaʼ dejjem tikber. (Salm 22:10) Familji b’saħħithom iħobbu jagħmlu kollox bħala familja—anki jekk dan ikun ifisser li l-ġenituri jissagrifikaw ħin li forsi setgħu jużawh biex jiggwadanjaw personalment. B’dan il-mod tkun tistaʼ bl-eżempju tgħallem lil uliedek jieħdu deċiżjonijiet tajbin f’ħajjithom. Ġenituri, l-iktar li għandhom bżonn uliedkom m’humiex l-affarijiet materjali, imma lilkom—il-ħin, l-enerġija, u l-imħabba tagħkom. Qegħdin intom tagħtu lil uliedkom dawn l-affarijiet?
18. Il-ġenituri liema xorta taʼ mistoqsijiet iridu jgħinu lil uliedhom isibu t-tweġibiet għalihom?
18 Ġenituri Kristjani qatt m’għandhom jagħmluha fatta li wliedhom se jsiru awtomatikament Kristjani wkoll. Daniel, missier taʼ ħamest itfal li jaqdi bħala anzjan fil-kongregazzjoni jgħid: “Il-ġenituri jridu jsibu l-ħin biex jiċċaraw xi dubji li wliedhom ikunu semgħu l-iskola jew xi mkien ieħor. Huma bil-paċenzja jridu jgħinu lil uliedhom isibu t-tweġibiet għall-mistoqsijiet bħal: ‘Veru qed ngħixu fi żmien it-tmiem? Veru li reliġjon tajba waħda biss hemm? Xi ħabib fl-iskola li jidher tant mill-aħjar għala m’huwiex sħubija tajba? Huwa dejjem ħażin li tagħmel is-sess qabel iż-żwieġ?’” Ġenituri, tistgħu tibqgħu ċerti li Jehovah se jbierek l-isforzi tagħkom, għax hu wkoll jinteressa ruħu fil-ġid taʼ wliedkom.
19. Għala jkun aħjar jekk il-ġenituri nfushom jistudjaw maʼ wliedhom?
19 Xi ġenituri jistgħu jħossu li m’humiex kapaċi jagħmlu studju maʼ wliedhom stess. Madankollu, m’għandkomx għalfejn tħossukom hekk, għax ħadd m’hu kapaċi jgħallem lil uliedkom iktar minnkom. (Efesin 6:4) Meta tistudjaw maʼ wliedkom, se jkollkom iċ-ċans li ssiru tafu direttament kif jaħsbuha u x’għandhom f’qalbhom. Jesprimu ruħhom mill-qalb jew bla ħeġġa taʼ xejn? Veru jemmnu dak li qed jitgħallmu? Hu Jehovah reali għalihom? It-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet u għal mistoqsijiet vitali oħra tistaʼ ssibhom biss jekk tistudja int personalment maʼ wliedek.—2 Timotju 1:5.
20. Il-ġenituri kif jistgħu jagħmlu l-istudju tal-familja pjaċevoli u jaraw li kulħadd jibbenefika minnu?
20 Kif tistaʼ żżommu għaddej il-programm taʼ l-istudju tal-familja wara li tkun bdejtu? Joseph, anzjan fil-kongregazzjoni, missier taʼ tifel u tifla, jgħid: “Bħal kull studju tal-Bibbja ieħor, l-istudju tal-familja jrid ikun pjaċevoli, xi ħaġa li kulħadd ikun qed jistenna bil-ħerqa. Biex jirnexxilna niksbu dan fil-familja tagħna, ma rridux inkunu ffissati fuq kemm ħin nagħmlu. L-istudju tagħna għandu mnejn idum siegħa, imma anki jekk ikollna biss għaxar minuti ċans, xorta nagħmluh. It-tfal ikollhom sebaʼ mitt sena sakemm jasal dak il-jum taʼ l-istudju għax tgħidx kemm jieħdu gost meta nirreċtaw xeni mill-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja.a Ir-riżultat—kemm effettwana u kemm fhimna sew il-materjal—hu l-iktar ħaġa importanti, u mhux kemm paragrafi għaddejna.”
21. Il-ġenituri meta jistgħu jgħallmuhom lil uliedhom?
21 M’għandniex xi ngħidu, it-tfal ma ngħallmuhomx biss matul il-ħin li nkunu ppjanajna għall-istudju. (Dewteronomju 6:5-7) Dak ix-Xhud fit-Tajlandja li semmejna fil-bidu jgħid: “Niftakar qisu l-bieraħ meta missieri kien jiħodni miegħu fix-xogħol tax-xandir, bir-rota, fl-iktar postijiet imbegħdin tat-territorju tal-kongregazzjoni tagħna. Bla ebda dubju, kien l-eżempju mill-aħjar tal-ġenituri tagħna u tal-mod kif kienu jgħallmuna fi kwalunkwe ċirkustanza, li għenuna niddeċiedu biex nibdew naqdu fil-ministeru full-time. U veru dak li tgħallimt żammejtu f’moħħi għax għadni naħdem fl-iktar postijiet imbegħdin tat-territorju tagħna!”
22. X’se jkun ir-riżultat jekk ‘ngħassu fuqna nfusna u fuq it-tagħlim tagħna’?
22 F’qasir żmien, preċiż f’waqtu, Ġesù se jiġi biex iwettaq il-ġudizzju t’Alla fuq din is-sistema. Dik il-ġrajja kbira mbagħad se tkun parti mill-istorja universali, imma l-qaddejja leali taʼ Jehovah se jkomplu jaqduh bla waqfien bis-salvazzjoni eterna quddiem għajnejhom. Tittama li tkun magħhom, flimkien maʼ wliedek u maʼ dawk li studjajt il-Bibbja magħhom? Mela ftakar: “Għasses fuqek innifsek u fuq it-tagħlim tiegħek; żomm sħiħ f’dawn il-ħwejjeġ, għax, jekk tagħmel hekk, issalva lilek innifsek u lil dawk li jisimgħuk.”—1 Timotju 4:16.
[Nota taʼ taħt]
a Pubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
Tistaʼ Tispjega?
• X’għandha tkun l-attitudni tagħna ladarba ma nafux il-waqt eżatt tal-ġudizzju t’Alla?
• B’liema modi nistgħu ‘ngħassu fuq it-tagħlim tagħna’?
• Kif tistaʼ tgħin lill-istudent isir il-ħabib taʼ Jehovah?
• Għala huwa importanti li l-ġenituri jieħdu l-ħin biex jgħallmu lil uliedhom?
[Stampa f’paġna 15]
Wieħed jitgħallem iktar meta jkun hemm atmosfera xierqa u fl-istess ħin rilassata
[Stampa f’paġna 18]
Meta nirreċtaw l-istejjer tal-Bibbja, bħal dik fejn Salamun jiġġudika liż-żewġ nisa żienja, l-istudju tal-familja jsir iktar pjaċevoli