LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 3/1 pp. 17-19
  • Henjin Nistennew lil Ġeħova

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Henjin Nistennew lil Ġeħova
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • X’Jinvolvi li Nistennew lil Alla?
  • Henjin Hekk Kif Nistennew
  • Nibqgħu Nittamaw
  • Nistennew biex Nibbenefikaw mid-​Dixxiplina
  • Il-​Maturità Tieħu ż-​Żmien
  • Nuru l-​Imħabba Billi Nistennew
  • Int Taf Tistenna?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Kun Ferħan Waqt li Tistenna bil-Paċenzja lil Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • Uri Attitudni taʼ Stennija!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Lest li tistenna bil-paċenzja?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 3/1 pp. 17-19

Henjin Nistennew lil Ġeħova

QATT kilt frotta mhix misjura? Żgur li m’għoġbitekx it-​togħma. Il-​frott jieħu ż-​żmien biex isir, u żgur li hu premjanti li wieħed jistenna biex dan iseħħ. Hemm ċirkustanzi oħrajn li jkun premjanti għall-​individwu jekk jistenna. “Tajjeb min jistenna fis-​skiet, is-​salvazzjoni tal-​Mulej,” tgħid il-​Bibbja. (Lamentazzjonijiet 3:​26; Titu 2:​13) B’liema modi għandhom il-​Kristjani jistennew lil Ġeħova? Kif nistgħu nibbenefikaw jekk nistennewh?

X’Jinvolvi li Nistennew lil Alla?

Bħala Kristjani, aħna qed ‘nistennew u nżommu dejjem f’moħħna l-​preżenza tal-​jum taʼ Ġeħova.’ Aħna nħarsu ’l quddiem għas-​serħan meta hu jġiegħel li sseħħ “il-​qerda taʼ nies bla devozzjoni lejn Alla.” (2 Pietru 3:​7, 12) Ġeħova nnifsu hu ħerqan li jtemm il-​ħażen kollu, imma hu qed iżomm lura sabiex isalva lill-​Kristjani b’tali mod li jigglorifika lil ismu. Il-​Bibbja tgħid: “Alla, għalkemm għandu r-​rieda li juri l-​korla tiegħu u jgħarraf il-​qawwa tiegħu, ittollera b’ħafna sabar fit-​tul ir-​reċipjenti taʼ korla li jistħoqqilhom il-​qerda, sabiex jgħarraf ir-​rikkezzi tal-​glorja tiegħu lir-​reċipjenti taʼ ħniena.” (Rumani 9:​22, 23) Sewwasew bħalma kien jaf fi żmien Noè, illum Ġeħova jaf iż-​żmien xieraq meta għandu jsalva lin-​nies tiegħu. (1 Pietru 3:​20) Għalhekk, li wieħed jistenna lil Alla jinvolvi li jistenna l-​waqt tiegħu biex jaġixxi.

Hekk kif nistennew il-​jum taʼ Ġeħova, forsi kultant inħossuna mnikktin meta naraw il-​livelli morali tad-​dinja taʼ madwarna dejjem imorru għall-​agħar. F’mumenti bħal dawn, ikun tajjeb li nikkunsidraw il-​kliem taʼ Mikea, il-​profeta t’Alla, li kiteb: “Għab il-​bniedem twajjeb mill-​pajjiż, u ħadd ġust fost il-​bnedmin.” Imbagħad hu żied: “Imma jien nittama fil-​Mulej, nistenna ’l Alla tas-​salvazzjoni tiegħi, Alla tiegħi jismagħni.” (Mikea 7:​2, 7) X’inhi l-​attitudni taʼ ‘stennija’ li għandna nikkultivaw? Ladarba spiss hu tedjanti li tistenna, kif nistgħu nkunu henjin hekk kif nistennew lil Alla?

Henjin Hekk Kif Nistennew

Nistgħu nitgħallmu l-​attitudni xierqa minn Ġeħova. Hu qatt ma waqaf milli jkun “l-​Alla l-​hieni.” (1 Timotju 1:​11) Hu hieni waqt li jistenna għaliex ikompli jaħdem għat-​twettiq taʼ l-​iskop tiegħu sabiex iwassal lin-​nies li jħobbuh għall-​perfezzjoni kif kienet l-​intenzjoni tiegħu għall-​bnedmin meta ħalaqhom. (Rumani 5:​12; 6:​23) Minn xogħlu, hu jara riżultati pjaċevoli​—miljuni taʼ nies inġibdu lejn il-​qima vera. Ġesù qal: “Missieri baqaʼ jaħdem s’issa, u jien nibqaʼ naħdem.” (Ġwanni 5:​17) Hu fundamentali li nagħmlu affarijiet għal oħrajn biex inkunu henjin. (Atti 20:35) B’mod simili, il-​Kristjani veri m’humiex qed jistennew b’idejhom fuq żaqqhom. Minflok, huma jaħdmu iebes biex jgħinu lil oħrajn jitgħallmu dwar l-​iskop t’Alla għall-​bnedmin.

Dawk li huma leali minn dejjem kienu kuntenti jfaħħru ’l Alla waqt li jistennew il-​waqt tiegħu biex jaġixxi. Ejja nieħdu bħala eżempju lis-​salmista David. David kien persegwitat mis-​sultan tiegħu, tradut minn ħabib tal-​qalb, u saħansitra ibnu stess tah dahru. F’kull waħda minn dawn iċ-​ċirkustanzi, setaʼ David ikun kuntent hu u jistenna s-​serħan jiġi fiż-​żmien li jrid Ġeħova? Salm 71, li milli jidher inkiteb minn David, jgħid: “Imma jien nibqaʼ dejjem [“nistenna,” NW], u nkattar tifħirek kollu. Fommi jxandar il-​ġustizzja tiegħek, il-​jum kollu l-​għemejjel taʼ l-​għajnuna tiegħek.” (Salm 71:​14, 15) Minflok ma qagħad jistenna bla paċenzja, David esprima l-​hena li ħass minħabba li kien medhi jfaħħar lil Ġeħova u jsaħħaħ lil oħrajn fil-​qima vera.​—Salm 71:23.

Il-fatt li wieħed jistenna lil Ġeħova m’huwiex tedjanti bħal stennija għal karozza tal-​linja li tiġi tard. Huwa iktar bħall-​istennija ferriħija tal-​ġenituri hekk kif it-​tfal tagħhom jikbru f’adulti li jistgħu jkunu kburin bihom. Is-​snin huma mimlijin attività​—taħriġ, istruzzjoni, u dixxiplina​—kollha bl-​iskop li jiksbu r-​riżultat mixtieq. B’mod simili, aħna li nistennew lil Ġeħova nsibu l-​hena meta ngħinu lil oħrajn jersqu qrib lejn Alla. Aħna wkoll irridu niksbu l-​approvazzjoni t’Alla u, fl-​aħħar mill-​aħħar, is-​salvazzjoni.

Nibqgħu Nittamaw

Il-​fatt li nistennew lil Ġeħova jimplika li nkomplu nħobbuh u naqduh mingħajr ma naqtgħu qalbna. Dan jistaʼ jkun taʼ sfida. Ħafna mill-​qaddejja t’Alla llum jgħixu f’soċjetajiet fejn in-​nies jirridikolaw lil kulmin jgħix ħajja bbażata fuq fidi fil-​wegħdi t’Alla. Però, ikkunsidra l-​eżempju taʼ l-​Iżraelin leali li żammew it-​tama tagħhom ħajja matul l-​eżilju taʼ 70 sena f’Babilonja. X’għenhom jagħmlu dan? Żgur li ġew imsaħħin meta qraw is-​salmi. Salm inkuraġġanti li forsi kien inkiteb sa dak iż-​żmien jgħid: “Ruħi f’kelmtu tittama. Tistenna ruħi lil Sidi, aktar milli l-​għassiesa s-​sebħ. Aktar milli l-​għassiesa s-​sebħ, jistenna Iżrael lill-​Mulej!”​—Salm 130:​5-7.

Il-Lhud li żammew it-​tama tagħhom ħajja billi qraw u tkellmu dwarha ġew premjati meta Babilonja fl-​aħħar waqgħet f’idejn l-​invażuri. Eluf taʼ Lhud leali rħewlha malajr lejn Ġerusalemm. Dwar dan iż-​żmien, hemm miktub: “Meta l-​Mulej reġġaʼ lura l-​imjassra taʼ Sijon, . . . bid-​daħk imtela fommna.” (Salm 126:​1, 2) Dawk il-​Lhud ma qatgħux qalbhom, imma huma komplew isostnu l-​fidi tagħhom. U huma qatt ma waqfu jgħannu tifħir lil Ġeħova.

Bl-istess mod, il-​Kristjani veri li jistennew lil Alla matul “tmiem is-​sistema” jagħmlu sforzi kontinwi biex iżommu l-​fidi tagħhom ħajja. Huma jistudjaw il-​Kelma t’Alla, jinkuraġġixxu lil xulxin, u jkomplu jfaħħru lil Ġeħova billi jippridkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna tiegħu.​—Mattew 24:​3, 14.

Nistennew biex Nibbenefikaw mid-​Dixxiplina

Bħalma nnotajna diġà, Ġeremija, il-​profeta t’Alla, kiteb: “Tajjeb min jistenna fis-​skiet, is-​salvazzjoni tal-​Mulej.” (Lamentazzjonijiet 3:​26) Ġeremija ried ifisser li tkun ħaġa tajba għall-​membri tal-​poplu t’Alla li ma jilmentawx dwar il-​mod kif Ġeħova kien iddixxiplinahom meta ppermetta li Ġerusalemm tinqered. Minflok, huma għandhom jibbenefikaw mill-​esperjenza billi jirriflettu dwar id-​diżubbidjenza tagħhom u l-​bżonn li jbiddlu l-​attitudni tagħhom.​—Lamentazzjonijiet 3:​40, 42.

Il-mod kif id-​dixxiplina minn Ġeħova tibbenefikana jistaʼ jitqabbel mal-​mod kif timmatura frotta. Il-​Bibbja tgħid hekk dwar id-​dixxiplina t’Alla: “Lil dawk li jkunu tħarrġu biha tagħtihom frott li jġib il-​paċi, jiġifieri, is-​sewwa.” (Ebrej 12:11) Sewwasew bħalma l-​frott irid iż-​żmien biex isir, hekk ukoll aħna neħtieġu ż-​żmien biex inbiddlu l-​attitudnijiet tagħna bħala reazzjoni għat-​taħriġ li jipprovdi Alla. Per eżempju, jekk l-​imġiba ħażina tagħna ġġagħalna nitilfu xi privileġġ fil-​kongregazzjoni, il-​fatt li nkunu lesti nistennew lil Alla se jipproteġina milli niġu skuraġġiti u naqtgħu qalbna. F’ċirkustanzi bħal dawn, il-​kliem ispirat taʼ David huwa inkuraġġanti: “Għax ftit iddum is-​saħna [t’Alla], iżda għomor sħiħ l-​imħabba tiegħu. Fil-​għaxija jidħol il-​biki, fil-​għodu jidwi l-​għajat taʼ ferħ.” (Salm 30:6 [30:​5, NW]) Jekk nikkultivaw attitudni taʼ stennija u napplikaw il-​pariri li nirċievu mill-​Kelma u l-​organizzazzjoni t’Alla, iż-​żmien tagħna biex ‘ngħajtu bil-​ferħ’ se jasal ukoll.

Il-​Maturità Tieħu ż-​Żmien

Jekk għadek żgħir jew m’ilekx li tgħammidt, forsi tħossok ħerqan biex ikollok ċerti privileġġi fil-​kongregazzjoni Kristjana. Imma l-​maturità spiritwali meħtieġa biex terfaʼ dawn ir-​responsabbiltajiet tieħu ż-​żmien biex tiġi żviluppata. Għalhekk, ħu vantaġġ miż-​żgħożija tiegħek biex tikber spiritwalment. Per eżempju, iż-​żgħożija hija żmien tajjeb biex taqra l-​Bibbja kollha, biex tiżviluppa kwalitajiet Kristjani, u titgħallem is-​sengħa taʼ li tagħmel dixxipli. (Koħèlet 12:1) Jekk bl-​umiltà turi attitudni taʼ stennija, se jasal iż-​żmien taʼ Ġeħova għalik biex ikollok iktar responsabbiltajiet.

Ix-xogħol taʼ li tagħmel dixxipli wkoll jeħtieġ il-​paċenzja. Sewwasew bħalma bidwi jrid ikompli jsaqqi sakemm Alla jkabbar iż-​żerriegħa, l-​istess jistaʼ jingħad għax-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli. (1 Korintin 3:7; Ġakbu 5:7) Hemm bżonn taʼ xhur jew saħansitra snin sħaħ taʼ studju tal-​Bibbja bis-​sabar biex tikkultiva l-​fidi u l-​apprezzament għal Ġeħova fil-​qalb t’oħrajn. Il-​fatt li tistenna lil Ġeħova jinvolvi li tippersevera, anki jekk għall-​ewwel l-​istudenti ma jwiġbux għal dak li jitgħallmu. Jekk juru għallinqas ftit apprezzament, dan jistaʼ jkun sinjal li huma qed iwieġbu għall-​ispirtu taʼ Ġeħova. Bil-​paċenzja, int għandek mnejn tesperjenza l-​ferħ li tara lil Ġeħova jgħin lill-​istudent tiegħek jiżviluppa f’dixxiplu taʼ Kristu.​—Mattew 28:20.

Nuru l-​Imħabba Billi Nistennew

Bħala eżempju taʼ kif l-​istennija tistaʼ tkun espressjoni taʼ mħabba u fiduċja, ikkunsidra s-​sitwazzjoni t’oħt anzjana li tgħix fir-​reġjun tad-​deżert taʼ l-​Andes, fl-​Amerika t’Isfel. Hi u oħtha spiritwali huma l-​uniċi Xhieda taʼ Ġeħova fir-​raħal tagħhom. Tistaʼ timmaġina kemm kienu ħerqanin jistennew iż-​żjara tal-​Kristjani sħabhom? Darba minnhom, indokratur li jivvjaġġa kien fi triqtu biex jagħmlilhom l-​ewwel żjara tiegħu u ntilef. Hu kellu jmur lura minfejn beda u spiċċa ttardja b’ħafna sigħat. Il-​ħin kien qabeż sew nofsillejl meta fl-​aħħar lemaħ ir-​raħal fil-​bogħod. Ladarba ma kienx hemm elettriku f’dawn l-​inħawi, hu kien sorpriż meta ra dawl jiddi. Kemm feraħ meta finalment wasal fid-​daħla tar-​raħal u ra li d-​dawl kien ġej minn lampa tal-​pitrolju miżmuma fl-​għoli mill-​oħt anzjana! Hi kienet ċerta li kien se jiġi, allura baqgħet tistennieh.

B’paċenzja simili, aħna kuntenti li nistennew lil Ġeħova. Aħna nafu fiċ-​ċert li hu se jżomm il-​wegħdi tiegħu. U bħall-​indokratur li jivvjaġġa, aħna napprezzaw lil dawk li bi mħabba jistennewna. Għalhekk, mhux taʼ b’xejn li Alla japprezza lil dawk li jistennew lilu. Il-​Bibbja tgħid: “Jitgħaxxaq il-​Mulej . . . b’min [“jistenna,” NW] it-​tjieba tiegħu.”​—Salm 147:11.

[Stampa f’paġna 18]

Dawk li jinsabu okkupati jfaħħru ’l Alla jħossuhom henjin jistennew lil Ġeħova

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja