LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w00 9/1 pp. 3-5
  • Int Taf Tistenna?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Int Taf Tistenna?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Naħlu Ħajjitna fix-​Xejn
  • Nitgħallmu Kif Nistennew
  • Is-​Sabar Se Jkun Premjat
  • Henjin Nistennew lil Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Lest li tistenna bil-paċenzja?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • Uri Attitudni taʼ Stennija!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Kun Ferħan Waqt li Tistenna bil-Paċenzja lil Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
w00 9/1 pp. 3-5

Int Taf Tistenna?

TISTAʼ int timmaġina kemm iqattgħu ħin in-​nies kull sena sempliċement jistennew? Jistennew fil-​kju biex iħallsu x-​xirja jew biex jieħdu l-​petrol. Jistennew sakemm jiġu servuti f’xi restorant. Jistennew għand it-​tabib jew għand id-​dentist. Jistennew tal-​linja jew il-​ferrovija. Tibqaʼ mbellah kemm ikollu jqattaʼ ħin minn ħajtu kull bniedem jistenna sakemm jiġri xi ħaġa. Skond kalkolu wieħed, il-​Ġermaniżi waħedhom jaħlu maʼ l-​erbat elef u sebaʼ mitt miljun siegħa kull sena sempliċement weqfin fit-​traffiku! Xi ħadd ikkalkula li dan huwa daqs it-​tul taʼ ħajja taʼ madwar 7,000 ruħ.

Meta jkollok toqgħod tistenna taf titlef il-​paċenzja. Daż-żmien donnu li m’hemmx ħin biżżejjed biex tlaħħaq tagħmel kollox, u meta toqgħod taħseb x’għad baqagħlek tagħmel issibha veru diffiċli li trid toqgħod tistenna. L-​awtur Alexander Rose darba qal: “Fil-​ħajja, nofs id-​dwejjaq li jkollna jkunu minħabba li rridu nistennew.”

L-istatista Amerikan Benjamin Franklin għaraf li l-​ħin li tqattaʼ tistenna jistaʼ wkoll jiswa ħafna flus. Iktar minn 250 sena ilu, hu nnota: “Il-​ħin jiswa l-​flus.” Għalhekk, ħafna kumpaniji jfittxu modi kif jevitaw il-​ħela taʼ ħin bla bżonn matul il-​proċess tax-​xogħol. Iridu jipproduċu iktar f’inqas ħin biex iżidu l-​profitti. Negozji li jaqdu direttament lill-​pubbliku jipprovaw joffru servizz taʼ malajr bħal, ngħidu aħna restoranti tal-​fast food, servizz bankarju bit-​telefon jew bl-​ATM, u affarijiet hekk. Dawn jafu li biex jogħġbu lill-​klijenti jridu jiffrankawlhom il-​ħin u ma jħalluhomx jistennew.

Naħlu Ħajjitna fix-​Xejn

Ralph Waldo Emerson, poeta Amerikan li għex fis-​seklu 19, darba lmenta: “Kemm naħlu ħin f’ħajjitna nistennew!” Iktar reċenti, l-​awtur Lance Morrow ilmenta dwar kemm hu skomdu u taʼ dwejjaq meta jkollok tistenna. Imma mbagħad tkellem dwar “miżerja iktar sottili taʼ meta jkollok tistenna.” X’inhi din? “Tinduna li l-​iktar ħaġa prezzjuża li għandek, il-​ħin, parti ċkejkna kemm hi ċkejkna minn ħajtek, qed tinsteraqlek; qed titlifha u ma tistax iġġibha lura.” Tal-​biki, imma veru. Il-​ħin li taħli tistenna jintilef għal dejjem.

M’għandniex xi ngħidu, kieku l-​ħajja ma kinitx daqshekk qasira, ma kienx ikun jimporta daqshekk li jkollok tistenna. Imma l-​ħajja hi qasira. Eluf taʼ snin ilu, is-​salmista tal-​Bibbja kkummenta: “Żmien ħajjitna hu b’kollox sebgħin sena; l-​iżjed tmenin, jekk inkunu b’saħħitna; u l-​biċċa l-​kbira taħbit u niket; malajr jgħaddu, u aħna mmorru magħhom.” (Salm 90:10) Ngħixu fejn ngħixu u aħna min aħna, il-​ħajjiet tagħna, jiġifieri, il-​ġranet, is-​sigħat, u l-​minuti li jkollna quddiemna malli nitwieldu, huma limitati. Minkejja dan, ma nistgħux naħarbu minn sitwazzjonijiet fejn ikollna bilfors naħlu xi ftit minn dak il-​ħin prezzjuż nistennew lil xi ħadd jew xi ħaġa biex tiġri.

Nitgħallmu Kif Nistennew

Ħafna minna nafu x’jiġifieri tkun f’karozza maʼ xi sewwieq li l-​ħin kollu jipprova jaqbeż kull vettura li jkun hemm quddiemu. Ħafna drabi ma jkunx hemm bżonn dik l-​għaġla kollha għax is-​sewwieq ma jkollux xi appuntament urġenti. Xorta waħda, ma jistax għaliha li sewwieq ieħor jgħidlu b’kemm għandu jsuq. Bin-​nuqqas taʼ sabar tiegħu dan juri li ma tgħallimx jistenna. Ma tgħallimx? Hekk hu, għax li tkun taf tistenna hija lezzjoni li trid titgħallimha. Ħadd ma jitwieled biha. It-​trabi jkunu jridu attenzjoni immedjata meta jkunu bil-​ġuħ jew iħossuhom skomdi. Huwa biss meta jibdew jikbru li jibdew jifhmu li xi kultant ikollhom jistennew biex jieħdu dak li jridu. Tabilħaqq, ladarba fil-​ħajja kulħadd ikollu jistenna, irid u ma jridx, nuru li aħna maturi jekk inkunu nafu nistennew bis-​sabar meta jkun hemm bżonn.

M’għandniex xi ngħidu, iqumu sitwazzjonijiet urġenti fejn wieħed ikollu raġun ikun fuq ix-​xwiek. Raġel li jmur sparat l-​isptar b’martu għax tkun waslet biex twelled ikollu raġun ikun bla sabar jekk isib xi dewmien. L-​anġli li ħeġġew lil Lot biex jitlaq minn Sodoma ma kinux lesti jistennew waqt li Lot qagħad jitnikker. Il-​qerda kienet ġejja malajr, u kien hemm ħajjet Lot u dik tal-​familja tiegħu fin-​nofs. (Ġenesi 19:​15, 16) Madankollu, fil-​biċċa l-​kbira tal-​każi, in-​nies ma jkollhomx ħajjithom fil-​periklu meta jkollhom jistennew. F’dawn il-​każi, l-​affarijiet imorru ħafna aħjar kieku kulħadd jitgħallem jieħu ftit paċenzja—anki jekk wieħed ikollu jistenna minħabba l-​ineffiċjenza jew in-​nuqqas taʼ interess taʼ xi ħaddieħor. Iktar minn hekk, ikun iżjed faċli li nieħdu paċenzja kieku kulħadd jitgħallem juża tajjeb u għall-​ġid il-​ħin li jqattaʼ jistenna. Il-​kaxxa f’paġna 5 fiha xi suġġerimenti biex jgħinuk mhux biss tissaporti meta jkollok tistenna imma wkoll biex dak il-​ħin li tqattaʼ tistenna ma taħlihx fix-​xejn.

Ma rridux ninsew li spirtu bla sabar jaf ikun qed jikxef attitudni kburija, jiġifieri li wieħed iħossu li tant hu importanti li m’għandux jitħalla jistenna. Għal kulmin għandu attitudni bħal din, dan il-​kliem mill-​Bibbja hu taʼ min jixtarru: “Aħjar tistabar milli titkabbar.” (Koħèlet 7:8) Kulmin għandu mnieħru mxammar, jew hu kburi, għandu difett serju fil-​personalità, u l-​proverbju Bibliku jgħid: “Il-​Mulej jistmell lil kull min hu mkabbar.” (Proverbji 16:5) Għalhekk, biex nitgħallmu l-​paċenzja u hekk nitgħallmu nistennew, jistaʼ jkun li jkollna bżonn inħarsu sew lejna nfusna u lejn ir-​relazzjonijiet tagħna man-​nies taʼ madwarna.

Is-​Sabar Se Jkun Premjat

Normalment insibuha iktar faċli nistennew jekk inkunu konvinti li dak li qed nistennew hu taʼ min jistennieh u li xi darba se jasal verament. F’dan ir-​rigward, ikun tajjeb li nirriflettu dwar il-​fatt li l-​adoraturi sinċieri kollha t’Alla qegħdin jistennew it-​twettiq tal-​wegħdi taʼ l-​għaġeb tiegħu li nsibuhom fil-​Bibbja. Per eżempju, f’salm imnebbaħ minn Alla, jintqalilna: “Il-​ġusti jirtu l-​art, u jgħammru fiha għal dejjem.” Din il-​wegħda nsibuha tidwi f’dak li qal l-​appostlu Ġwanni: “Min jagħmel ir-​rieda taʼ Alla jibqaʼ għal dejjem.” (Salm 37:29; 1 Ġwann 2:17) Hija ħaġa ċara li, kieku nistgħu ngħixu għal dejjem, ma tkunx xi problema kbira li jkollna noqogħdu nistennew. Imma bħalissa m’aħniex qed ngħixu għal dejjem. Hija fil-​fatt xi ħaġa realistika li titkellem dwar ħajja taʼ dejjem?

Qabel twieġeb, aħseb dwar il-​fatt li Alla ħalaq lill-​ewwel ġenituri tagħna biċ-​ċans li jibqgħu jgħixu għal dejjem. Kien biss wara li dinbu li tilfuh dak iċ-​ċans, kemm għalihom u kemm għal uliedhom, inkluż aħna. Madankollu, minnufih wara li dinbu, Alla ħabbar l-​iskop tiegħu biex idawwar għalkollox ir-​riżultati tad-​diżubbidjenza tagħhom. Hu wiegħed li kellu jiġi ‘nisel,’ li llum nafu li hu Ġesù Kristu.—Ġenesi 3:15; Rumani 5:18.

Jekk bħala individwi aħniex se nibbenefikaw mit-​twettiq tal-​wegħdi tiegħu hija xi ħaġa li rridu niddeċiduha aħna. Dan jeħtieġ il-​paċenzja. Sabiex tgħinna nitgħallmu dan it-​tip taʼ paċenzja, il-​Bibbja tħeġġiġna biex nimmeditaw dwar l-​eżempju taʼ bidwi. Dan jiżraʼ ż-​żerriegħa tiegħu u m’għandux għażla ħlief li joqgħod jistenna bil-​paċenzja kollha sakemm jasal żmien il-​ħsad, waqt li jagħmel dak kollu li jistaʼ biex jipproteġi dak li jkun żeraʼ. Imbagħad is-​sabar tiegħu jkun premjat, u jieħu l-​frott taʼ ħidmietu. (Ġakbu 5:7) L-​appostlu Ġwanni jsemmi eżempju ieħor taʼ sabar. Ifakkarna dwar irġiel u nisa leali tal-​qedem. Dawn kienu jħarsu ’l quddiem lejn it-​twettiq taʼ l-​iskopijiet t’Alla, imma kellhom jistennew sakemm jasal iż-​żmien maħtur minn Alla. Pawlu jinkuraġġina biex nimitawhom lil dawn, “li bil-​fidi u s-​sabar jiksbu l-​wegħdiet.”—Lhud 6:​11, 12.

Veru, fil-​ħajja ma nistgħux naħarbu mill-​fatt li rridu nistennew. Imma din m’għandhiex għalfejn tkun xi ħaġa li ddejjaqna l-​ħin kollu. Għal dawk li qed jistennew it-​twettiq taʼ dak li wiegħed Alla, din tistaʼ tkun sors taʼ ferħ. Iż-​żmien li qed iqattgħu jistennew jistgħu jimlewh billi jikkultivaw relazzjoni mill-​qrib m’Alla u billi jagħmlu affarijiet li bihom juru l-​fidi tagħhom. U permezz tat-​talb, l-​istudju, u l-​meditazzjoni, jistgħu jikkultivaw fiduċja sħiħa li dak kollu li wiegħed Alla se jseħħ fiż-​żmien xieraq tiegħu.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 5]

NAQQAS ID-​DWEJJAQ TAʼ META JKOLLOK TISTENNA!

Ippjana minn qabel! Jekk taf li se jkollok tistenna, ħu xi ħaġa x’taqra, x’tikteb, xi tħit, jew agħmel xi ħaġa utli.

Uża l-​ħin biex timmedita. Din hi xi ħaġa li qed issir dejjem iktar diffiċli fid-​dinja mgħaġġla taʼ llum.

Ħalli xi ħaġa x’taqra ħdejn it-​telefon f’każ li xi ħadd jgħidlek biex iżżomm il-​linja. F’ħames jew f’għaxar minuti tistaʼ taqra ħafna paġni.

Meta tkun qed tistenna flimkien maʼ xi grupp taʼ nies, ħu l-​opportunità, fejn hu xieraq, li tibda diskursata m’oħrajn u aqsam magħhom ħsibijiet li jibnu.

Żomm xi karti fuqiex tikteb jew xi ħaġa x’taqra fil-​karozza għal meta jkollok toqgħod tistenna bla ħsieb.

Agħlaq għajnejk, striħ, jew itlob.

IKTAR MINN ĦAĠ’OĦRA, LI TISTENNA B’SUĊĊESS HIJA KWISTJONI TAʼ ATTITUDNI U TAʼ PPJANAR MINN QABEL.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja