LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w00 10/1 pp. 18-23
  • Nixtru l-Ħin għall-Qari u l-Istudju

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Nixtru l-Ħin għall-Qari u l-Istudju
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Insibu l-​Ħin biex Naqraw u Nistudjaw il-​Bibbja
  • Irridu Nistabbilixxu l-​Prijoritajiet
  • Kif Xi Wħud Jagħmlu l-​Ħin għall-​Istudju
  • “Provvisti taʼ Ikel fiż-​Żmien Xieraq”
  • Tgħallem Kul b’Mod Tajjeb Regolarment
  • Benefiċċji Spiritwali li Jiġu mill-​Qari u l-​Istudju
  • Agħmel Ħiltek fil-Qari
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Nibbenefikaw mill-Qari taʼ Kuljum tal-Bibbja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Il-Qari tal-Bibbja—Taʼ Siwi u Pjaċevoli
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Kif Nistaʼ Nagħmel il-Qari tal-Bibbja Iktar taʼ Gost?
    Stenbaħ!—2001
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
w00 10/1 pp. 18-23

Nixtru l-​Ħin għall-​Qari u l-​Istudju

“[Ixtru] ż-​żmien opportun għalikom infuskom, għaliex il-​jiem huma mill-​agħar.”​—EFESIN 5:​16, NW.

1. Għala huwa għaqli li nippjanaw kif nużaw il-​ħin, u l-​mod kif inqassmu l-​ħin tagħna x’juri dwarna?

Jingħad li “jekk tagħżel kif tuża l-​ħin tkun qed tiffranka l-​ħin.” Bniedem li jwarrab ħin fiss biex jagħmel l-​affarijiet li hemm bżonn isiru x’aktarx li jirnexxilu jlaħħaq maʼ ħafna iktar affarijiet. L-​għaref Sultan Salamun kiteb: “Għal kollox hemm siegħa ffissata, hemm ħin għal kollox taħt is-​sema.” (Ekkleżjasti 3:1, Moffatt) Ilkoll għandna l-​istess ammont taʼ ħin li nistgħu nużaw, imma jiddependi minna kif nagħmlu dan. Il-​mod kif aħna niddeċiedu x’inhuma l-​affarijiet l-​iktar importanti li rridu nagħmlu u kif inqassmu l-​ħin jgħid ħafna dwar x’inhu l-​iktar għal qalbna.​—Mattew 6:​21.

2. (a) X’qal Ġesù dwar il-​bżonn spiritwali tagħna fil-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja? (b) Liema eżami tagħna nfusna jkun tajjeb li nagħmlu?

2 Minħabba li l-​ikel u l-​irqad huma ħtieġa għal ġisimna, bilfors irridu nwarrbu l-​ħin għalihom. Imma xi ngħidu għall-​bżonnijiet spiritwali tagħna? Nafu li dawn irridu nissodisfawhom ukoll. Fil-​Priedka li għamel fuq il-​Muntanja, Ġesù ddikjara: “Henjin huma dawk konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom.” (Mattew 5:3, NW) Huwa għalhekk li “l-​ilsir leali u diskret” ifakkarna regolarment dwar kemm hu importanti li nqattgħu l-​ħin naqraw u nistudjaw il-​Bibbja. (Mattew 24:45, NW) Għandek mnejn tirrealizza kemm hu importanti li tagħmel dan, imma forsi tħoss li m’għandekx ħin biex tistudja jew biex taqra l-​Bibbja. Jekk inhu hekk, ejja neżaminaw xi modi kif tistaʼ ssib iktar ħin biex taqra l-​Kelma t’Alla, biex tagħmel studju persunali, u biex timmedita.

Insibu l-​Ħin biex Naqraw u Nistudjaw il-​Bibbja

3, 4. (a) L-​appostlu Pawlu ta liema parir dwar kif għandna nużaw il-​ħin tagħna, u dan x’jinkludi? (b) Pawlu x’ried ifisser meta tana l-​parir biex ‘nixtru ż-​żmien opportun għalina nfusna’?

3 Meta nqisu f’liema żminijiet qed ngħixu, ilkoll kemm aħna jeħtieġ li nagħtu kas kliem l-​appostlu Pawlu: “Żommu għassa stretta li kif timxu ma jkunx bħala persuni bla għaqal imma bħala [wħud] bil-​għaqal, billi tixtru ż-​żmien opportun għalikom infuskom, għaliex il-​jiem huma mill-​agħar. Minħabba f’dan ieqfu milli ssiru bla raġuni, imma ibqgħu araw x’inhi r-​rieda taʼ Jehovah.” (Efesin 5:15-17, NW) M’għandniex xi ngħidu, dan il-​parir jgħodd f’kull aspett tal-​ħajja tagħna bħala Kristjani dedikati, inkluż li nsibu l-​ħin għat-​talb, għall-​istudju, għal-​laqgħat, u biex nieħdu sehem kemm nistgħu fl-​ippridkar taʼ “l-​Evanġelju tas-​Saltna.”—Mattew 24:14; 28:19, 20.

4 Illum, ħafna mill-​qaddejja taʼ Jehovah jidhru li qed isibuha diffiċli biex iwarrbu l-​ħin ħalli jaqraw il-​Bibbja u jistudjawha fil-​fond. Huwa ovvju li ħadd ma jistaʼ jżid xi siegħa mal-​ġurnata tiegħu, u għalhekk il-​parir taʼ Pawlu bilfors li jfisser xi ħaġa oħra. Bil-​Grieg, il-​frażi ‘tixtri ż-​żmien opportun’ tfisser li tixtri xi ħaġa li biex tixtriha jkollok tissagrifika xi ħaġa oħra. Fl-​Expository Dictionary, W. E. Vine jagħti t-​tifsira tagħha bħala li “tieħu l-​akbar vantaġġ li tistaʼ minn kull opportunità billi tużaha bl-​aħjar mod possibbli, ladarba ma tkunx tistaʼ ġġibha lura jekk tkun tliftha.” Kif jew minn liema ħaġa nistgħu nixtru l-​ħin opportun biex naqraw u nistudjaw il-​Bibbja?

Irridu Nistabbilixxu l-​Prijoritajiet

5. Għala u kif għandna ‘nkunu żguri mill-​affarijiet iktar importanti’?

5 Barra mill-​obbligi sekulari tagħna għandna ħafna affarijiet taʼ natura spiritwali x’nieħdu ħsieb. Bħala qaddejja dedikati taʼ Jehovah, għandna ħafna x’nagħmlu fix-​xogħol tiegħu. (1 Korintin 15:58) Kien għalhekk li Pawlu qal lill-​Kristjani ġewwa Filippi biex ‘ikunu żguri mill-​affarijiet iktar importanti.’ (Filippin 1:10, NW) Dan ifisser li rridu nistabbilixxu liema affarijiet huma l-​iktar importanti li nagħmlu. Affarijiet spiritwali għandhom dejjem jiġu qabel affarijiet materjali. (Mattew 6:31-33) Madankollu, hemm bżonn li nżommu l-​bilanċ anki f’li nwettqu l-​obbligi spiritwali tagħna. Kif qegħdin inqassmu l-​ħin tagħna bejn id-​diversi aspetti tal-​ħajja li ngħixu bħala Kristjani? Ir-​rapporti taʼ l-​indokraturi li jivvjaġġaw juru li minn fost l-​“affarijiet iktar importanti” li l-​Kristjani għandhom jagħmlu, l-​istudju persunali u l-​qari tal-​Bibbja huma dawk l-​affarijiet li ħafna drabi ma jsirux.

6. X’jistaʼ jkollna nagħmlu biex nixtru l-​ħin opportun meta niġu għax-​xogħol sekulari jew ix-​xogħol tad-​dar?

6 Bħalma diġà rajna, li tixtri ż-​żmien opportun jinvolvi li “tieħu l-​akbar vantaġġ li tistaʼ minn kull opportunità,” u “tużaha bl-​aħjar mod possibbli.” Għalhekk, jekk id-​drawwiet tagħna tal-​qari u l-​istudju tal-​Bibbja ma tantx huma tajbin, ikun għaqli li neżaminaw sew kif qed inqattgħu l-​ħin tagħna. Jekk ix-​xogħol sekulari tagħna qed jitlob ħafna minna, billi jiħdilna ħafna mill-​ħin u l-​enerġija tagħna, għandna nitolbu lil Jehovah dwar dan. (Salm 55:22, KŻ) Għandu mnejn inkunu nistgħu nirranġaw l-​affarijiet b’tali mod li jkollna iktar ħin għall-​affarijiet importanti li għandhom x’jaqsmu mal-​qima taʼ Jehovah, inkluż li nistudjaw u li naqraw il-​Bibbja. Jingħad li x-​xogħol tal-​mara ma jiqafx, u dan huwa veru. Għalhekk, l-​aħwa nisa wkoll iridu jaraw x’inhuma l-​prijoritajiet tagħhom u jwarrbu ħin fiss biex jaqraw il-​Bibbja u jagħmlu studju bir-​reqqa.

7, 8. (a) Ħafna drabi minn liema attivitajiet inkunu nistgħu nixtru l-​ħin għall-​qari u l-​istudju? (b) X’inhu l-​iskop tar-​rikreazzjoni, u li nżommu dan f’moħħna kif jistaʼ jgħinna nistabbilixxu l-​prijoritajiet tagħna?

7 Ġeneralment, ħafna minna jistgħu jixtru l-​ħin għall-​istudju billi jnaqqsu attivitajiet li m’humiex neċessarji. Nistgħu nistaqsu lilna nfusna, ‘Jien kemm inqattaʼ ħin naqra xi rivisti sekulari jew gazzetti, nara programmi televiżivi, nismaʼ l-​mużika, jew nilgħab il-​logħob tal-​kompjuter? Inqattaʼ iktar ħin quddiem il-​kompjuter milli nqattaʼ naqra l-​Bibbja?’ Pawlu jgħid: “Ieqfu milli ssiru bla raġuni, imma ibqgħu araw x’inhi r-​rieda taʼ Jehovah.” (Efesin 5:17, NW) Milli jidher, waħda mir-​raġunijiet ewlenin għala ħafna Xhieda ma jkollhomx ħin biżżejjed għall-​istudju persunali u għall-​qari tal-​Bibbja hi li jqattgħu ħafna iktar ħin milli hu raġunevoli quddiem it-​televixin.​—Salm 101:3; 119:37, 47, 48.

8 Xi wħud jistgħu jgħidu li ma jistax ikun li joqogħdu jistudjaw il-​ħin kollu, li jkollhom bżonn ir-​rikreazzjoni. Waqt li dan huwa minnu, ikun tajjeb li nikkunsidraw kemm inqattgħu ħin nistrieħu u nqabbluh mal-​ħin li fil-​fatt inqattgħu nistudjaw jew naqraw il-​Bibbja. Għandu mnejn li nibqgħu sorpriżi b’dak li nsibu. Huwa veru li r-​rikreazzjoni u l-​mistrieħ għandna bżonnhom, iżda jeħtieġ li dawn inżommuhom f’posthom. L-​iskop tagħhom hu li jirrifreskawna biex inkomplu bl-​attivitajiet spiritwali tagħna. Ħafna programmi televiżivi u logħob tal-​kompjuter iġagħlu lil dak li jkun iħossu għajjien, waqt li l-​qari u l-​istudju tal-​Kelma t’Alla jirrifreskawna u jagħtuna s-​saħħa.—Salm 19:8, 9 [19:7, 8, NW].

Kif Xi Wħud Jagħmlu l-​Ħin għall-​Istudju

9. X’vantaġġi jkollna jekk napplikaw il-​parir mogħti fil-​ktejjeb Neżaminaw l-​Iskrittura Kuljum taʼ l-​1999?

9 Id-​daħla taʼ l-​edizzjoni taʼ l-​1999 tal-​ktejjeb Neżaminaw l-​Iskrittura Kuljum tgħid: “Ikun verament vantaġġuż li tikkunsidra l-​iskrittura tal-​ġurnata u l-​kummenti minn dan il-​ktejjeb fil-​għodu. Tħossok bħallikieku Jehovah, l-​Istruttur il-​Kbir, kien qed iqajmek bl-​istruzzjonijiet tiegħu. Profetikament jingħad li Ġesù Kristu jibbenefika kull għodwa mill-​istruzzjonijiet taʼ Jehovah: ‘Taʼ kull filgħodu Jehovah jqajjimli ’l widinti, biex nismaʼ bħal wieħed mgħallem.’ Istruzzjonijiet taʼ din il-​kwalità taw lil Ġesù ‘lsien taʼ wieħed mgħallem,’ sabiex b’hekk hu setaʼ ‘jagħraf jgħin lill-​għajjien b’xi kelma.’ (Is. 30:20; 50:4; Mt. 11:28-30) Li tkun imqajjem għal pariri fi żmienhom mill-​Kelma t’Alla kull fil-​għodu mhux biss jgħinek tkampa mal-​problemi tiegħek, imma wkoll jarmak bl-​‘ilsien taʼ wieħed mgħallem’ biex tgħin lil ħaddieħor.”a

10. Xi wħud kif jagħmlu l-​ħin biex jaqraw u jistudjaw il-​Bibbja, u liema benefiċċji jgawdu permezz taʼ dan?

10 Ħafna mill-​Kristjani japplikaw dan il-​parir billi jaqraw l-​iskrittura tal-​ġurnata flimkien mal-​kummenti, u billi jaqraw il-​Bibbja jew jistudjaw kmieni fil-​għodu. Pijuniera leali minn Franza tqum kmieni kull fil-​għodu u tqattaʼ nofsiegħa taqra l-​Bibbja. X’kien li għenha tagħmel dan matul dawn is-​snin kollha? Hi tgħid: “Jien għandi motiv sod, u nżomm maʼ l-​iskeda tal-​qari tiegħi jiġri x’jiġri!” Nagħżlu liema ħin nagħżlu, l-​importanti hu li nżommu maʼ l-​iskeda tagħna. René Mica, li ilu jaqdi bħala pijunier għal iktar minn 40 sena fl-​Ewropa u fl-​Afrika taʼ Fuq, jistqarr: “Mill-​1950 ’l hawn, dejjem kienet il-​mira tiegħi li naqra l-​Bibbja kollha kemm hi kull sena, u issa dan għamiltu 49 darba. Inħoss li dan hu vitali biex inkun nistaʼ nżomm relazzjoni mill-​qrib mal-​Ħallieq tiegħi. Il-​meditazzjoni fuq il-​Kelma t’Alla tgħinni nifhem aħjar il-​ġustizzja taʼ Jehovah u l-​kwalitajiet l-​oħrajn tiegħu, u dan iqawwini ferm.”b

“Provvisti taʼ Ikel fiż-​Żmien Xieraq”

11, 12. (a) Liema “provvisti taʼ ikel” ġew provduti mill-​“prokuratur leali”? (b) Dawn il-​“provvisti taʼ ikel” kif ġew provduti fiż-​żmien xieraq?

11 Sewwa sew bħalma l-​fatt li nieklu regolarment jgħinna nibqgħu f’saħħitna fiżikament, hekk ukoll skeda regulari biex nistudjaw u naqraw il-​Bibbja tgħinna biex inkunu f’saħħitna spiritwalment. Fl-​Evanġelju taʼ Luqa naqraw dan il-​kliem taʼ Ġesù: “Min tassew hu l-​prokuratur leali, il-​wieħed diskret, li lilu sidu se jaħtar fuq il-​ġemgħa taʼ qaddejja tiegħu biex jibqaʼ jagħtihom il-​kejl tagħhom taʼ provvisti taʼ ikel fiż-​żmien xieraq?” (Luqa 12:42, NW) Dawn il-​“provvisti taʼ ikel [spiritwali] fiż-​żmien xieraq” issa ilhom iktar minn 120 sena jiġu provduti f’It-Torri taʼ l-​Għassa, kif ukoll f’kotba u letteratura oħra bbażata fuq il-​Bibbja.

12 Innota l-​espressjoni “fiż-​żmien xieraq.” Meta jkun il-​waqt, Jehovah, l-​Istruttur il-​Kbir tagħna, dejjem iggwida lin-​nies tiegħu fi kwistjonijiet taʼ twemmin u prinċipji u fi kwistjonijiet taʼ kondotta. Dan jagħmlu permezz taʼ Ibnu u tal-​klassi taʼ l-​ilsir. Ikun bħallikieku bħala poplu nisimgħu leħen minn warajna jgħidilna: ‘Din hi t-​triq; għaddu minnha, sew jekk tiksru lejn il-​lemin, [u] sew lejn ix-​xellug.’ (Isaija 30:20, 21) Iktar minn hekk, meta xi ħadd jaqra l-​Bibbja u l-​letteratura kollha bbażata fuq il-​Bibbja bir-​reqqa, ħafna drabi jiġri li hu jħoss li dak li hemm miktub ikun apposta għalih. Iva, il-​pariri u d-​direzzjoni t’Alla jaslu għandna fiż-​żmien meta jkollna bżonnhom, u jgħinuna nirreżistu t-​tentazzjonijiet u nagħmlu deċiżjonijiet għaqlin.

Tgħallem Kul b’Mod Tajjeb Regolarment

13. Kif nistgħu nkunu qegħdin nonqsu milli nitimgħu lilna nfusna spiritwalment b’mod tajjeb u regulari?

13 Jekk irridu nibbenefikaw bis-​sħiħ minn dawn il-​“provvisti taʼ ikel” li qed jiġu provduti fiż-​żmien xieraq, jeħtieġ li nitimgħu lilna nfusna tajjeb regolarment. Huwa importanti li jkollna skeda regulari għall-​qari tal-​Bibbja u l-​istudju persunali, u li nżommu magħha jiġri x’jiġri. Qiegħed int titmaʼ lilek innifsek tajjeb spiritwalment? Iżżomm perijodi regulari li fihom tagħmel studju persunali fil-​fond? Jew sempliċement taqra fuq fuq dak li ġie preparat b’tant reqqa għalina u tiblaʼ kollox f’salt, biex ngħidu hekk, jew saħansitra kultant tgħaddi mingħajr ma tiekol xejn? Meta xi wħud ma jitimgħux lilhom infushom spiritwalment b’mod tajjeb u regulari, dan iġagħalhom isiru dgħajfin fil-​fidi, u saħansitra jitilqu mill-​verità.—1 Timotju 1:19; 4:15, 16.

14. Għala huwa taʼ benefiċċju li naqraw bir-​reqqa xi artikli li forsi jidhru li nkunu diġà qrajna bħalhom qabel?

14 Xi wħud iħossu li huma diġà jafu t-​tagħlim bażiku u li mhux kull artiklu jkun fih xi ħaġa kompletament ġdida. Għalhekk, jaħsbu li m’hemmx għalfejn jistudjaw u jattendu l-​laqgħat regolarment. Madankollu, il-​Bibbja turi li għandna bżonn niġu mfakkrin dawk l-​affarijiet li nkunu diġà tgħallimna. (Salm 119:95, 99; 2 Pietru 3:1, NW; Ġuda 5) Bħalma kok tajjeb jipprepara l-​istess ingredjenti bażiċi b’ħafna modi differenti li jħajruk, hekk ukoll il-​klassi taʼ l-​ilsir tipprovdi ikel spiritwali sustanzjuż b’modi differenti. Saħansitra f’artikli dwar xi suġġetti li jkunu diġà ġew spjegati kemm-il darba, xorta waħda jkun hemm xi dettalji li żgur li ma nkunux irridu li ma nindunawx bihom. Il-​fatt hu li dak li jirnexxilna nitgħallmu mill-​qari li nagħmlu jiddependi ħafna minn kemm inqattgħu ħin u kemm nagħmlu sforz fl-​istudju tagħna.

Benefiċċji Spiritwali li Jiġu mill-​Qari u l-​Istudju

15. Il-​qari u l-​istudju tal-​Bibbja kif jgħinuna nsiru ministri aħjar tal-​Kelma t’Alla?

15 Il-​benefiċċji li nieħdu mill-​qari u l-​istudju tal-​Bibbja huma ħafna, tant li lanqas nistgħu ngħodduhom. Dawn jgħinuna biex inwettqu waħda mir-​responsabbiltajiet bażiċi taʼ Kristjan, jiġifieri li kull wieħed minna jsir “ħaddiem li m’għandux mniex jistħi, li . . . [‘jimmaniġġa sewwa,’ NW] l-​kelma tal-​verità.” (2 Timotju 2:15) Iktar ma naqraw u nistudjaw il-​Bibbja, iktar moħħna se jkun mimli bil-​ħsibijiet t’Alla. Imbagħad, bħal Pawlu, inkunu kapaċi ‘nirraġunaw man-​nies mill-​Iskrittura, billi nispjegaw u nagħtu prova b’referenzi’ biex nuruhom x’inhi l-​verità meraviljuża dwar l-​iskopijiet taʼ Jehovah. (Atti 17:2, 3, NW) Insiru iktar tas-​sengħa f’li ngħallmu lil oħrajn, u l-​konversazzjonijiet, it-​taħditiet, u l-​pariri tagħna se jkunu iktar t’għajnuna biex oħrajn jinbnew spiritwalment.—Proverbji 1:5.

16. B’liema modi se nibbenefikaw personalment jekk naqraw u nistudjaw il-​Kelma t’Alla?

16 Barra minn hekk, il-​ħin li nużaw biex neżaminaw il-​Kelma t’Alla se jgħinna nġibu ħajjitna iktar fi qbil mar-​rieda taʼ Jehovah. (Salm 25:4; 119:9, 10; Proverbji 6:20-23) Se jsaħħilna l-​kwalitajiet spiritwali tagħna, bħall-​umiltà, il-​lealtà, u l-​ferħ. (Dewteronomju 17:19, 20; Apokalissi 1:3) Meta napplikaw l-​għarfien li nkunu ksibna mill-​qari u l-​istudju tal-​Bibbja, l-​ispirtu t’Alla jkun jistaʼ jaħdem iktar fuqna, u b’hekk nuru iktar il-​frott taʼ l-​ispirtu f’kulma nagħmlu.—Galatin 5:22, 23.

17. Il-​kwantità u l-​kwalità tal-​qari u l-​istudju persunali tal-​Bibbja li nagħmlu kif jeffettwaw ir-​relazzjoni tagħna maʼ Jehovah?

17 Fuq kollox, dak il-​ħin li nkunu xtrajna minn attivitajiet oħra biex naqraw u nistudjaw il-​Kelma t’Alla se jrendi barkiet kbar fejn tidħol ir-​relazzjoni tagħna m’Alla. Pawlu talab li sħabu l-​Kristjani jkunu jistgħu ‘jimtlew bil-​għarfa kollha tar-​rieda t’Alla bil-​għerf kollu u dehen spiritwali, biex jimxu kif jixraq lill-​Mulej u jogħġbuh f’kollox.’ (Kolossin 1:9, 10, Saydon) Bl-​istess mod, jekk irridu li ‘nimxu kif jixraq lill-​Mulej,’ aħna rridu ‘nimtlew bil-​għarfa kollha tar-​rieda t’Alla bil-​għerf kollu u dehen spiritwali.’ Ilkoll nixtiequ li jkollna l-​barka u l-​approvazzjoni taʼ Jehovah. Jidher ċar li dan jiddependi ħafna mill-​kwantità u mill-​kwalità tal-​qari u l-​istudju persunali tal-​Bibbja li nagħmlu.

18. Liema barkiet nistgħu ngawdu jekk nobdu l-​kliem taʼ Ġesù fi Ġwann 17:3?

18 “Din hi l-​ħajja taʼ dejjem, li . . . [“jieħdu għarfien dwarek,” NW], Alla waħdek veru, u . . . [dwar] Ġesù Kristu, li inti bgħatt.” (Ġwann 17:3) Din hija waħda mill-​iktar skritturi li jużaw ix-​Xhieda taʼ Jehovah biex jgħinu lin-​nies japprezzaw l-​importanza taʼ li jistudjaw il-​Kelma t’Alla. Ċertament, li nagħmlu dan huwa daqstant importanti għal kull wieħed u waħda minna. It-​tama li ngħixu għal dejjem tiddependi fuq li nikbru fl-​għarfien dwar Jehovah u Ibnu, Ġesù Kristu. U aħseb ftit x’ifisser dan. Qatt m’aħna se nieqfu nitgħallmu dwar Jehovah—u se jkollna eternità sħiħa biex nitgħallmu dwaru!—Ekkleżjasti 3:11, NW; Rumani 11:33.

[Noti taʼ taħt]

a Pubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

b Ara l-​artiklu “Meta Jaqrawha u Kif Jibbenefikaw,” li ġie pubblikat f’It-Torri taʼ l-​Għassa taʼ l-​1 taʼ Mejju, 1995, paġni 31-2.

Mistoqsijiet Bħala Reviżjoni

• X’juri dwarna l-​mod kif nużaw il-​ħin tagħna?

• Minn liema attivitajiet nistgħu nixtru l-​ħin biex naqraw u nistudjaw il-​Bibbja?

• Għala għandna nieħdu ħsieb li nitimgħu lilna nfusna spiritwalment b’mod tajjeb u regulari?

• Liema benefiċċji jiġu mill-​qari u l-​istudju taʼ l-​Iskrittura?

[Stampi f’paġna 21]

Billi naqraw u nistudjaw il-​Bibbja regolarment se nkunu kapaċi ‘nimmaniġġaw sewwa l-​kelma tal-​verità’

[Stampi f’paġna 23]

Jekk, fil-​ħajja mgħaġġla li ngħixu, nibbilanċjaw affarijiet oħra m’attivitajiet spiritwali, dan se jrendilna barkiet kbar

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja